10. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi żmien 30 jum tax-xogħol mir-rapportar ta’ diskrepanza minn awtorità kompetenti jew awtorità marbuta b’obbligu, l-entitajiet responsabbli għar-reġistri ċentrali jieħdu azzjonijiet xierqa biex isolvu d-diskrepanza rrapurtata skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1624, inkluż billi jemendaw l-informazzjoni li tkun tinsab fir-reġistri ċentrali meta l-entità tkun tista' tivverifika l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja. Fir-reġistri ċentrali għandu jkun hemm referenza speċifika għall-fatt li hemm diskrepanzi rrapportati sakemm id-diskrepanza tiġi solvuta u din ir-referenza għandha tkun viżibbli għal kwalunkwe persuna jew entità li tingħata aċċess skont l-Artikoli 11 u 12 ta' din id-Direttiva.
Meta d-diskrepanza tkun ta' natura kumplessa u l-entitajiet responsabbli għar-reġistri ċentrali ma jkunux jistgħu jsolvuha fi żmien 30 jum tax-xogħol, dawn għandhom jirreġistraw l-istanza kif ukoll il-passi meħuda, u jieħdu kwalunkwe miżura meħtieġa biex isolvu d-diskrepanza malajr kemm jista' jkun.