Artikolu 24
F’każ ta’ urġenza minħabba r-riskju ta’ dannu serju u irreparabbli għall-utenti kummerċjali jew għall-utenti finali tal-gwardjani, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jordna miżuri interim kontra gwardjan abbażi ta’ sejba prima facie ta’ ksur tal-Artikolu 5, 6 jew 7. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat biss fil-kuntest ta’ proċedimenti miftuħa bil-ħsieb tal-adozzjoni possibbli ta’ deċiżjoni ta’ nonkonformità skont l-Artikolu 29(1). Dan għandu japplika biss għal perjodu ta’ żmien speċifikat u jista’ jiġġedded sa fejn dan ikun meħtieġ u xieraq. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).