9. Sal-5 ta’ Awwissu 2026, l-Istati Membri jew il-parti responsabbli, f’konformità mal-paragrafu 8, għandhom iħejju pjan ta’ mitigazzjoni biex jirrimedjaw, jirreklamaw u jagħlqu b’mod permanenti bjar inattivi u bjar magħluqa temporanjament inkluż mill-inqas l-elementi stipulati fil-Parti 2 tal-Anness V, u jimplimentawh fi żmien 12-il xahar mill-preżentazzjoni tal-ewwel rapport imsemmi fil-paragrafu 3.
B’deroga mill-ewwel subparagrafu, fejn Stat Membru jew il-parti responsabbli skont il-paragrafu 8 tkun tista’ turi li l-implimentazzjoni ta’ dak il-pjan ta’ mitigazzjoni ma tkunx possibbli sa dik l-iskadenza minħabba kunsiderazzjonijiet ta’ sikurezza, dawk amministrattivi jew tekniċi, huma jistgħu jdewwmu l-implimentazzjoni tiegħu. Il-pjan ta’ mitigazzjoni għandu jinkludi l-evidenza meħtieġa kollha li tiġġustifika tali deċiżjoni. F’każijiet bħal dawn, l-implimentazzjoni għandha titwettaq malajr kemm jista’ jkun filwaqt li jiġi żgurat li d-data tat-tmiem għall-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni għal kull bir ma taqbiżx it-3 snin mill-preżentazzjoni tal-ewwel rapport imsemmi fil-paragrafu 3.
L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu li l-parti responsabbli temenda l-pjan ta’ mitigazzjoni b’kont meħud tar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.
L-Istati Membri jew il-parti responsabbli skont il-paragrafu 8 għandhom jaġġornaw regolarment il-pjan ta’ mitigazzjoni, f’konformità mal-inventarju msemmi fil-paragrafu 1 u r-rapporti msemmija fil-paragrafu 3 u kwalunkwe bidla jew informazzjoni ġdida derivata minnu, u abbażi ta’ valutazzjoni robusta li tqis l-aktar sejbiet xjentifiċi aġġornati u l-aħjar tekniki disponibbli.
Il-pjanijiet ta’ mitigazzjoni għandhom jużaw l-inventarji msemmija fil-paragrafu 1 u r-rapporti msemmija fil-paragrafi 3 sabiex jiddeterminaw il-prijorità għall-attivitajiet, inkluż:
|
(a)
|
ir-rimedjazzjoni, ir-reklamazzjoni u l-mili permanenti tal-bjar;
|
|
(b)
|
ir-reklamazzjoni ta’ toroq ta’ aċċess relatati jew il-ħamrija tal-madwar taħt l-ilma, kif applikabbli;
|
|
(c)
|
ir-restawr tal-art, tal-ilma, tal-qiegħ il-baħar u tal-ħabitat affettwati mill-bjar u mill-operazzjonijiet preċedenti;
|
|
(d)
|
il-monitoraġġ sabiex jiġi żgurat li l-bjar magħluqa mhumiex sors ta’ emissjonijiet tal-metan f’konformità ma’ dan l-Artikolu.
|