Artikolu 1
Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar il-ġbir, it-trattament u l-iskariku tal-ilma mormi urban, biex tipproteġi l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, f'konformità mal-approċċ “Saħħa Waħda”, filwaqt li progressivament tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet b’effett ta’ serra għal livelli sostenibbli, ittejjeb il-bilanċ enerġetiku tal-attivitajiet tal-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi urban u tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari. Tistabbilixxi wkoll regoli dwar l-aċċess għal faċilitajiet sanitarji għal kulħadd, dwar it-trasparenza tas-settur tal-ilma mormi urban, dwar is-sorveljanza regolari tal-parametri rilevanti għas-saħħa pubblika fl-ilma mormi urban u dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju li min iniġġes iħallas.