2. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkooperaw ma’ xulxin, inkluż billi jistabbilixxu timijiet konġunti ta’ esperti u bl-appoġġ tekniku mill-Kummissjoni, biex jidentifikaw is-sorsi tat-tniġġis tal-arja, il-kontributi ta’ dawk is-sorsi għall-qabżiet fi Stat Membru ieħor u l-miżuri li għandhom jittieħdu individwalment u f’koordinazzjoni ma’ Stati Membri oħra biex jindirizzaw dawk is-sorsi, u jfasslu attivitajiet koordinati, bħall-koordinazzjoni tal-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja skont l-Artikolu 19, li fihom kull Stat Membru għandu jindirizza s-sorsi tat-tniġġis li jinsabu fit-territorju tiegħu, sabiex jitneħħew tali qabżiet.
L-Istati Membri għandhom iwieġbu lil xulxin fil-ħin, u jinfurmaw lill-Kummissjoni, mhux iktar tard minn tliet xhur wara li jkunu ġew notifikati minn Stat Membru ieħor f’konformità mal-ewwel subparagrafu.