+Artikolu 86 Emendi għar-Regolament (UE) 2022/869
---+Artikolu 86 (1)
---+Artikolu 86 (2)
|
Artikolu 86 Emendi għar-Regolament (UE) 2022/869
Ir-Regolament (UE) 2022/869 huwa emendat kif ġej:
1. Ħarsa ġenerali
| Titlu |
Regolamentazzjoni |
|
Artikolu 86 (1)
|
l-Artikoli 11, 12 u 13 huma sostitwiti b’dan li ġej:
“Artikolu 11
Analiżi tal-kostbenefiċċji tas-sistema tal-enerġija kollha
1. L-ENTSO tal-Elettriku u n-Network Ewropew tal-Operaturi tan-Networks għall-Idroġenu (ENNOH) msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) 2024/1789 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4) għandhom ifasslu abbozzi ta’ metodoloġiji konsistenti għal kull settur, inkluż il-mudell tan-network tal-enerġija u tas-suq imsemmi fil-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu, għal analiżi armonizzata tal-kostbenefiċċji tas-sistema tal-enerġija kollha fil-livell tal-Unjoni għal proġetti fil-lista tal-Unjoni taħt il-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fil-punti (1)(a), (b), (d) u (f) u fil-punt (3) tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.
Il-metodoloġiji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jitfasslu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Anness V, għandhom ikunu bbażati fuq suppożizzjonijiet komuni li jippermettu tqabbil bejn il-proġetti, u għandhom ikunu konsistenti mal-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha għall-2050, kif ukoll mar-regoli u l-indikaturi stabbiliti fl-Anness IV.
Il-metodoloġiji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jiġu applikati għat-tħejjija ta’ kull pjan sussegwenti tal-iżvilupp tan-network ta’ għaxar snin għall-Unjoni kollha u li jkun żviluppat mill-ENTSO tal-Elettriku skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2019/943 jew l-ENNOH skont l-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) 2024/1789.
Sal-24 ta’ April 2023, l-ENTSO tal-Elettriku għandu jippubblika u jissottometti lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija l-abbozz ta’ metodoloġija konsistenti għal kull settur tiegħu wara li jinġabar l-input mill-partijiet ikkonċernati rilevanti matul il-proċess ta’ konsultazzjoni msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Kwalunkwe metodoloġija għal analiżi tal-kostbenefiċċji tal-idroġenu fis-sistema tal-enerġija kollha żviluppata mill-ENTSO tal-Gass sal-1 ta’ Settembru 2024 għandha tiġi approvata f’konformità mal-proċess stabbilit f’dan l-Artikolu. Sal-1 ta’ Diċembru 2025, l-ENNOH għandu jippubblika u jissottometti lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija l-abbozz ta’ metodoloġija konsistenti għal kull settur tiegħu wara li jinġabar l-input mill-partijiet ikkonċernati rilevanti matul il-proċess ta’ konsultazzjoni skont l-Artikolu 61(3), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2024/1789.
2. Qabel ma jissottomettu l-abbozzi ta’ metodoloġiji rispettivi tagħhom lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija f’konformità mal-paragrafu 1, l-ENTSO tal-Elettriku u l-ENNOH għandhom jippubblikaw abbozzi preliminari tal-metodoloġiji u jwettqu proċess ta’ konsultazzjoni estensiv u jfittxu rakkomandazzjonijiet mill-Istati Membri u, mill-inqas, mill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inkluża l-entità Ewropea għall-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni stabbilita skont l-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) 2019/943 (l-‘entità tal-UE għad-DSO’), l-assoċjazzjonijiet involuti fis-swieq tal-elettriku, tal-gass naturali u tal-idroġenu, il-partijiet ikkonċernati fl-oqsma tat-tisħin u t-tkessiħ, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju u l-qbid u l-użu tal-karbonju, l-aggregaturi indipendenti, l-operaturi tar-rispons tad-domanda, l-organizzazzjonijiet involuti fis-soluzzjonijiet tal-effiċjenza fl-enerġija, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi tal-enerġija, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u, fejn jitqies xieraq, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u awtoritajiet nazzjonali oħra.
