3. Fl-eżerċizzju tas-setgħat ta' investigazzjoni tagħha skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' titlob l-appoġġ individwali jew konġunt ta' kwalunkwe Koordinatur tas-Servizzi Diġitali kkonċernat mill-ksur suspettat, inkluż il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali li jkunu rċevew tali talba, u, meta jkunu involuti mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, kwalunkwe awtorità kompetenti oħra, għandhom jikkooperaw b'mod sinċier u fil-ħin mal-Kummissjoni u għandhom ikunu intitolati jeżerċitaw is-setgħat ta’ investigazzjoni tagħhom msemmija fl-Artikolu 51(1) fir-rigward tal-fornitur tal-pjattaforma online kbira ħafna jew tal-magna tat-tiftix online kbira ħafna inkwistjoni, għal dak li jikkonċerna l-informazzjoni, il-persuni u l-bini li jinsabu fit-territorju tal-Istat Membru tagħhom u f'konformità mat-talba.