|
+Artikolu 86 (1) |
Artikolu 86 (1)l-Artikoli 11, 12 u 13 huma sostitwiti b’dan li ġej: “Artikolu 11 Analiżi tal-kostbenefiċċji tas-sistema tal-enerġija kollha 1. L-ENTSO tal-Elettriku u n-Network Ewropew tal-Operaturi tan-Networks għall-Idroġenu (ENNOH) msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) 2024/1789 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4) għandhom ifasslu abbozzi ta’ metodoloġiji konsistenti għal kull settur, inkluż il-mudell tan-network tal-enerġija u tas-suq imsemmi fil-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu, għal analiżi armonizzata tal-kostbenefiċċji tas-sistema tal-enerġija kollha fil-livell tal-Unjoni għal proġetti fil-lista tal-Unjoni taħt il-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fil-punti (1)(a), (b), (d) u (f) u fil-punt (3) tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament. Il-metodoloġiji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jitfasslu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Anness V, għandhom ikunu bbażati fuq suppożizzjonijiet komuni li jippermettu tqabbil bejn il-proġetti, u għandhom ikunu konsistenti mal-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha għall-2050, kif ukoll mar-regoli u l-indikaturi stabbiliti fl-Anness IV. Il-metodoloġiji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jiġu applikati għat-tħejjija ta’ kull pjan sussegwenti tal-iżvilupp tan-network ta’ għaxar snin għall-Unjoni kollha u li jkun żviluppat mill-ENTSO tal-Elettriku skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2019/943 jew l-ENNOH skont l-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) 2024/1789. Sal-24 ta’ April 2023, l-ENTSO tal-Elettriku għandu jippubblika u jissottometti lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija l-abbozz ta’ metodoloġija konsistenti għal kull settur tiegħu wara li jinġabar l-input mill-partijiet ikkonċernati rilevanti matul il-proċess ta’ konsultazzjoni msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Kwalunkwe metodoloġija għal analiżi tal-kostbenefiċċji tal-idroġenu fis-sistema tal-enerġija kollha żviluppata mill-ENTSO tal-Gass sal-1 ta’ Settembru 2024 għandha tiġi approvata f’konformità mal-proċess stabbilit f’dan l-Artikolu. Sal-1 ta’ Diċembru 2025, l-ENNOH għandu jippubblika u jissottometti lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija l-abbozz ta’ metodoloġija konsistenti għal kull settur tiegħu wara li jinġabar l-input mill-partijiet ikkonċernati rilevanti matul il-proċess ta’ konsultazzjoni skont l-Artikolu 61(3), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2024/1789. 2. Qabel ma jissottomettu l-abbozzi ta’ metodoloġiji rispettivi tagħhom lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija f’konformità mal-paragrafu 1, l-ENTSO tal-Elettriku u l-ENNOH għandhom jippubblikaw abbozzi preliminari tal-metodoloġiji u jwettqu proċess ta’ konsultazzjoni estensiv u jfittxu rakkomandazzjonijiet mill-Istati Membri u, mill-inqas, mill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inkluża l-entità Ewropea għall-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni stabbilita skont l-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) 2019/943 (l-‘entità tal-UE għad-DSO’), l-assoċjazzjonijiet involuti fis-swieq tal-elettriku, tal-gass naturali u tal-idroġenu, il-partijiet ikkonċernati fl-oqsma tat-tisħin u t-tkessiħ, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju u l-qbid u l-użu tal-karbonju, l-aggregaturi indipendenti, l-operaturi tar-rispons tad-domanda, l-organizzazzjonijiet involuti fis-soluzzjonijiet tal-effiċjenza fl-enerġija, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi tal-enerġija, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u, fejn jitqies xieraq, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u