4. Meta l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ Stat Membru tapplika l-għodod ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikoli 28 sa 32, u l-kuntratti, l-obbligazzjonijiet, l-istrumenti ta’ sjieda jew l-istrumenti tad-dejn tas-CCP taħt riżoluzzjoni jkunu jinkludu strumenti, kuntratti jew obbligazzjonijiet li huma rregolati mil-liġi ta’ Stat Membru ieħor, jew obbligazzjonijiet dovuti lill-kredituri u kuntratti fir-rigward tal-membri tal-ikklirjar u, fejn applikabbli, il-klijenti tagħhom li jinsabu f’dak l-Istat Membru l-ieħor, l-awtoritajiet rilevanti f’dak l-Istat Membru l-ieħor għandhom jiżguraw li kwalunkwe azzjoni li tirriżulta minn dawk l-għodod ta’ riżoluzzjoni jkollhom effett.
Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, l-azzjonisti, il-kredituri u l-membri tal-ikklirjar u, fejn applikabbli, il-klijenti tagħhom affettwati minn dawk l-għodod ta’ riżoluzzjoni ma għandhom ikunu intitolati li jikkontestaw it-tnaqqis tal-kapital jew tal-ammont pagabbli tal-istrument jew tal-obbligazzjoni jew inkella l-konverżjoni jew ir-ristrutturar tagħhom, skont il-każ, skont il-liġi tal-Istat Membru tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni biss.