1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2019/1020, meta l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ta' Stat Membru partikolari jkollhom raġuni suffiċjenti biex jemmnu li l-imballaġġ kopert minn dan ir-Regolament jippreżenta riskju għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem, huma għandhom, mingħajr dewmien żejjed, iwettqu evalwazzjoni fir-rigward tal-imballaġġ ikkonċernat li tkopri r-rekwiżiti kollha stabbiliti f'dan ir-Regolament li huma rilevanti għal dak ir-riskju. L-operaturi ekonomiċi rilevanti għandhom jikkooperaw kif meħtieġ mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.
Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet responsabbli għall-infurzar ta' dan ir-Regolament għandhom isegwu l-ilmenti jew ir-rapporti relatati mal-allegat nuqqas ta' konformità tal-imballaġġ ma' dan ir-Regolament, u jivverifikaw li tkun ittieħdet l-azzjoni korrettiva xierqa.
Meta, matul l-evalwazzjoni mwettqa skont l-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq isibu li l-imballaġġ ma jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament, dawn għandhom, mingħajr dewmien, jirrikjedu lill-operatur ekonomiku rilevanti jieħu azzjoni korrettiva xierqa u proporzjonata, f'perjodu preskritt mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq li jkun raġonevoli u proporzjonat man-natura u, meta rilevanti, il-grad tan-nuqqas ta' konformità, biex l-imballaġġ isir konformi ma' dawk ir-rekwiżiti.