+Artikolu 29a Rapportar dwar is-sostenibbiltà kkonsolidat
---+Artikolu 29a 1.
---+Artikolu 29a 2.
---+Artikolu 29a 3.
---+Artikolu 29a 4.
---+Artikolu 29a 4a.
---+Artikolu 29a 5.
---+Artikolu 29a 6.
---+Artikolu 29a 7.
---+Artikolu 29a 7a.
---+Artikolu 29a 8.
---+Artikolu 29a 9.

Artikolu 29a Rapportar dwar is-sostenibbiltà kkonsolidat

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 29a 1.
►M8  L-impriżi omm ta’ grupp li, fid-data tal-karta tal-bilanċ tiegħu, jaqbeż, fuq bażi konsolidata, fatturat nett ta’ EUR 450 000 000 u għadd medju ta’ 1 000 impjegat matul is-sena finanzjarja, għandhom jinkludu fir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġu mifhumin l-impatti tal-grupp fuq kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà, u l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġi mifhum kif kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà jaffettwaw l-iżvilupp, il-prestazzjoni u l-pożizzjoni tal-grupp. ◄

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tkun identifikabbli b’mod ċar fir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat, permezz ta’ taqsima ddedikata tar-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat.

Artikolu 29a 2.

L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha:

(a) 

deskrizzjoni qasira tal-mudell u tal-istrateġija tan-negozju tal-grupp, inklużi:

(i) 

ir-reżiljenza tal-mudell u tal-istrateġija tan-negozju tal-grupp għar-riskji b’rabta ma’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà;

(ii) 

l-opportunitajiet għall-grupp b’rabta ma’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà;

(iii) 

il-pjanijiet tal-grupp, inkluż l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet u pjanijiet finanzjarji u ta’ investiment relatati, biex jiżgura li l-mudell u l-istrateġija kummerċjali tiegħu jkunu kompatibbli mat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u mal-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5 °C f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi u l-objettiv ta’ newtralità klimatika sal-2050 kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1119 u, fejn rilevanti, l-esponiment tal-grupp għal attivitajiet relatati mal-faħam, iż-żejt u l-gass;

(iv) 

kif il-mudell u l-istrateġija tan-negozju tal-grupp jqisu l-interessi tal-partijiet ikkonċernati tal-grupp u l-impatti tal-grupp fuq kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà;

(v) 

kif tkun ġiet implimentata l-istrateġija tal-grupp fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà;

(b) 

deskrizzjoni tal-miri marbuta biż-żmien relatati ma’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà stabbiliti mill-grupp, inkluż, fejn xieraq, il-miri assoluti ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-inqas għall-2030 u l-2050, deskrizzjoni tal-progress magħmul mill-grupp biex jintlaħqu dawk il-miri, u dikjarazzjoni ta’ jekk il-miri tal-grupp relatati ma’ fatturi ambjentali humiex ibbażati fuq evidenza xjentifika konklużiva;

(c) 

deskrizzjoni tar-rwol tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà, kif ukoll l-għarfien espert u l-ħiliet tagħhom b’rabta mat-twettiq ta’ dak ir-rwol jew l-aċċess li jkollhom dawn il-korpi għal tali għarfien espert u ħiliet;

(d) 

deskrizzjoni tal-politiki tal-grupp fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà;

(e) 

informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ skemi ta’ inċentiv marbuta ma’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà offruti lill-membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji;

(f) 

deskrizzjoni ta’:

(i) 

il-proċess ta’ diliġenza dovuta implimentat mill-grupp fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà, u f’konformità mar-rekwiżiti tal-Unjoni dwar l-impriżi biex iwettqu proċess ta’ diliġenza dovuta, fejn applikabbli;

(ii) 

l-impatti avversi attwali jew potenzjali prinċipali marbuta mal-operazzjonijiet tal-grupp u mal-katina tal-valur tiegħu, inklużi l-prodotti u s-servizzi tiegħu, ir-relazzjonijiet kummerċjali u l-katina tal-provvista tiegħu, l-azzjonijiet meħuda biex jiġu identifikati u mmonitorjati dawk l-impatti u impatti negattivi oħra li l-impriża prinċipali hija meħtieġa tidentifika skont rekwiżiti oħra tal-Unjoni biex twettaq proċess ta’ diliġenza dovuta;

(iii) 

kwalunkwe azzjoni meħuda mill-grupp biex jipprevjeni, jimmitiga, jirrimedja jew iġib fi tmiemhom l-impatti negattivi attwali jew potenzjali, u r-riżultat ta’ tali azzjonijiet;

(g) 

deskrizzjoni tar-riskji ewlenin għall-grupp b’rabta ma’ kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà, inklużi d-dipendenzi prinċipali tal-grupp fuq dawk il-kwistjonijiet, u kif il-grupp jimmaniġġja dawk ir-riskji;

(h) 

indikaturi rilevanti għad-divulgazzjonijiet imsemmijin fil-punti (a) sa (g).