Fi żmien tliet xhur mill-pubblikazzjoni tal-abbozzi preliminari tal-metodoloġiji skont l-ewwel subparagrafu, kwalunkwe parti kkonċernata msemmija f’dak is-subparagrafu tista’ tissottometti rakkomandazzjoni.
Il-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima stabbilit skont l-Artikolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5) jista’, fuq inizjattiva tiegħu stess, jippreżenta opinjoni dwar l-abbozzi tal-metodoloġiji.
Fejn applikabbli, l-Istati Membri, u l-partijiet ikkonċernati msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jissottomettu u jagħmlu pubblikament disponibbli r-rakkomandazzjonijiet tagħhom, u l-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima għandu jissottometti u jagħmel pubblikament disponibbli l-opinjoni tiegħu lill-Aġenzija u, kif applikabbli, lill-ENTSO tal-Elettriku jew lill-ENNOH.
Il-proċess ta’ konsultazzjoni għandu jkun miftuħ, f’waqtu u trasparenti. L-ENTSO tal-Elettriku u l-ENNOH għandhom iħejju u jagħmlu pubblikament disponibbli rapport dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni.
L-ENTSO tal-Elettriku u l-ENNOH għandhom jipprovdu raġunijiet, meta ma jkunux qiesu, jew ikunu qiesu biss parzjalment, ir-rakkomandazzjonijiet mill-Istati Membri jew mill-partijiet ikkonċernati, kif ukoll mill-awtoritajiet nazzjonali, jew l-opinjoni tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima.
3. Fi żmien tliet xhur mill-jum li fih tirċievi l-abbozzi ta’ metodoloġiji flimkien mal-input riċevut fil-proċess ta’ konsultazzjoni u r-rapport dwar il-konsultazzjoni, l-Aġenzija għandha tipprovdi opinjoni lill-ENTSO tal-Elettriku u lill-ENNOH. L-Aġenzija għandha tinnotifika l-opinjoni tagħha lill-ENTSO tal-Elettriku, lill-ENNOH, lill-Istati Membri, u lill-Kummissjoni u tippubblikaha fuq is-sit web tagħha.
4. Fi żmien tliet xhur mill-jum li fih jirċievu l-abbozzi tal-metodoloġiji, l-Istati Membri jistgħu jagħtu l-opinjonijiet tagħhom lill-ENTSO tal-Elettriku u lill-ENNOH u lill-Kummissjoni. Biex tiffaċilita l-konsultazzjoni, il-Kummissjoni tista’ torganizza laqgħat speċifiċi tal-Gruppi biex jiddiskutu l-abbozzi tal-metodoloġiji.
5. Fi żmien tliet xhur minn meta jirċievu l-opinjonijiet tal-Aġenzija u l-Istati Membri, kif imsemmi fil-paragrafi 3 u 4, l-ENTSO tal-Elettriku u l-ENNOH għandhom jemendaw il-metodoloġiji rispettivi tagħhom biex iqisu bis-sħiħ l-opinjonijiet tal-Aġenzija u tal-Istati Membri u jissottomettuhom flimkien mal-opinjoni tal-Aġenzija lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni għandha toħroġ id-deċiżjoni tagħha fi żmien tliet xhur mis-sottomissjoni tal-metodoloġiji mill-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass u l-ENNOH, rispettivament.
6. Fi żmien ġimagħtejn mill-approvazzjoni tal-Kummissjoni f’konformità mal-paragrafu 5, l-ENTSO tal-Elettriku u l-ENNOH għandhom jippubblikaw il-metodoloġiji rispettivi tagħhom fuq is-siti web tagħhom. Huma għandhom jippubblikaw id-data tal-input korrispondenti u data rilevanti oħra dwar in-network, il-fluss tat-tagħbija u s-suq f’forma preċiża biżżejjed soġġett għal restrizzjonijiet skont il-liġi nazzjonali u l-ftehimiet ta’ kunfidenzjalità rilevanti. Il-Kummissjoni u l-Aġenzija għandhom jiżguraw it-trattament kunfidenzjali tad-data li tasal għandhom u għand kwalunkwe parti li twettaq xogħol analitiku abbażi ta’ dik id-data f’isimhom.
7. Il-metodoloġiji għandhom jiġu aġġornati u mtejba b’mod regolari skont il-proċedura deskritta fil-paragrafi 1 sa 6. B’mod partikolari, dawn għandhom jiġu emendati wara s-sottomissjoni tal-mudell tan-network u tas-suq tal-enerġija msemmija fil-paragrafu 10. L-Aġenzija, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba debitament motivata mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew mill-partijiet ikkonċernati, u wara li tikkonsulta formalment lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha msemmija fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, u lill-Kummissjoni, tista’ titlob tali aġġornamenti u titjib, filwaqt li tipprovdi raġunijiet u skeda ta’ żmien. L-Aġenzija għandha tippubblika t-talbiet mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew mill-partijiet ikkonċernati u d-dokumenti rilevanti kollha mhux kummerċjalment sensittivi li jwasslu għal talba mill-Aġenzija għal aġġornament jew għal titjib.
8. Għall-proġetti li jaqgħu fil-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fil-punt (1)(c) u (e) u fil-punti (2), (4) u (5) tal-Anness II, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-iżvilupp ta’ metodoloġiji għal analiżi armonizzata tal-kostbenefiċċji tas-sistema tal-enerġija kollha fil-livell tal-Unjoni. Dawk il-metodoloġiji għandhom ikunu kompatibbli f’termini ta’ benefiċċji u kostijiet mal-metodoloġiji żviluppati mill-ENTSO tal-Elettriku u mill-ENNOH. L-Aġenzija għandha, bl-appoġġ tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, tippromwovi l-konsistenza ta’ dawk il-metodoloġiji mal-metodoloġiji mfassla mill-ENTSO tal-Elettriku u l-ENNOH. Il-metodoloġiji għandhom jiġu żviluppati b’mod trasparenti, inkluża konsultazzjoni estensiva tal-Istati Membri u tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.
9. Kull tliet snin, l-Aġenzija għandha tistabbilixxi u tippubblika sett ta’ indikaturi u ta’ valuri ta’ referenza korrispondenti għat-tqabbil tal-kostijiet tal-unità ta’ investiment għal proġetti komparabbli tal-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija inklużi fl-Anness II. Il-promoturi tal-proġett għandhom jipprovdu d-data rikjesta lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u lill-Aġenzija.
L-Aġenzija għandha tippubblika l-ewwel indikaturi għall-kategoriji tal-infrastruttura stabbiliti fil-punti (1), (2) u (3) tal-Annes II, sal-24 ta’ April 2023, sal-punt li d-data tkun disponibbli biex jiġu kkalkulati indikaturi u valuri ta’ referenza robusti. Dawk il-valuri ta’ referenza jistgħu jintużaw mill-ENTSO tal-Elettriku u mill-ENNOH għall-analiżijiet tal-kostbenefiċċji mwettqa għal pjanijiet sussegwenti tal-iżvilupp tan-network ta’ għaxar snin għall-Unjoni kollha.
L-Aġenzija għandha tippubblika l-ewwel indikaturi għall-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fil-punti (4) u (5) tal-Anness II, sal-24 ta’ April 2025.
10. Sal-31 ta’ Ottubru 2025, wara proċess ta’ konsultazzjoni estensiv tal-partijiet ikkonċernati msemmi fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, l-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass u l-ENNOH għandhom jissottomettu b’mod konġunt lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija mudell konsistenti u integrat progressivament li jipprovdi konsistenza bejn il-metodoloġiji tas-settur uniku abbażi ta’ suppożizzjonijiet komuni li jinkludu l-infrastruttura tat-trażmissjoni tal-elettriku, tal-gass naturali u tal-idroġenu kif ukoll il-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass naturali, il-gass naturali likwifikat u l-elettrolizzaturi, li jkopri l-kurituri u ż-żoni prijoritarji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fl-Anness I imfassal f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Anness V.
11. Il-mudell imsemmi fil-paragrafu 10 għandu jkopri mill-inqas l-interkonnessjonijiet tas-setturi rispettivi fl-istadji kollha tal-ippjanar tal-infrastruttura, speċifikament ix-xenarji, it-teknoloġiji u r-riżoluzzjoni spazjali, l-identifikazzjoni tan-nuqqasijiet fl-infrastruttura, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċitajiet transfruntiera, u l-valutazzjoni tal-proġetti.
12. Wara l-approvazzjoni tal-mudell imsemmi fil-paragrafu 10 mill-Kummissjoni f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-paragrafi 1 sa 5, dan għandu jiġi inkluż fil-metodoloġiji msemmija fil-paragrafu 1, li għandhom jiġu emendati b’mod korrispondenti.
13. Mill-inqas kull ħames snin, li jibdew mill-approvazzjoni tagħhom skont il-paragrafu 10, u aktar spiss fejn meħtieġ, il-mudell u l-metodoloġiji konsistenti tal-kostbenefiċċji tas-settur uniku għandhom jiġu aġġornati f’konformità mal-proċedura msemmija fil-paragrafu 7.
14. Sal-1 ta’ Jannar 2027, dan l-Artikolu japplika soġġett għad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali stabbiliti fl-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) 2024/1789.
Artikolu 12
Xenarji għall-pjanijiet għall-iżvilupp tan-network ta’ għaxar snin
1. Sal-24 ta’ Jannar 2023, l-Aġenzija, wara t-twettiq ta’ proċess ta’ konsultazzjoni estensiv li jinvolvi lill-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass, l-entità tal-UE għad-DSO u mill-inqas l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-assoċjazzjonijiet involuti fis-swieq tal-elettriku, tal-gass naturali u tal-idroġenu, il-partijiet ikkonċernati fl-oqsma tat-tisħin u t-tkessiħ, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju u l-qbid u l-użu tal-karbonju, l-aggregaturi indipendenti, l-operaturi tar-rispons tad-domanda, l-organizzazzjonijiet involuti fis-soluzzjonijiet tal-effiċjenza fl-enerġija, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi tal-enerġija u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, għandha tippubblika l-linji gwida qafas għax-xenarji konġunti li għandhom jiġu żviluppati mill-ENTSO tal-Elettriku, mill-ENTSO tal-Gass u mill-ENNOH. Dawk il-linji gwida qafas għandhom jiġu aġġornati b’mod regolari kif ikun meħtieġ. Il-proċess ta’ konsultazzjoni għal kwalunkwe aġġornament tal-linji gwida qafas għandu jinvolvi wkoll lill-ENNOH.
Il-linji gwida qafas imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jistabbilixxu kriterji għal żvilupp trasparenti, mhux diskriminatorju u robust ta’ xenarji filwaqt li jitqiesu l-aħjar prattiki fil-qasam tal-ippjanar tal-valutazzjoni tal-infrastrutturi u tal-iżvilupp tan-network. Il-linji gwida qafas għandu jkollhom l-għan ukoll li jiżguraw li x-xenarji sottostanti tal-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass u l-ENNOH ikunu konformi bis-sħiħ mal-prinċipju ‘l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel’ u mal-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha għall-2050 u għandhom iqisu l-aħħar xenarji disponibbli tal-Kummissjoni, kif ukoll, meta rilevanti, il-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima.
Il-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima jista’, fuq inizjattiva tiegħu stess, jipprovdi input dwar kif tiġi żgurata l-konformità tax-xenarji għall-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha għall-2050. L-Aġenzija għandha tqis b’mod dovut dak l-input fil-linji gwida ta’ qafas imsemmija fl-ewwel subparagrafu.
L-Aġenzija għandha tipprovdi raġunijiet fejn ma tkunx qieset, jew tkun qieset biss parzjalment, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Istati Membri, tal-partijiet ikkonċernati u tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima.
2. L-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass u l-ENNOH għandhom isegwu l-linji gwida qafas tal-Aġenzija meta jiżviluppaw ix-xenarji konġunti li jkunu se jintużaw għall-pjanijiet tal-iżvilupp tan-network ta’ għaxar snin għall-Unjoni kollha.
Ix-xenarji konġunti għandhom jinkludu wkoll perspettiva fit-tul sal-2050 u jinkludu passi intermedjarji kif xieraq.
