6. Abbażi tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 u ta’ kriterji oġġettivi, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 34 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi l-valuri massimi tal-intensità tal-metan assoċjati maż-żejt mhux maħdum, mal-gass naturali u mal-faħam imqiegħda fis-suq tal-Unjoni fil-livell tal-produttur. Dawk l-atti delegati għandhom ikunu konsistenti mal-metodoloġija għall-kalkolu tal-intensità tal-metan tal-produzzjoni taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam imqiegħda fis-suq tal-Unjoni stabbilita f’konformità ma’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti delegati għandhom jispeċifikaw ukoll klassijiet differenti tal-intensità tal-metan għaż-żejt mhux maħdum, għall-gass naturali u għall-faħam. Dawk il-valuri massimi tal-intensità tal-metan għandhom jiġu ddeterminati separatament għaż-żejt mhux maħdum, għall-gass naturali u għall-faħam, u jkopru l-klassi jew il-klassijiet bl-aħjar prestazzjoni. Dawk il-valuri massimi tal-intensità tal-metan u l-klassijiet tal-intensità tal-metan għandhom iqisu s-sorsi, il-proċessi tal-produzzjoni u l-kundizzjonijiet tas-sit differenti u għandhom jiġu stabbiliti f’livelli li jippromwovu t-tnaqqis tal-emissjonijiet globali tal-metan fir-rigward taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam imqiegħda fis-suq tal-Unjoni, filwaqt li tiġi ppreservata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali, tiġi żgurata distribuzzjoni bilanċjata tal-volumi taż-żejt mhux maħdum, tal-gass naturali u tal-faħam imqiegħda fis-suq tal-Unjoni kif ukoll trattament mhux diskriminatorju, u tiġi protetta l-kompetittività tal-ekonomija tal-Unjoni.