L-impriżi prinċipali għandhom jirrappurtaw il-proċess imwettaq sabiex jidentifikaw l-informazzjoni li jkunu inkludew fir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. L-informazzjoni elenkata fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandha tinkludi informazzjoni relatata ma’ orizzonti qosra, medji u fit-tul, kif applikabbli.

Artikolu 29a 3.
Fejn applikabbli, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandu jkun fiha informazzjoni dwar l-operazzjonijiet tal-grupp u l-katina tal-valur tiegħu, inklużi l-prodotti u s-servizzi tiegħu, ir-relazzjonijiet kummerċjali tiegħu u l-katina tal-provvista tiegħu.

Għall-finijiet tat-tielet, ir-raba’ u l-ħames subparagrafi, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

“impriża li tirrapporta” tfisser impriża meħtieġa li tirrapporta skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu;

(b) 

“impriża protetta” tfisser impriża li:

(i) 

fid-data tal-karta tal-bilanċ tagħha, ma taqbiżx għadd medju ta’ 1 000 impjegat matul is-sena finanzjarja preċedenti; u

(ii) 

tkun fil-katina tal-valur ta’ impriża li tirrapporta;

(c) 

“standards volontarji” tfisser l-istandards għall-użu volontarju kif imsemmi fl-Artikolu 29ca.

L-impriżi li jirrapportaw jistgħu joqogħdu fuq awtodikjarazzjoni mill-impriżi fil-katina tal-valur tagħhom biex jiddeterminaw jekk humiex impriżi protetti. L-impriżi li jirrapportaw ma għandhomx ikunu meħtieġa jieħdu passi biex jivverifikaw l-informazzjoni li tinsab f’awtodikjarazzjoni bħal din. Madankollu, huma ma għandhomx jiddependu fuq l-awtodikjarazzjoni meta jkunu jafu, jew jistgħu jkunu raġonevolment mistennija li jkunu jafu, li d-dikjarazzjoni hija manifestament skorretta.

L-impriżi protetti għandhom id-dritt li jirrifjutaw li jipprovdu informazzjoni li teċċedi l-informazzjoni speċifikata fl-istandards volontarji bi tweġiba għal talba magħmula għall-fini tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà kif meħtieġ minn din id-Direttiva. Barra minn hekk:

(a) 

meta jistabbilixxu arranġamenti kuntrattwali u arranġamenti oħra għall-fini li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà ta’ din id-Direttiva, l-impriżi li jirrapportaw ma għandhomx jirrikjedu li l-impriżi protetti jipprovdu informazzjoni li teċċedi l-informazzjoni speċifikata fl-istandards volontarji;

(b) 

kwalunkwe dispożizzjoni kuntrattwali li tmur kontra l-punt (a) ma għandhiex tkun vinkolanti, mingħajr madankollu ma taffettwa n-natura vinkolanti tad-dispożizzjonijiet li jifdal tal-kuntratt;

(c) 

meta impriża li tirrapporta titlob informazzjoni, direttament jew indirettament, mingħand impriżi protetti għall-fini tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà kif meħtieġ minn din id-Direttiva, u xi informazzjoni jew l-informazzjoni kollha teċċedi l-informazzjoni speċifikata fl-istandards volontarji, dik l-impriża li tirrapporta għandha tiżgura li l-impriżi protetti jiġu infurmati dwar dan li ġej:

(i) 

liema informazzjoni teċċedi l-informazzjoni speċifikata fl-istandards volontarji; u

(ii) 

id-dritt statutorju tal-impriżi protetti li jirrifjutaw li jipprovdu l-informazzjoni;

(d) 

l-impriżi li jirrapportaw l-informazzjoni meħtieġa dwar il-katina tal-valur mingħajr rapportar mill-impriżi protetti kwalunkwe informazzjoni li teċċedi l-informazzjoni speċifikata fl-istandards volontarji huma meqjusin bħala li kkonformaw mal-obbligu li jirrapportaw l-informazzjoni dwar il-katina tal-valur stabbilit fl-ewwel subparagrafu.

