Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Din id-Direttiva tistipula r-regoli dwar l-eżerċizzju tal-attività tal-ħruġ tal-flus elettroniċi li skonthom l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-kategoriji li ġejjin ta’ emittenti ta’ flus elettroniċi:
(a) l-istituzzjonijiet tal-kreditu, kif definiti fil-punt 1 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/48/KE, inklużi, skont il-liġi nazzjonali, fergħa tagħhom fi ħdan it-tifsira tal-punt 3 tal-Artikolu 4 ta’ dik id-Direttiva, fejn fergħa tinsab fil-Komunità u li l-uffiċċju ewlieni tagħha jinsab barra l-Komunità skont l-Artikolu 38 ta’ dik id-Direttiva;
(b) l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi, kif definiti fil-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva, inklużi, skont l-Artikolu 8 ta’ din id-Direttiva u l-liġi nazzjonali, fergħa tagħhom li tinsab fil-Komunità u li l-uffiċċju ewlieni tagħha jinsab barra l-Komunità;
(c) l-istituzzjonijiet ġiro tal-uffiċċji postali li jkunu intitolati, skont il-liġi nazzjonali, li joħorġu flus elettroniċi;
(d) il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali meta ma jkunux qed jaġixxu bħala awtorità monetarja jew awtoritajiet pubbliċi oħra;
(e) l-Istati Membri jew l-awtoritajiet reġjonali jew lokali tagħhom meta jaġixxu bħala awtoritajiet pubbliċi.
2. It-Titolu II ta’ din id-Direttiva jistipula r-regoli għall-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi.
3. L-Istati Membri jistgħu jirrinunzjaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tat-Titolu II ta’ din id-Direttiva, jew ta’ parti minnhom, għall-istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/48/KE, bl-eċezzjoni ta’ dawk imsemmija fl-ewwel u t-tieni inċiżi ta’ dak l-Artikolu.
4. Din id-Direttiva ma tapplikax għal valur monetarju maħżun fi strumenti eżentati kif speċifikat fil-punt (k) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/64/KE.
5. Din id-Direttiva ma tapplikax għal valur monetarju li jintużaw sabiex ikunu eżentati tranżazzjonijiet monetarji kif speċifikat fil-punt (l) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/64/KE.