1. L-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà għandhom jitħaddmu taħt ir-responsabbiltà tal-entitajiet tal-Unjoni jew tal-korpi tas-settur pubbliku parteċipanti. Ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà li jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali minn korpi tas-settur pubbliku, għandhom jitħaddmu taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data kif ukoll ta’ awtoritajiet superviżorji nazzjonali, reġjonali jew lokali rilevanti oħra. Ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà li jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali mill-entitajiet tal-Unjoni għandhom jitħaddmu taħt is-superviżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.