11. Meta japplikaw l-għodod ta’ riżoluzzjoni, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni għandhom jiżguraw, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni li tikkonforma mal-Artikolu 25, l-istabbiliment mill-ġdid ta’ valur kontabilistiku rikonċiljat, l-allokazzjoni sħiħa tat-telf, ir-rikostituzzjoni tar-riżorsi prefinanzjati tas-CCP jew tas-CCP tranżitorja u r-rikapitalizzazzjoni tas-CCP jew tas-CCP tranżitorja.
L-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni għandhom jiżguraw ir-rikostituzzjoni tar-riżorsi prefinanzjati u r-rikapitalizzazzjoni tas-CCP jew tas-CCP tranżitorja kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, sal-punt li jkunu biżżejjed biex tiġi stabbilita mill-ġdid il-kapaċità tas-CCP jew tas-CCP tranżitorja li tikkonforma mal-kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni u biex tkompli twettaq il-funzjonijiet kritiċi tas-CCP jew tas-CCP tranżitorja, b’kont meħud tar-regoli operattivi tas-CCP jew tas-CCP tranżitorja.
Minkejja l-applikazzjoni ta’ għodod ta’ riżoluzzjoni oħrajn, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jistgħu japplikaw l-għodod msemmija fl-Artikoli 30 u 31 biex jirrikapitalizzaw is-CCP.