L-ebda dispożizzjoni fir-raba’ subparagrafu:

(a) 

ma taffettwa t-talbiet għal informazzjoni magħmula għal finijiet oħra għajr ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà kif meħtieġ minn din id-Direttiva, inklużi talbiet magħmula għal finijiet ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-Unjoni dwar l-impriżi biex iwettqu proċess ta’ diliġenza dovuta; jew

(b) 

timponi jew timplika kwalunkwe obbligu fuq kwalunkwe impriża fil-katina tal-valur li tipprovdi informazzjoni dwar is-sostenibbiltà.

Għall-ewwel tliet snin minn meta tkun soġġetta għal rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà skont il-paragrafu 1, u f’każ li ma tkunx disponibbli l-informazzjoni kollha meħtieġa rigward il-katina tal-valur tagħha, l-impriża omm għandha tispjega l-isforzi li jkunu saru biex tinkiseb l-informazzjoni neċessarja dwar il-katina tal-valur tagħha, ir-raġunijiet għaliex ma tkunx setgħet tinkiseb l-informazzjoni kollha meħtieġa, u l-pjanijiet li jkollha biex tikseb l-informazzjoni kollha meħtieġa fil-futur. Wara dak il-perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ tliet snin, l-impriża omm għandha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ rapportar għall-informazzjoni dwar il-katina tal-valur billi tuża informazzjoni miksuba direttament mill-impriżi fil-katina tal-valur tagħha jew stimi ta’ dik l-informazzjoni, kif xieraq.

Fejn applikabbli, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tinkludi wkoll referenzi u spjegazzjonijiet addizzjonali għall-informazzjoni oħra inkluża fir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat f’konformità mal-Artikolu 29 ta’ din id-Direttiva u l-ammonti rrapportati fir-rapporti finanzjarji kkonsolidati.

Meta jirrapportaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-impriżi prinċipali jistgħu jħallu barra l-informazzjoni li ġejja:

(a) 

f’każijiet eċċezzjonali, informazzjoni li d-divulgazzjoni tagħha tkun ta’ preġudizzju serju għall-pożizzjoni kummerċjali tal-grupp, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i) 

tali ommissjoni ma tipprevjenix fehim ġust u bbilanċjat tal-iżvilupp, tal-prestazzjoni u tal-pożizzjoni tal-grupp, jew tar-riskji prinċipali jew tal-impatti prinċipali tiegħu;

(ii) 

l-impriża prinċipali tkun iddeterminat li huwa impossibbli li tiġi divulgata l-informazzjoni b’mod li jippermettilha tilħaq l-objettivi tar-rekwiżit ta’ divulgazzjoni mingħajr ma tippreġudika serjament il-pożizzjoni kummerċjali tal-grupp, pereżempju fuq bażi aggregata;

(iii) 

l-impriża prinċipali tiddivulga l-fatt li użat l-eżenzjoni stabbilita f’dan is-subparagrafu; u

(iv) 

l-impriża omm tivvaluta mill-ġdid f’kull data ta’ rapportar jekk l-informazzjoni tistax titħalla barra;

(b) 

informazzjoni li tikkorrispondi għall-kapital intellettwali, il-proprjetà intellettwali, l-għarfien espert, l-informazzjoni teknoloġika, jew ir-riżultati ta’ innovazzjoni li tikkwalifika bħala sigriet kummerċjali kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tad-Direttiva (UE) 2016/943, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i) 

l-impriża prinċipali tiddivulga l-fatt li użat l-eżenzjoni stabbilita f’dan is-subparagrafu; u

(ii) 

l-impriża omm tivvaluta mill-ġdid f’kull data ta’ rapportar jekk l-informazzjoni tistax titħalla barra;

(c) 

informazzjoni klassifikata definita fl-Artikolu 2, il-punt (7), tar-Regolament (UE) 2023/2418, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i) 

l-impriża prinċipali tiddivulga l-fatt li użat l-eżenzjoni stabbilita f’dan is-subpragrafu; u

(ii) 

l-impriża omm tivvaluta mill-ġdid f’kull data ta’ rapportar jekk l-informazzjoni tistax titħalla barra;

(d) 

informazzjoni oħra li għandha tiġi protetta minn aċċess jew divulgazzjoni mhux awtorizzati minħabba obbligi stabbiliti f’atti legali oħra tal-Unjoni jew fil-liġi nazzjonali jew sabiex jiġu ssalvagwardjati l-privatezza jew is-sigurtà ta’ persuna fiżika jew is-sigurtà ta’ persuna ġuridika, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i) 

l-impriża prinċipali tiddivulga l-fatt li użat l-eżenzjoni stabbilita f’dan is-subparagrafu; u

(ii) 

l-impriża omm tivvaluta mill-ġdid f’kull data ta’ rapportar jekk l-informazzjoni tistax titħalla barra.

