1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għal ksur ta’ dan ir-Regolament minn fornituri ta’ servizzi ta’ hosting, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Tali penali għandhom ikunu limitati għall-fini li jiġi indirizzat il-ksur tal-Artikolu 3(3) u (6), l-Artikolu 4(2) u (7), l-Artikolu 5(1), (2), (3), (5) u (6), l-Artikoli 6, 7, 10 u 11, l-Artikolu 14(5), l-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 17.
Il-penali msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom, sas-7 ta’ Ġunju 2022, jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli u b’dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, bi kwalunkwe emenda sussegwenti li tolqothom.