+Artikolu 18 Miżuri ta’ intervent bikri
---+Artikolu 18 1
---+Artikolu 18 2
---+Artikolu 18 3
---+Artikolu 18 4
---+Artikolu 18 5
---+Artikolu 18 6
---+Artikolu 18 7
---+Artikolu 18 8

Artikolu 18 Miżuri ta’ intervent bikri

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 18 1

1.   Meta CCP tikser, jew x’aktarx li tkun ser tikser fil-futur qrib ir-rekwiżiti kapitali u prudenzjali tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, jew tippreżenta riskju għall-istabilità finanzjarja fl-Unjoni jew fi Stat Membru wieħed jew aktar tagħha, meta l-awtorità kompetenti tkun iddeterminat li hemm indikazzjonijiet oħrajn ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi emerġenti li tista’ taffettwa l-operazzjonijiet tas-CCP, b’mod partikolari l-kapaċità tagħha li tipprovdi servizzi ta’ kklerjar, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu:

(a)

jeżiġu li s-CCP taġġorna l-pjan ta’ rkupru f’konformità mal-Artikolu 9(6) ta’ dan ir-Regolament, meta ċ-ċirkostanzi li kienu jeħtieġu intervent bikri jkunu differenti mis-suppożizzjonijiet stabbiliti fil-pjan ta’ rkupru inizjali;

(b)

jeżiġu li s-CCP timplimenta waħda jew aktar mill-arranġamenti jew miżuri stabbiliti fil-pjan ta’ rkupru f’limitu ta’ żmien speċifiku. Meta l-pjan jiġi aġġornat skont il-punt (a), dawk l-arranġamenti jew il-miżuri għandhom jinkludu kwalunkwe arranġamenti jew miżuri aġġornati;

(c)

jeżiġu li s-CCP tidentifika l-kawżi tal-ksur jew tal-ksur probabbli kif imsemmi fil-paragrafu 1 u tfassal programm ta’ azzjoni, inklużi miżuri u limiti ta’ żmien xierqa;

(d)

jeżiġu li s-CCP ssejjaħ laqgħa tal-azzjonisti tagħha jew, jekk is-CCP tonqos milli tikkonforma ma’ dak ir-rekwiżit, isejħu l-laqgħa huma stess. Fiż-żewġ każijiet, l-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi l-aġenda, inkluż id-deċiżjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati għall-adozzjoni mill-azzjonisti;

(e)

jeżiġu t-tneħħija jew is-sostituzzjoni ta’ wieħed jew aktar mill-membri tal-bord jew tal-maniġment superjuri jekk jinstab li dawk il-persuni mhumiex idonei sabiex iwettqu d-dmirijiet tagħhom skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(f)

jeżiġu li jsiru bidliet fl-istrateġija tan-negozju tas-CCP;

(g)

jeżiġu li jsiru bidliet fl-istrutturi legali jew operazzjonali tas-CCP;

(h)

jipprovdu lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni bl-informazzjoni kollha neċessarja biex tkun tista’ taġġorna l-pjan ta’ riżoluzzjoni tas-CCP sabiex tħejji għar-riżoluzzjoni possibbli tas-CCP u għall-valwazzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet tagħha f’konformità mal-Artikolu 24 ta’ dan ir-Regolament, inkluż permezz ta’ spezzjonijiet fuq il-post;

(i)

jeħtieġu, fejn neċessarju u f’konformità mal-paragrafu 4, l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ rkupru tas-CCP;

(j)

jeżiġu li s-CCP tastjeni mill-implimentazzjoni ta’ ċerti miżuri ta’ rkupru meta l-awtorità kompetenti tkun iddeterminat li l-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri jista’ jkollha effett negattiv fuq l-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni jew f’wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha;

(k)

jeżiġu li s-CCP tirrikostitwixxi r-riżorsi finanzjarji tagħha fil-ħin sabiex tikkonforma jew iżżomm il-konformità mar-rekwiżiti kapitali u prudenzjali tagħha;

(l)

jeżiġu li s-CCP tagħti struzzjonijiet lill-membri tal-ikklirjar biex jistiednu lill-klijenti tagħhom biex jipparteċipaw direttament fl-irkantijiet organizzati mis-CCP meta n-natura tal-irkant tiġġustifika din il-parteċipazzjoni eċċezzjonali. Il-membri tal-ikklerjar għandhom jinfurmaw lill-klijenti tagħhom b’mod komprensiv dwar l-irkant skont l-istruzzjonijiet li jirċievu mis-CCP. B’mod partikolari s-CCP għandha tispeċifika d-data limitu li warajha l-parteċipazzjoni fl-irkant ma tkunx possibbli. Il-klijenti għandhom jinformaw direttament lis-CCP qabel din l-iskadenza bir-rieda tagħhom li jipparteċipaw fl-irkant. Is-CCP imbagħad għandha tiffaċilita l-proċess ta’ offerti għal dawk il-klijenti. Klijent għandu jkun awtorizzat jipparteċipa fl-irkant biss jekk ikun jista’ juri lis-CCP li stabbilixxa r-relazzjoni kuntrattwali xierqa ma’ membru tal-ikklerjar biex jeżegwixxi u jikklerja t-tranżazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw mill-irkant;

