6. Meta, sa tmiem il-perijodu ta’ erba’ xhur imsemmi fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, ma jkunx intlaħaq qbil dwar deċiżjoni konġunta u maġġoranza sempliċi ta’ membri bid-dritt tal-vot ma taqbilx mal-proposta tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni għal deċiżjoni konġunta dwar kwistjoni fir-rigward tal-pjan ta’ riżoluzzjoni, kwalunkwe wieħed mill-membri bid-dritt tal-vot ikkonċernati, abbażi ta’ dik il-maġġoranza, jista’ jirreferi dik il-kwistjoni lill-ESMA f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. L-awtorità ta’ riżoluzzjoni tas-CCP għandha tistenna d-deċiżjoni meħuda mill-ESMA f’konformità mal-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 u għandha tiddeċiedi skont id-deċiżjoni tal-ESMA.
Il-perijodu ta’ erba’ xhur għandu jitqies bħala l-fażi ta’ konċiljazzjoni fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. L-ESMA għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha fi żmien xahar mir-riferiment tal-kwistjoni lilha. Il-kwistjoni ma għandhiex tiġi riferuta lill-ESMA wara tmiem il-perijodu ta’ erba’ xhur jew wara li jkun intlaħaq qbil dwar deċiżjoni konġunta. Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni mill-ESMA fi żmien xahar, għandha tapplika d-deċiżjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni.