2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 jiġu ppubblikati mis-superviżur immedjatament wara li l-persuni responsabbli għall-ksur jiġu infurmati b'dawk id-deċiżjonijiet.
B'deroga mill-ewwel subparagrafu, meta l-pubblikazzjoni tikkonċerna miżuri amministrattivi li kontrihom ikun infetaħ appell u li ma jkollhomx l-għan li jirrimedjaw ksur serju, ripetut u sistematiku, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-pubblikazzjoni ta' dawk il-miżuri amministrattivi tiġi differita sakemm jiskadi ż-żmien li fih ikun jista jinfetaħ appell.
Meta l-pubblikazzjoni tirreferi għal deċiżjonijiet li jkun infetaħ appell kontrihom, is-superviżuri għandhom ukoll jippubblikaw, immedjatament, din l-informazzjoni u kwalunkwe informazzjoni sussegwenti dwar l-eżitu ta' dan l-appell fuq is-sit web tagħhom. Għandha tiġi ppubblika wkoll kwalunkwe deċiżjoni li tannulla deċiżjoni preċedenti li timponi sanzjoni pekunarja, li tapplika miżura amministrattiva, jew li timponi pagament perjodiku ta' penali.