awtoritajiet nazzjonali oħra. Fi żmien tliet xhur mill-pubblikazzjoni tal-abbozzi preliminari tal-metodoloġiji skont l-ewwel subparagrafu, kwalunkwe parti kkonċernata msemmija f’dak is-subparagrafu tista’ tissottometti rakkomandazzjoni. Il-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima stabbilit skont l-Artikolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5) jista’, fuq inizjattiva tiegħu stess, jippreżenta opinjoni dwar l-abbozzi tal-metodoloġiji. Fejn applikabbli, l-Istati Membri, u l-partijiet ikkonċernati msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jissottomettu u jagħmlu pubblikament disponibbli r-rakkomandazzjonijiet tagħhom, u l-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima għandu jissottometti u jagħmel pubblikament disponibbli l-opinjoni tiegħu lill-Aġenzija u, kif applikabbli, lill-ENTSO tal-Elettriku jew lill-ENNOH. Il-proċess ta’ konsultazzjoni għandu jkun miftuħ, f’waqtu u trasparenti. L-ENTSO tal-Elettriku u l-ENNOH għandhom iħejju u jagħmlu pubblikament disponibbli rapport dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni. L-ENTSO tal-Elettriku u l-ENNOH għandhom jipprovdu raġunijiet, meta ma jkunux qiesu, jew ikunu qiesu biss parzjalment, ir-rakkomandazzjonijiet mill-Istati Membri jew mill-partijiet ikkonċernati, kif ukoll mill-awtoritajiet nazzjonali, jew l-opinjoni tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima. 3. Fi żmien tliet xhur mill-jum li fih tirċievi l-abbozzi ta’ metodoloġiji flimkien mal-input riċevut fil-proċess ta’ konsultazzjoni u r-rapport dwar il-konsultazzjoni, l-Aġenzija għandha tipprovdi opinjoni lill-ENTSO tal-Elettriku u lill-ENNOH. L-Aġenzija għandha tinnotifika l-opinjoni tagħha lill-ENTSO tal-Elettriku, lill-ENNOH, lill-Istati Membri, u lill-Kummissjoni u tippubblikaha fuq is-sit web tagħha. 4. Fi żmien tliet xhur mill-jum li fih jirċievu l-abbozzi tal-metodoloġiji, l-Istati Membri jistgħu jagħtu l-opinjonijiet tagħhom lill-ENTSO tal-Elettriku u lill-ENNOH u lill-Kummissjoni. Biex tiffaċilita l-konsultazzjoni, il-Kummissjoni tista’ torganizza laqgħat speċifiċi tal-Gruppi biex jiddiskutu l-abbozzi tal-metodoloġiji. 5. Fi żmien tliet xhur minn meta jirċievu l-opinjonijiet tal-Aġenzija u l-Istati Membri, kif imsemmi fil-paragrafi 3 u 4, l-ENTSO tal-Elettriku u l-ENNOH għandhom jemendaw il-metodoloġiji rispettivi tagħhom biex iqisu bis-sħiħ l-opinjonijiet tal-Aġenzija u tal-Istati Membri u jissottomettuhom flimkien mal-opinjoni tal-Aġenzija lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni għandha toħroġ id-deċiżjoni tagħha fi żmien tliet xhur mis-sottomissjoni tal-metodoloġiji mill-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass u l-ENNOH, rispettivament. 6. Fi żmien ġimagħtejn mill-approvazzjoni tal-Kummissjoni f’konformità mal-paragrafu 5, l-ENTSO tal-Elettriku u l-ENNOH għandhom jippubblikaw il-metodoloġiji rispettivi tagħhom fuq is-siti web tagħhom. Huma għandhom jippubblikaw id-data tal-input korrispondenti u data rilevanti oħra dwar in-network, il-fluss tat-tagħbija u s-suq f’forma preċiża biżżejjed soġġett għal restrizzjonijiet skont il-liġi nazzjonali u l-ftehimiet ta’ kunfidenzjalità rilevanti. Il-Kummissjoni u l-Aġenzija għandhom jiżguraw it-trattament kunfidenzjali tad-data li tasal għandhom u għand kwalunkwe parti li twettaq xogħol analitiku abbażi ta’ dik id-data f’isimhom. 