(m)

jipprojbixxu jew jillimitaw kemm jista’ jkun kwalunkwe remunerazzjoni ta’ ekwità u strumenti ttrattati ta’ ekwità mingħajr ma jkun ikkawżat event ta’ inadempjenza, inkluż il-pagamenti tad-dividendi u riakkwisti min-naħa tas-CCP, u jistgħu jillimitaw, jipprojbixxu jew jiffriżaw kwalunkwe pagament ta’ remunerazzjoni varjabbli kif definit mill-politika ta’ remunerazzjoni tas-CCP skont l-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, benefiċċji pensjonistiċi diskrezzjonarji jew indenizzi għat-terminazzjoni tal-impjieg lill-maniġment superjuri kif definit fil-punt 29 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

Artikolu 18 2

2.   Għal kull waħda mill-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha tiffissa skadenza xierqa u tevalwa l-effettività ta’ dawk il-miżuri ladarba jkunu ttieħdu.

Artikolu 18 3

3.   L-awtorità kompetenti tista’ tapplika biss il-miżuri fil-punti (a) sa (m) tal-paragrafu 1 wara li tqis l-impatt ta’ dawk il-miżuri fuq Stati Membri oħrajn fejn is-CCP topera jew tipprovdi servizzi u wara li tinforma lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti, b’mod partikolari meta l-operazzjonijiet tas-CCP ikunu kruċjali jew importanti għas-swieq finanzjarji lokali, inkluż il-postijiet fejn huma stabbiliti l-FMIs u ċ-ċentri tan-negozjar marbuta tal-membri tal-ikklirjar.

Artikolu 18 4

4.   L-awtorità kompetenti għandha tapplika l-miżura fil-punt (i) tal-paragrafu 1 biss meta dik il-miżura tkun fl-interess pubbliku u neċessarja biex jintlaħaq kwalunkwe objettiv minn dawn:

(a)

li tinżamm l-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni jew f’wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha;

(b)

li tinżamm il-kontinwità tal-funzjonijiet kruċjali tas-CCP u l-aċċess fuq bażi trasparenti u nondiskriminatorja;

(c)

li tinżamm u tiġi restawrata r-reżiljenza finanzjarja tas-CCP.

L-awtorità kompetenti ma għandhiex tapplika l-miżura fil-punt (i) tal-paragrafu 1 b’rabta ma’ miżuri li jinvolvu t-trasferiment ta’ proprjetà, drittijiet jew obbligazzjonijiet ta’ CCP oħra.

Artikolu 18 5

5.   Meta CCP tuża kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza tal-membri tal-ikklerjar mhux inadempjenti skont l-Artikolu 45(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, hija għandha tgħarraf lill-awtorità kompetenti u lill-awtorità tar-riżoluzzjoni mingħajr dewmien bla bżonn u tispjega jekk dak l-event jirriflettix dgħufijiet jew problemi f’dik is-CCP.

Artikolu 18 6

6.   Meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-ESMA u lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni u tikkonsulta lill-kulleġġ superviżorju dwar il-miżuri previsti fil-paragrafu 1.

Wara dawk in-notifiki u l-konsultazzjoni tal-kulleġġ superviżorju, l-awtorità kompetenti għandha tiddeċiedi jekk hija għandhiex tapplika xi waħda mill-miżuri previsti fil-paragrafu 1. L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika d-deċiżjoni dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu lill-kulleġġ superviżorju, lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni u lill-ESMA.

Artikolu 18 7

7.   L-awtorità ta’ riżoluzzjoni, wara n-notifika tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, tista’ teżiġi lis-CCP tikkuntattja lil akkwirenti potenzjali sabiex isiru t-tħejjijiet għar-riżoluzzjoni tagħha, soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 41 u għad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità stipulati fl-Artikolu 73.

Artikolu 18 8

8.   Sat-12 ta’ Frar 2022, l-ESMA għandha toħroġ linji gwida f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 biex tippromwovi l-applikazzjoni konsistenti tal-iskattaturi għall-użu tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 22.01.2021 00:00:00 -Doknr: CELEX:32021R0023
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.