Artikolu 29a 4.
Meta l-impriża li tirrapporta tidentifika differenzi sinifikanti bejn ir-riskji għal, jew l-impatti fir-rigward, tal-grupp u r-riskji għal, jew l-impatti fir-rigward ta’, -impriża sussidjarja waħda jew aktar tagħha, l-impriża għandha tfiehem adegwatament, kif xieraq, ir-riskji għal--impriża sussidjarja jew l--impriżi sussidjarji kkonċernati u l-impatti tagħhom.

L-impriżi għandhom jindikaw liema –impriżi sussidjarji inklużi fil-konsolidazzjoni jkunu eżentati mir-rapportar dwar is-sostenibbiltà annwali jew konsolidat skont l-Artikoli 19a (9) jew 29a(8) rispettivament.

Artikolu 29a 4a.
B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, f’każijiet fejn il-kompożizzjoni tal-grupp tkun inbidlet matul is-sena finanzjarja minħabba akkwisti jew fużjonijiet ta’ impriżi, l-impriża omm tista’ tiddeċiedi li ma tinkludix fir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat relatat ma’ dik is-sena finanzjarja l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fir-rigward ta’ impriżi soġġetti għal akkwist jew fużjoni.

B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-impriża omm tista’ tiddeċiedi li ma tinkludix fir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu rigward kwalunkwe impriża sussidjarja li titlaq mill-grupp matul is-sena finanzjarja.

Impriża omm li teżerċita l-għażliet imsemmija fl-ewwel jew fit-tieni subparagrafu għandha tindika kwalunkwe avveniment sinifikanti li affettwa lill-impriża sussidjarja matul is-sena finanzjarja u li għandu effett fuq l-impatti tal-grupp fuq kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà, jew fuq ir-riskji jew l-opportunitajiet tal-grupp b’rabta ma’ tali kwistjonijiet.

Artikolu 29a 5.
L-impriżi prinċipali għandhom jirrapportaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà adottati skont l-Artikolu 29b.
Artikolu 29a 6.
Il-maniġment tal-impriża prinċipali għandu jinforma lir-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-livell xieraq u jiddiskuti magħhom l-informazzjoni rilevanti u l-mezzi li bihom tkun tista’ tinkiseb u tiġi vverifikata l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà. L-opinjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema għandha tiġi kkomunikata, fejn applikabbli, lill-korpi amministrattivi, maniġerjali jew superviżorji rilevanti.
Artikolu 29a 7.
Impriża prinċipali li tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu għandha titqies li kienet konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(1) u fl-Artikolu 19a.
Artikolu 29a 7a.
B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi omm li jkunu impriżi holding finanzjarji li l-mudelli ta’ negozju u l-operazzjonijiet tal-impriżi sussidjarji tagħhom ikunu indipendenti minn xulxin ikunu jistgħu jagħżlu li ma jinkludux fir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat tagħhom l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.
Artikolu 29a 8.
Dment li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, impriża prinċipali li hija wkoll impriża sussidjarja għandha tkun eżentata mill-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu (“l-impriża prinċipali eżentata”) jekk tali impriża prinċipali u l-impriżi sussidjarji tagħha jkunu inklużi fir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat ta’ impriża oħra mfassal f’konformità mal-Artikolu 29 u ma’ dan l-Artikolu. Impriża prinċipali li tkun impriża sussidjarja ta’ impriża prinċipali li tkun stabbilita f’pajjiż terz għandha tkun eżentata wkoll mill-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu meta tali impriża prinċipali u l-impriżi sussidjarji tagħha jkunu inklużi fir-rapportar dwar is-sostenibbiltà kkonsolidat ta’ dik l-impriża prinċipali li hija stabbilita f’pajjiż terz u meta r-rapportar dwar is-sostenibbiltà kkonsolidat jitwettaq skont l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà adottati skont l-Artikolu 29b jew b’mod ekwivalenti għal dawk l-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà, kif determinati f’konformità ma’ att ta’ implimentazzjoni dwar l-ekwivalenza tal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà adottati skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2004/109/KE.

