5. Il-kejl u l-kwantifikazzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu għandhom jitwettqu f’konformità mal-istandards u l-preskrizzjonijiet tekniċi, kif applikabbli, stabbiliti skont l-Artikolu 32. Sad-data tal-applikazzjoni ta’ dawk l-istandards jew il-preskrizzjonijiet tekniċi, l-operaturi u l-impriżi għandhom isegwu prattiki industrijali tal-ogħla livell u jużaw l-aqwa teknoloġiji disponibbli għall-kejl u l-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan. F’dak il-kuntest, l-operaturi u l-impriżi stabbiliti fl-Unjon jistgħu jużaw l-aktar dokumenti reċenti ta’ gwida teknika tal-OGMP 2.0 approvati sal-4 ta’ Awwissu 2024 għal tali finijiet.
L-operaturi u l-impriżi għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti u lill-verifikaturi informazzjoni dwar l-istandards, inkluż l-istandards Ewropej jew internazzjonali oħra, jew il-metodoloġiji użati.