3. L-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass u l-ENNOH għandhom jistiednu lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi l-entità tal-UE għad-DSO, l-assoċjazzjonijiet involuti fis-swieq tal-elettriku, tal-gass naturali u tal-idroġenu, il-partijiet ikkonċernati fl-oqsma tat-tisħin u t-tkessiħ, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju u l-qbid u l-użu tal-karbonju, l-aggregaturi indipendenti, l-operaturi tar-rispons tad-domanda, l-organizzazzjonijiet involuti fis-soluzzjonijiet tal-effiċjenza fl-enerġija, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi tal-enerġija, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, biex jipparteċipaw fil-proċess tal-iżvilupp tax-xenarji, b’mod partikolari dwar elementi ewlenin bħas-suppożizzjonijiet u kif dawn jiġu riflessi fid-data tax-xenarji.
4. L-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass u l-ENNOH għandhom jippubblikaw u jippreżentaw l-abbozz tar-rapport dwar xenarji konġunti lill-Aġenzija, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni għall-opinjoni tagħhom.
Il-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima jista’, fuq inizjattiva tiegħu stess, jipprovdi opinjoni dwar ir-rapport tax-xenarji konġunti.
5. Fi żmien tliet xhur mill-jum li fih tirċievi l-abbozz tar-rapport tax-xenarji konġunt flimkien mal-kontribut riċevut fil-proċess ta’ konsultazzjoni u ma’ rapport dwar kif dan ġie kkunsidrat, l-Aġenzija għandha tissottometti l-opinjoni tagħha dwar il-konformità tax-xenarji mal-linji gwida qafas imsemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, inklużi rakkomandazzjonijiet possibbli għall-emendi, lill-ENTSO tal-Elettriku, lill-ENTSO tal-Gass, lill-ENNOH, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni.
Fl-istess limitu taż-żmien, il-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima jista’, fuq inizjattiva tiegħu stess, jipprovdi opinjoni dwar il-kompatibbiltà tax-xenarji mal-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha għall-2050.
6. Fi żmien tliet xhur mill-jum li fih tirċievi l-opinjoni msemmija fil-paragrafu 5, il-Kummissjoni, filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Aġenzija u tal-Istati Membri, għandha tapprova l-abbozz ta’ rapport tax-xenarji konġunt jew titlob lill-ENTSO tal-Elettriku, lill-ENTSO tal-Gass u lill-ENNOH jemendawh.
L-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass u l-ENNOH għandhom jipprovdu raġunijiet li jispjegaw kif kwalunkwe talba għal emendi mill-Kummissjoni tkun ġiet indirizzata.
F’każ li l-Kummissjoni ma tapprovax ir-rapport tax-xenarji konġunt, hija għandha tipprovdi opinjoni motivata lill-ENTSO tal-Elettriku, lill-ENTSO tal-Gass u lill-ENNOH.
7. Fi żmien ġimagħtejn mill-approvazzjoni tar-rapport tax-xenarji konġunt f’konformità mal-paragrafu 6, l-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass u l-ENNOH għandhom jippubblikawh fuq is-siti web tagħhom. Huma għandhom jippubblikaw id-data tal-input u tal-output korrispondenti f’forma ċara u preċiża biżżejjed sabiex parti terza tirriproduċi r-riżultati, filwaqt li jqisu kif xieraq id-dritt nazzjonali u l-ftehimiet ta’ kunfidenzjalità u informazzjoni sensittiva rilevanti.
8. Sal-1 ta’ Jannar 2027, dan l-Artikolu japplika soġġett għad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali stabbiliti fl-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) 2024/1789.
Artikolu 13
Identifikazzjoni tan-Nuqqasijiet fl-Infrastruttura
1. Fi żmien sitt xhur mill-approvazzjoni tar-rapport tax-xenarji konġunt skont l-Artikolu 12(6) u kull sentejn wara, l-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass u l-ENNOH għandhom jippubblikaw ir-rapporti dwar in-nuqqasijiet fl-infrastruttura żviluppati fil-qafas tal-pjanijiet tal-iżvilupp tan-network ta’ għaxar snin għall-Unjoni kollha.
Meta jivvalutaw in-nuqqasijiet fl-infrastruttura, l-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass u l-ENNOH għandhom jibbażaw l-analiżi tagħhom fuq ix-xenarji stabbiliti skont l-Artikolu 12, jimplimentaw il-prinċipju ‘l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel’ u jikkunsidraw bi prijorità l-alternattivi rilevanti kollha għall-infrastruttura l-ġdida. Meta jiġu kkunsidrati soluzzjonijiet infrastrutturali ġodda, il-valutazzjoni tan-nuqqasijiet fl-infrastrutturi għandha tqis il-kostijiet rilevanti kollha, inkluż it-tisħiħ tan-network.
Huma għandhom, b’mod partikolari, jiffokaw fuq dawk in-nuqqasijiet fl-infrastruttura li potenzjalment jaffettwaw l-ilħuq tal-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha għall-2050.
Qabel ma jippubblikaw ir-rapporti rispettivi tagħhom l-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass u l-ENNOH għandhom iwettqu proċess ta’ konsultazzjoni estensiv li jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi l-entità tal-UE għad-DSO, l-assoċjazzjonijiet involuti fis-swieq tal-elettriku, tal-gass naturali u tal-idroġenu, il-partijiet ikkonċernati fl-oqsma tat-tisħin u t-tkessiħ, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju u l-qbid u l-użu tal-karbonju, l-aggregaturi indipendenti, l-operaturi tar-rispons tad-domanda, l-organizzazzjonijiet involuti fis-soluzzjonijiet tal-effiċjenza fl-enerġija, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi tal-enerġija, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, l-Aġenzija u r-rappreżentanti tal-Istati Membri kollha li jkunu parti mill-kurituri prijoritarji tal-infrastruttura tal-enerġija rilevanti stabbiliti fl-Anness I.
2. L-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass u l-ENNOH għandhom jissottomettu l-abbozzi rispettivi tagħhom tar-rapporti dwar in-nuqqasijiet fl-infrastruttura lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri għall-opinjoni tagħhom.
3. Fi żmien tliet xhur mill-jum li fih tirċievi r-rapport dwar in-nuqqasijiet fl-infrastruttura flimkien mal-input riċevut fil-proċess ta’ konsultazzjoni u ma’ rapport dwar kif dan ġie kkunsidrat, l-Aġenzija għandha tissottometti l-opinjoni tagħha lill-ENTSO tal-Elettriku, lill-ENTSO tal-Gass jew lill-ENNOH, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri u tagħmilha pubblikament disponibbli.
4. Fi żmien tliet xhur mill-jum li fih tirċievi l-opinjoni tal-Aġenzija msemmija fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni, filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Aġenzija u b’input mill-Istati Membri, għandha tfassal u tissottometti l-opinjoni tagħha lill-ENTSO tal-Elettriku, lill-ENTSO tal-Gass jew lill-ENNOH.
5. L-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass u l-ENNOH għandhom jadattaw ir-rapporti tagħhom dwar in-nuqqasijiet fl-infrastruttura b’kunsiderazzjoni xierqa tal-opinjoni tal-Aġenzija u f’konformità mal-opinjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri u jagħmluhom pubblikament disponibbli.
6. Sal-1 ta’ Jannar 2027, dan l-Artikolu japplika soġġett għad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali stabbiliti fl-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) 2024/1789.
(*4) Ir-Regolament (UE) 2024/1789 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar is-swieq interni tal-gass rinnovabbli, tal-gass naturali u tal-idroġenu, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1227/2011, (UE) 2017/1938, (UE) 2019/942 u (UE) 2022/869 u d-Deċiżjoni (UE) 2017/684 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 (ĠU L, 2024/1789, 15.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1789/oj)."
(*5) Ir-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (ĠU L 126, 21.5.2009, p. 13).”;"
|
|
Artikolu 86 (2)
|
fl-Artikolu 31, jiżdied il-paragrafu li ġej:
“5. Fl-Annessi ta’ dan ir-Regolament, kwalunkwe referenza għall-‘ENTSO tal-Gass’ għandha tinftiehem li tfisser ‘l-ENTSO tal-Gass u l-ENNOH’ għall-fini tad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali skont l-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) 2024/1789. Mill-1 ta’ Jannar 2027, kwalunkwe referenza għall-‘ENTSO tal-Gass’ għandha tinftiehem li tfisser ‘l-ENNOH.’.”.
|
,
1.1 Referenzi
1.2 Rekwiżiti identifikati
1.3 Standards relatati
2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
- Builddate: 15.07.2024 00:00:00 -Doknr: CELEX:32024R1789
- EULAW -
EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.
DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.
|