+Preamble: 1

Preamble: 1

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 909/2014 u (UE) 2016/1011 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20, ir-raba’ paragrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Biex jiġi żgurat li entitajiet finanzjarji jirrapportaw inċidenti kbar lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom b’mod konsistenti u jiġi żgurat li jipprovdu data ta’ kwalità tajba lil dawk l-awtoritajiet, jenħtieġ li jiġi speċifikat liema kampijiet tad-data l-entitajiet finanzjarji jeħtieġ jipprovdu fid-diversi stadji tar-rapportar imsemmi fl-Artikolu 19(4) tar-Regolament (UE) 2022/2554. Huwa importanti li dik l-informazzjoni tiġi ppreżentata b’mod li jippermetti ħarsa ġenerali unika tal-inċident. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit mudell uniku ta’ rapportar għal dawk l-għanijiet.

(2)

L-entitajiet finanzjarji jenħtieġ li jimlew dawk il-kampijiet tad-data tal-mudell ta’ rapportar li jikkorrispondu għar-rekwiżiti ta’ informazzjoni tan-notifika jew tar-rapport rispettiv. Madankollu, l-entitajiet finanzjarji li diġà jkollhom informazzjoni u li għandhom jipprovdiha fi stadju aktar tard ta’ rapportar, jiġifieri fir-rapport intermedju jew finali, jenħtieġ li jitħallew jantiċipaw il-preżentazzjoni tad-data.

(3)

Peress li inċidenti multipli jew rikorrenti jistgħu jikkostitwixxu inċident kbir kif imsemmi fl-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1772 (2), jenħtieġ li d-disinn tal-mudell ta’ rapportar u tal-kampijiet tad-data jippermetti lil entitajiet finanzjarji jirrapportaw tali inċidenti rikorrenti.

(4)

Biex tiġi żgurata informazzjoni preċiża u aġġornata, jenħtieġ li l-mudell ta’ rapportar jippermetti lill-entitajiet finanzjarji, meta jippreżentaw ir-rapport intermedju u dak finali, li jaġġornaw kwalunkwe informazzjoni li ġiet ippreżentata qabel, u meta meħtieġ, jikklassifikaw mill-ġdid inċidenti kbar bħala mhux kbar.

(5)

L-identifikazzjoni legali tal-entitajiet jenħtieġ li tiġi allinjata mal-identifikaturi speċifikati fl-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 28(9) tar-Regolament (UE) 2022/2554.

(6)

Meta entitajiet finanzjarji jesternalizzaw l-obbligi ta’ rapportar ta’ inċident kbir relatat mal-ICT lil parti terza, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu konxji mill-identità tal-parti terza li tirrapporta f’isem l-entità finanzjarja qabel il-preżentazzjoni tal-ewwel notifika jew rapportar, sabiex jivverifikaw il-leġittimità tal-parti terza ta’ rapportar.

(7)

Biex jiġi identifikat b’mod faċli l-impatt ta’ inċident li seħħ f’fornitur terz jew li kien ikkawżat minnu, u li jaffettwa diversi entitajiet finanzjarji fi Stat Membru wieħed, u biex jitnaqqas l-isforz ta’ rapportar għal entitajiet finanzjarji, jenħtieġ li l-mudell ta’ rapportar jippermetti l-preżentazzjoni ta’ rapport aggregat li jkopri informazzjoni aggregata dwar l-impatt tal-inċident fuq l-entitajiet finanzjarji impattati kollha li jkunu kklassifikaw l-inċident bħala kbir.

(8)

Il-mudell ta’ rapportar jenħtieġ li jiġi ddisinjat b’mod newtrali fir-rigward tat-teknoloġija biex jippermetti l-implimentazzjoni tiegħu f’diversi soluzzjonijiet ta’ rapportar ta’ inċidenti li diġà jeżistu jew li jistgħu jiġu żviluppati għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2022/2554.

(9)

Id-disinn tal-mudell ta’ rapportar u tal-kampijiet tad-data jenħtieġ li jiffaċilita r-rapportar ta’ inċidenti kbar relatati mal-ICT minn partijiet terzi li lilhom l-entitajiet finanzjarji jkunu esternalizzaw l-obbligu ta’ rapportar tagħhom f’konformità mal-Artikolu 19(5) tar-Regolament (UE) 2022/2554.

(10)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej.

(11)

L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej wettqu konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implementazzjoni li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzaw il-kostijiet u l-benefiċċji relatati potenzjali u talbu l-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 (3), (UE) Nru 1094/2010 (4), u (UE) Nru 1095/2010 (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(12)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u ta opinjoni pożittiva fit-22 ta’ Lulju 2024. Kwalunkwe proċessar ta’ data personali fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jitwettaq f’konformità mal-prinċipji u mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-protezzjoni tad-data stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1725,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit