|
Id-Direttiva tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 1991 dwar il-firxa ta’ frekwenza li għandha tkun allokata għall-introduzzjoni kkordinata ta’ telekomunikazzjonijiet diġitali Ewropej mingħajr fili (DECT) fil-Komunità (91/287/KEE) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1], B’koperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3], Billi r-rakkomandazzjoni 84/549/KEE [4] issejjaħ għall-introduzzjoni ta’ servizzi fuq il-bażi ta’ approċċ komuni armonizzat fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet; Billi l-Kunsill fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta’ Ġunju, 1988 [5] dwar l-iżvilupp tas-suq komuni għal servizzi u tagħmir ta’ telekomunikazzjonijiet isejjaħ għall-promozzjoni ta’ servizzi ma’ l-Ewropa kollha skond il-ħtiġiet tas-suq; Billi r-riżorsi offruti min-networks moderni ta’ telekomunikazzjonijiet għandhom ikunu utilizzati b’mod sħiħ għall-iżvilupp ekonomiku tal-Komunità; Billi d-Direttiva tal-Kunsill 89/336/KEE tat-3 ta’ Mejju 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ Stati Membri dwar il-kompatibilità elettromanjetika [6] hija applikabbli, u għandha tingħata attenzjoni partikulari biex tkun evitata interferenza elettromanjetika ta’ dannu; Billi s-sistemi preżenti ta’ telefon mingħajr fili użati fil-Komunità, u l-firex ta’ frekwenzi li joperaw fihom, ivarjaw ħafna u jistgħu ma jippermettux il-benefiċċji minn servizzi mifruxa ma’ l-Ewropa jew il-benefiċċju mill-ekonomiji ta’ skala assoċjati ma’ suq tassew Ewropew; Billi l-Istitut Ewropew ta’ l-Istandards ta’ Telekomunikazzjoni (ETSI) qiegħed fil-preżent jiżviluppa l-Istandard Ewropew - tat-Telekomunikazzjonijiet (ETS) jew telekomunikazzjonijiet diġitali Ewropej mingħajr fili (DECT); Billi l-iżvilupp ta’ l-Istandard Ewropew tat-Telekomunikazzjonijiet (ITE) għandu jqis is-sigurtà ta’ l-utenti, u l-ħtieġa għal interoperabilità ma’ l-Ewropa kollha u jagħmilha possibbli għall-utenti li jkollhom servizz ibbażat fuq it-teknoloġija tad-DECT fi Stat Membru wieħed biex ikollhom aċċess għas-servizz f’kull Stat Membru ieħor, fejn xieraq; Billi l-implimentazzjoni Ewropea tad-DECT se tipprovdi opportunità importanti biex ikunu stabbiliti faċilitajiet tassew Ewropej ta’ telefon diġitali mingħajr fili; Billi l-ETSI għamel stima li d-DECT ikun jirrikjedi 20 MHz f’żoni ta’ densità għolja; Billi l-Konferenza Ewropea ta’ l-Ammininistrazzjonijiet Postali u Telekomunikazzjonijiet (CEPT) irrakkomandat il-firxa ta’ frekwenza komuni Ewropea 1880-1900 MHz għad-DECT, filwaqt li rrikonoxxiet li, skond l-iżvilupp tas-sistema tad-DECT, jista’ jkun mitlub l-ispettru tal-frekwenza addizzjonali; Billi dan għandu jitqies fil-preparazzjoni għall-Konferenza Dinjija Amministrattiva tar-Radju (WARC) ta’ l-1992; Billi wara d-data ta’ l-allokazzjoni tal-firxa ta’ frekwenza għad-DECT, servizzi eżistenti jistgħu jibqgħu fil-firxa, sakemm ma jfixklux is-sistemi tad-DECT li jistgħu jkunu stabbiliti skond id-domanda kummerċjali; Billi l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill 91/288/KEE tat-3 ta’ Ġunju 1991 dwar l-introduzzjoni kkordinata tad-DECT fil-Komunità [7], għandha tiżgura l-implimentazzjoni tad-DECT l-aktar tard sal-31 ta’ Diċembru 1992; Billi d-Direttiva tal-Kunsill 91/263/KEE tad-29 ta’ April 1991 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri rigward tagħmir terminali tat-telekomunikazzjonijiet, inkluż ir-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tiegħu [8] għandha tippermetti l-istabbiliment bil-ħeffa ta’ speċifikazzjonijiet ta’ konformità komuni għad-DECT; Billi l-istabbiliment tad-DECT jiddependi fuq l-allokazzjoni u d-disponibilità tal-firxa ta’ frekwenza biex wieħed jittrasmetti u jirċievi bejn stazzjonijiet b’bażi fissa u stazzjonijiet mobbli; Billi se tkun tinħtieġ xi flessibilità biex jittieħed kont tal-ħtiġiet ta’ frekwenzi differenti fi Stati Membri differenti; ikun se jkun meħtieġ li jkun żgurat li flessibilità bħal din ma tnaqqassx il-ħeffa ta’ l-implimentazzjoni tat-teknoloġija tad-DECT skond id-domanda kummerċjali fil-Komunità; Billi d-disponibilità progressiva tal-medda sħiħa tal-firxa ta’ frekwenza spjegata iktar ‘il fuq se tkun indispensabbli għat-twaqqif tad-DECT fuq bażi Ewropea, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
|