6. F’każ ta’ telf ta’ fondi, telf ta’ kollateral jew telf ta’ strument finanzjarju tad-DLT, l-operatur ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT li tilef il-fondi, il-kollateral jew l-istrument finanzjarju tad-DLT għandu jinżamm responsabbli mit-telf sal-valur tas-suq tal-assi mitluf. L-operatur tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT ma għandux jinżamm responsabbli mit-telf jekk jista’ jipprova li t-telf kien dovut għal xi ħaġa li ġrat esternament lil hinn mill-kontroll raġonevoli tiegħu, li l-konsegwenzi tagħha kienu jkunu inevitabbli minkejja kull sforz raġonevoli biex ikunu evitati.
L-operaturi ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT għandhom jistabbilixxu arranġamenti trasparenti u adegwati biex jiżguraw il-protezzjoni tal-investituri u għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi għat-trattament tal-ilmenti mill-klijenti u proċeduri għal kumpens jew rimedju f’każijiet ta’ telf għall-investituri b’riżultat ta’ kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jew b’riżultat tal-waqfien tan-negozju minħabba kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikoli 8(13), 9(11) u 10(10).
Awtorità kompetenti jistgħu jiddeċiedu, fuq bażi ta’ każ b’każ, li jirrikjedu salvagwardji prudenzjali addizzjonali min-naħa tal-operatur ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT fil-forma ta’ fondi proprji jew ta’ polza ta’ assigurazzjoni jekk l-awtorità kompetenti tistabbilixxi li l-obbligazzjonijiet potenzjali għad-danni kkawżati lill-klijenti tal-operatur tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT b’riżultat ta’ kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma tkunx koperta adegwatament mir-rekwiżiti prudenzjali msemmija fir-Regolament (UE) Nru 909/2014, fir-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), fid-Direttiva 2014/65/UE jew fid-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19), bil-għan li tkun żgurata l-protezzjoni tal-investituri.