7. Il-metodoloġiji għandhom jiġu aġġornati u mtejba b’mod regolari skont il-proċedura deskritta fil-paragrafi 1 sa 6. B’mod partikolari, dawn għandhom jiġu emendati wara s-sottomissjoni tal-mudell tan-network u tas-suq tal-enerġija msemmija fil-paragrafu 10. L-Aġenzija, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba debitament motivata mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew mill-partijiet ikkonċernati, u wara li tikkonsulta formalment lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha msemmija fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, u lill-Kummissjoni, tista’ titlob tali aġġornamenti u titjib, filwaqt li tipprovdi raġunijiet u skeda ta’ żmien. L-Aġenzija għandha tippubblika t-talbiet mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew mill-partijiet ikkonċernati u d-dokumenti rilevanti kollha mhux kummerċjalment sensittivi li jwasslu għal talba mill-Aġenzija għal aġġornament jew għal titjib. 8. Għall-proġetti li jaqgħu fil-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fil-punt (1)(c) u (e) u fil-punti (2), (4) u (5) tal-Anness II, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-iżvilupp ta’ metodoloġiji għal analiżi armonizzata tal-kostbenefiċċji tas-sistema tal-enerġija kollha fil-livell tal-Unjoni. Dawk il-metodoloġiji għandhom ikunu kompatibbli f’termini ta’ benefiċċji u kostijiet mal-metodoloġiji żviluppati mill-ENTSO tal-Elettriku u mill-ENNOH. L-Aġenzija għandha, bl-appoġġ tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, tippromwovi l-konsistenza ta’ dawk il-metodoloġiji mal-metodoloġiji mfassla mill-ENTSO tal-Elettriku u l-ENNOH. Il-metodoloġiji għandhom jiġu żviluppati b’mod trasparenti, inkluża konsultazzjoni estensiva tal-Istati Membri u tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha. 9. Kull tliet snin, l-Aġenzija għandha tistabbilixxi u tippubblika sett ta’ indikaturi u ta’ valuri ta’ referenza korrispondenti għat-tqabbil tal-kostijiet tal-unità ta’ investiment għal proġetti komparabbli tal-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija inklużi fl-Anness II. Il-promoturi tal-proġett għandhom jipprovdu d-data rikjesta lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u lill-Aġenzija. L-Aġenzija għandha tippubblika l-ewwel indikaturi għall-kategoriji tal-infrastruttura stabbiliti fil-punti (1), (2) u (3) tal-Annes II, sal-24 ta’ April 2023, sal-punt li d-data tkun disponibbli biex jiġu kkalkulati indikaturi u valuri ta’ referenza robusti. Dawk il-valuri ta’ referenza jistgħu jintużaw mill-ENTSO tal-Elettriku u mill-ENNOH għall-analiżijiet tal-kostbenefiċċji mwettqa għal pjanijiet sussegwenti tal-iżvilupp tan-network ta’ għaxar snin għall-Unjoni kollha. L-Aġenzija għandha tippubblika l-ewwel indikaturi għall-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fil-punti (4) u (5) tal-Anness II, sal-24 ta’ April 2025. 10. Sal-31 ta’ Ottubru 2025, wara proċess ta’ konsultazzjoni estensiv tal-partijiet ikkonċernati msemmi fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, l-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass u l-ENNOH għandhom jissottomettu b’mod konġunt lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija mudell konsistenti u integrat progressivament li jipprovdi konsistenza bejn il-metodoloġiji tas-settur uniku abbażi ta’ suppożizzjonijiet komuni li jinkludu l-infrastruttura tat-trażmissjoni tal-elettriku, tal-gass naturali u tal-idroġenu kif ukoll il-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass naturali, il-gass naturali likwifikat u l-elettrolizzaturi, li jkopri l-kurituri u ż-żoni prijoritarji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fl-Anness I imfassal f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Anness V. 11. Il-mudell imsemmi fil-paragrafu 10 għandu jkopri mill-inqas l-interkonnessjonijiet tas-setturi rispettivi fl-istadji kollha tal-ippjanar tal-infrastruttura, speċifikament ix-xenarji, it-teknoloġiji u r-riżoluzzjoni spazjali, l-identifikazzjoni tan-nuqqasijiet fl-infrastruttura, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċitajiet transfruntiera, u l-valutazzjoni tal-proġetti. 12. Wara l-approvazzjoni tal-mudell imsemmi fil-paragrafu 10 mill-Kummissjoni f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-paragrafi 1 sa 5, dan għandu jiġi inkluż fil-metodoloġiji msemmija fil-paragrafu 1, li għandhom jiġu emendati b’mod korrispondenti. 13. Mill-inqas kull ħames snin, li jibdew mill-approvazzjoni tagħhom skont il-paragrafu 10, u aktar spiss fejn meħtieġ, il-mudell u l-metodoloġiji konsistenti tal-kostbenefiċċji tas-settur uniku għandhom jiġu aġġornati f’konformità mal-proċedura msemmija fil-paragrafu 7. 14. Sal-1 ta’ Jannar 2027, dan l-Artikolu japplika soġġett għad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali stabbiliti fl-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) 2024/1789. Artikolu 12 Xenarji għall-pjanijiet għall-iżvilupp tan-network ta’ għaxar snin 1. Sal-24 ta’ Jannar 2023, l-Aġenzija, wara t-twettiq ta’ proċess ta’ konsultazzjoni estensiv li jinvolvi lill-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass, l-entità tal-UE għad-DSO u mill-inqas l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-assoċjazzjonijiet involuti fis-swieq tal-elettriku, tal-gass naturali u tal-idroġenu, il-partijiet ikkonċernati fl-oqsma tat-tisħin u t-tkessiħ, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju u l-qbid u l-użu tal-karbonju, l-aggregaturi indipendenti, l-operaturi tar-rispons tad-domanda, l-organizzazzjonijiet involuti fis-soluzzjonijiet tal-effiċjenza fl-enerġija, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi tal-enerġija u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, għandha tippubblika l-linji gwida qafas għax-xenarji konġunti li għandhom jiġu żviluppati mill-ENTSO tal-Elettriku, mill-ENTSO tal-Gass u mill-ENNOH. Dawk il-linji gwida qafas għandhom jiġu aġġornati b’mod regolari kif ikun meħtieġ. Il-proċess ta’ konsultazzjoni għal kwalunkwe aġġornament tal-linji gwida qafas għandu jinvolvi wkoll lill-ENNOH. Il-linji gwida qafas imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jistabbilixxu kriterji għal żvilupp trasparenti, mhux diskriminatorju u robust ta’ xenarji filwaqt li jitqiesu l-aħjar prattiki fil-qasam tal-ippjanar tal-valutazzjoni tal-infrastrutturi u tal-iżvilupp tan-network. Il-linji gwida qafas għandu jkollhom l-għan ukoll li jiżguraw li x-xenarji sottostanti tal-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass u l-ENNOH ikunu konformi bis-sħiħ mal-prinċipju ‘l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel’ u mal-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha għall-2050 u għandhom iqisu l-aħħar xenarji disponibbli tal-Kummissjoni, kif ukoll, meta rilevanti, il-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima. Il-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima jista’, fuq inizjattiva tiegħu stess, jipprovdi input dwar kif tiġi żgurata l-konformità tax-xenarji għall-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha għall-2050. L-Aġenzija għandha tqis b’mod dovut dak l-input fil-linji gwida ta’ qafas imsemmija fl-ewwel subparagrafu. L-Aġenzija għandha tipprovdi raġunijiet fejn ma tkunx qieset, jew tkun qieset biss parzjalment, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Istati Membri, tal-partijiet ikkonċernati u tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima. 2. L-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass u l-ENNOH għandhom isegwu l-linji gwida qafas tal-Aġenzija meta jiżviluppaw ix-xenarji konġunti li jkunu se jintużaw għall-pjanijiet tal-iżvilupp tan-network ta’ għaxar snin għall-Unjoni kollha. Ix-xenarji konġunti għandhom jinkludu wkoll perspettiva fit-tul sal-2050 u jinkludu passi intermedjarji kif xieraq. 3. L-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass u l-ENNOH għandhom jistiednu lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi l-entità tal-UE għad-DSO, l-assoċjazzjonijiet involuti fis-swieq tal-elettriku, tal-gass naturali u tal-idroġenu, il-partijiet ikkonċernati fl-oqsma tat-tisħin u t-tkessiħ, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju u l-qbid u l-użu tal-karbonju, l-aggregaturi indipendenti, l-operaturi tar-rispons tad-domanda, l-organizzazzjonijiet involuti fis-soluzzjonijiet tal-effiċjenza fl-enerġija, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi tal-enerġija, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, biex jipparteċipaw fil-proċess tal-iżvilupp tax-xenarji, b’mod partikolari dwar elementi ewlenin bħas-suppożizzjonijiet u kif dawn jiġu riflessi fid-data tax-xenarji. 4. L-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass u l-ENNOH għandhom jippubblikaw u jippreżentaw l-abbozz tar-rapport dwar xenarji konġunti lill-Aġenzija, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni għall-opinjoni tagħhom. Il-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima jista’, fuq inizjattiva tiegħu stess, jipprovdi opinjoni dwar ir-rapport tax-xenarji konġunti. 5. Fi żmien tliet xhur mill-jum li fih tirċievi l-abbozz tar-rapport tax-xenarji konġunt flimkien mal-kontribut riċevut fil-proċess ta’ konsultazzjoni u ma’ rapport dwar kif dan ġie kkunsidrat, l-Aġenzija għandha tissottometti l-opinjoni tagħha dwar il-konformità tax-xenarji mal-linji gwida qafas imsemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, inklużi rakkomandazzjonijiet possibbli għall-emendi, lill-ENTSO tal-Elettriku, lill-ENTSO tal-Gass, lill-ENNOH, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni. Fl-istess limitu taż-żmien, il-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima jista’, fuq inizjattiva tiegħu stess, jipprovdi opinjoni dwar il-kompatibbiltà tax-xenarji mal-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha għall-2050. 6. Fi żmien tliet xhur mill-jum li fih tirċievi l-opinjoni msemmija fil-paragrafu 5, il-Kummissjoni, filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Aġenzija u tal-Istati Membri, għandha tapprova l-abbozz ta’ rapport tax-xenarji konġunt jew titlob lill-ENTSO tal-Elettriku, lill-ENTSO tal-Gass u lill-ENNOH jemendawh. L-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass u l-ENNOH għandhom jipprovdu raġunijiet li jispjegaw kif kwalunkwe talba għal emendi mill-Kummissjoni tkun ġiet indirizzata. F’każ li l-Kummissjoni ma tapprovax ir-rapport tax-xenarji konġunt, hija għandha tipprovdi opinjoni motivata lill-ENTSO tal-Elettriku, lill-ENTSO tal-Gass u lill-ENNOH. 7. Fi żmien ġimagħtejn mill-approvazzjoni tar-rapport tax-xenarji konġunt f’konformità mal-paragrafu 6, l-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass u l-ENNOH għandhom jippubblikawh fuq is-siti web tagħhom. Huma għandhom jippubblikaw id-data tal-input u tal-output korrispondenti f’forma ċara u preċiża biżżejjed sabiex parti terza tirriproduċi r-riżultati, filwaqt li jqisu kif xieraq id-dritt nazzjonali u l-ftehimiet ta’ kunfidenzjalità u informazzjoni sensittiva rilevanti. 8. Sal-1 ta’ Jannar 2027, dan l-Artikolu japplika soġġett għad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali stabbiliti fl-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) 2024/1789. Artikolu 13 Identifikazzjoni tan-Nuqqasijiet fl-Infrastruttura 1. Fi żmien sitt xhur mill-approvazzjoni tar-rapport tax-xenarji konġunt skont l-Artikolu 12(6) u kull sentejn wara, l-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass u l-ENNOH għandhom jippubblikaw ir-rapporti dwar in-nuqqasijiet fl-infrastruttura żviluppati fil-qafas tal-pjanijiet tal-iżvilupp tan-network ta’ għaxar snin għall-Unjoni kollha. Meta jivvalutaw in-nuqqasijiet fl-infrastruttura, l-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass u l-ENNOH għandhom jibbażaw l-analiżi tagħhom fuq ix-xenarji stabbiliti skont l-Artikolu 12, jimplimentaw il-prinċipju ‘l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel’ u jikkunsidraw bi prijorità l-alternattivi rilevanti kollha għall-infrastruttura l-ġdida. Meta jiġu kkunsidrati soluzzjonijiet infrastrutturali ġodda, il-valutazzjoni tan-nuqqasijiet fl-infrastrutturi għandha tqis il-kostijiet rilevanti kollha, inkluż it-tisħiħ tan-network. Huma għandhom, b’mod partikolari, jiffokaw fuq dawk in-nuqqasijiet fl-infrastruttura li potenzjalment jaffettwaw l-ilħuq tal-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha għall-2050. Qabel ma jippubblikaw ir-rapporti rispettivi tagħhom l-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass u l-ENNOH għandhom iwettqu proċess ta’ konsultazzjoni estensiv li jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi l-entità tal-UE għad-DSO, l-assoċjazzjonijiet involuti fis-swieq tal-elettriku, tal-gass naturali u tal-idroġenu, il-partijiet ikkonċernati fl-oqsma tat-tisħin u t-tkessiħ, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju u l-qbid u l-użu tal-karbonju, l-aggregaturi indipendenti, l-operaturi tar-rispons tad-domanda, l-organizzazzjonijiet involuti fis-soluzzjonijiet tal-effiċjenza fl-enerġija, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi tal-enerġija, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, l-Aġenzija u r-rappreżentanti tal-Istati Membri kollha li jkunu parti mill-kurituri prijoritarji tal-infrastruttura tal-enerġija rilevanti stabbiliti fl-Anness I. 2. L-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass u l-ENNOH għandhom jissottomettu l-abbozzi rispettivi tagħhom tar-rapporti dwar in-nuqqasijiet fl-infrastruttura lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri għall-opinjoni tagħhom. 3. Fi żmien tliet xhur mill-jum li fih tirċievi r-rapport dwar in-nuqqasijiet fl-infrastruttura flimkien mal-input riċevut fil-proċess ta’ konsultazzjoni u ma’ rapport dwar kif dan ġie kkunsidrat, l-Aġenzija għandha tissottometti l-opinjoni tagħha lill-ENTSO tal-Elettriku, lill-ENTSO tal-Gass jew lill-ENNOH, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri u tagħmilha pubblikament disponibbli. 4. Fi żmien tliet xhur mill-jum li fih tirċievi l-opinjoni tal-Aġenzija msemmija fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni, filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Aġenzija u b’input mill-Istati Membri, għandha tfassal u tissottometti l-opinjoni tagħha lill-ENTSO tal-Elettriku, lill-ENTSO tal-Gass jew lill-ENNOH. 5. L-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass u l-ENNOH għandhom jadattaw ir-rapporti tagħhom dwar in-nuqqasijiet fl-infrastruttura b’kunsiderazzjoni xierqa tal-opinjoni tal-Aġenzija u f’konformità mal-opinjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri u jagħmluhom pubblikament disponibbli. 6. Sal-1 ta’ Jannar 2027, dan l-Artikolu japplika soġġett għad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali stabbiliti fl-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) 2024/1789. (*4) Ir-Regolament (UE) 2024/1789 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar is-swieq interni tal-gass rinnovabbli, tal-gass naturali u tal-idroġenu, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1227/2011, (UE) 2017/1938, (UE) 2019/942 u (UE) 2022/869 u d-Deċiżjoni (UE) 2017/684 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 (ĠU L, 2024/1789, 15.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1789/oj)." (*5) Ir-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (ĠU L 126, 21.5.2009, p. 13).”;" 1. Ħarsa ġenerali
1.1 Referenzi1.2 Rekwiżiti identifikati1.3 Standards relatati2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
|