7. Il-paragrafi 1 sa 6 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jieħdu miżuri proporzjonati biex jirrestrinġu temporanjament il-provvisti ta’ LNG mill-Federazzjoni Russa u mill-Belarussja, għal perijodu ta’ żmien fiss, li jista’ jiġġedded jekk ikun ġustifikat, billi jillimitaw l-offerti bil-quddiem minn kwalunkwe utent tan-network wieħed l jew il-provvista għall-kapaċità ta’ faċilità tal-LNG lil kwalunkwe utent tan-network wieħed għal konsenji mill-Federazzjoni Russa jew mill-Belarussja, meta dak ikun meħtieġ biex jiġu protetti l-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħhom u dawk tal-Unjoni, dment li tali miżuri:
|
(a)
|
ma jfixklux bla bżonn il-funzjonament tajjeb tas-suq intern għall-gass naturali, u l-flussi transfruntieri tal-gass naturali bejn l-Istati Membri, u ma jdgħajfux is-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru;
|
|
(b)
|
jirrispettaw il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika;
|
|
(c)
|
jittieħdu f’konformità mad-drittijiet u l-obbligi tal-Unjoni u tal-Istati Membri fir-rigward tal-pajjiżi terzi.
|
Filwaqt li titqies il-ħtieġa li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni, il-miżuri meħuda mill-Istati Membri skont l-ewwel subparagrafu jistgħu jkollhom l-għan li jiddiversifikaw il-provvisti tal-LNG bil-ħsieb li titneħħa gradwalment id-dipendenza fuq il-gass naturali Russu, meta jista’ jintwera li tali miżuri huma meħtieġa biex jiġu protetti l-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħhom u dawk tal-Unjoni.
Qabel ma jieħu deċiżjoni b’rabta ma’ miżura kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jikkonsulta lill-Kummissjoni u, f’każ li x’aktarx jiġu affettwati mill-miżura kkonċernata, lil Stati Membri oħra, il-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija, pajjiżi terzi li jkunu Partijiet Kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq. L-Istat Membru kkonċernat għandu jqis b’mod sħiħ is-sitwazzjoni f’dawk l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, u kwalunkwe tħassib imqajjem f’dak ir-rigward minn dawk l-Istati Membri, il-pajjiżi terzi jew il-Kummissjoni.