L-eżenzjoni fl-ewwel subparagrafu għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

ir-rapport ta’ ġestjoni tal-impriża prinċipali eżentata jkun fih l-informazzjoni kollha li ġejja:

(i) 

l-isem u l-uffiċċju reġistrat tal-impriża prinċipali li tirrapporta informazzjoni fil-livell ta’ grupp f’konformità ma’ dan l-Artikolu, jew b’mod ekwivalenti għall-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà adottati skont l-Artikolu 29b ta’ din id-Direttiva, kif determinati f’konformità ma’ att ta’ implimentazzjoni dwar l-ekwivalenza tal-istandards tar-rapportar tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà adottati skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2004/109/KE;

(ii) 

il-links elettroniċi għar-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat tal-impriża prinċipali, jew, fejn applikabbli, għar-rapportar konsolidat dwar is-sostenibbiltà tal-impriża prinċipali kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, u għall-opinjoni dwar l-aċċertament msemmija fil-punt (aa) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) ta’ din id-Direttiva jew l-opinjoni dwar l-aċċertament msemmija fil-punt (b) ta’ dan is-subparagrafu;

(iii) 

l-informazzjoni dwar il-fatt li l-impriża prinċipali tkun eżentata mill-obbligi stipulati fil-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu.

(b) 

jekk l-impriża prinċipali tkun stabbilita f’pajjiż terz, ir-rapportar konsolidat tagħha dwar is-sostenibbiltà u l-opinjoni ta’ aċċertament espressi minn persuna jew ditta waħda jew aktar awtorizzata li jagħtu opinjoni dwar l-aċċertament tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà skont il-liġi nazzjonali li tirregola l-impriża prinċipali, jiġu ppubblikati f’konformità mal-Artikolu 30, kif preskritt mil-liġi tal-Istat Membru li minnu tkun irregolata l-impriża prinċipali eżentata;

(c) 

jekk l-impriża prinċipali tkun stabbilita f’pajjiż terz, id-divulgazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2020/852, li jkopru l-attivitajiet imwettqa mill-impriża sussidjarjastabbilita fl-Unjoni, u eżentata mir-rapportar dwar is-sostenibbiltà abbażi tal-Artikolu 19a(9) ta’ din id-Direttiva, għandhom jiġu inklużi fir-rapport ta’ ġestjoni tal-impriża prinċipali eżentata, jew fir-rapportar konsolidat dwar is-sostenibbiltà mwettaq mill-impriża prinċipali stabbilita f’pajjiż terz.

L-Istat Membru li l-impriża prinċipali eżentata tkun irregolata bil-liġi tiegħu jista’ jitlob li r-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat tal-impriża prinċipali jew, fejn applikabbli, ir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat tal-impriża prinċipali jiġi ppubblikat b’lingwa li dak l-Istat Membru jaċċetta, u li tiġi pprovduta kwalunkwe traduzzjoni neċessarja b’dawk it-tali lingwi. Kwalunkwe traduzzjoni li ma tkunx ġiet iċċertifikata għandha tinkludi dikjarazzjoni f’dak is-sens.

L-impriżi prinċipali li jkunu eżentati mit-tħejjija ta’ rapport ta’ ġestjoni skont l-Artikolu 37 ma għandhomx ikunu obbligati jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-punti (a)(i) sa (a)(iii) tat-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, dment li tali impriżi jippubblikaw ir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat f’konformità mal-Artikolu 37.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, u fejn japplika l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tall-Artikolu 1(3) ta’ din id-Direttiva li huma affiljati b’mod permanenti ma’ korp ċentrali li jissorveljahom skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandhom jiġu ttrattati bħala –impriżi sussidjarji ta’ dak il-korp ċentrali.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-impriżi tal-assigurazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) ta’ din id-Direttiva li huma parti minn grupp abbażi ta’ relazzjonijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 212(1)(c)(ii) tad-Direttiva 2009/138/KE, u li huma soġġetti għas-superviżjoni tal-grupp skont il-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 213(2) ta’ dik id-Direttiva għandhom jiġu ttrattati bħala -impriżi sussidjarji tal-impriża prinċipali ta’ dak il-grupp.

Artikolu 29a 9.
L-eżenzjoni stabbilita fil-paragrafu 8 għandha tapplika wkoll għal entitajiet ta’ interess pubbliku soġġetti għar-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 30.01.2027 00:00:00 -Doknr: CELEX:32013L0034
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.