Artikolu 518a
Analiżi tad-dispożizzjonijiet ta' inadempjenza indiretta
Sat-28 ta' Ġunju 2022, il-Kummissjoni għandha tanalizza u tivvaluta jekk ikunx adatt rekwiżit li obbligazzjonijiet eliġibbli jkunu jistgħu jiġu rikapitalizzati internament mingħajr ma jiġu skattati klawżoli ta' inadempjenza indiretta f'kuntratti oħra, bil-ħsieb li kemm jista' jkun tissaħħaħ l-effettività tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna u jiġi valutat jekk għandhiex tkun inkluża dispożizzjoni ta' ebda inadempjenza indiretta li tirreferi għal obbligazzjonijiet eliġibbli fit-termini jew il-kuntratti li jirregolaw obbligazzjonijiet oħra. Fejn adatt, dik l-analiżi u l-valutazzjoni għandhom ikunu akkumpanjati minn proposta leġislattiva.