2. Il-valutazzjonijiet tar-riskju tal-entita' kritika għandha tqis ir-riskji rilevanti kollha naturali u kkawżati mill-bniedem li jistgħu jwasslu għal inċident, inkluż dawk ta' natura transsettorjali jew transfruntiera, l-inċidenti, id-diżastri naturali, l-emerġenzi tas-saħħa pubblika u t-theddid ibridu u theddid antagonistiku ieħor, inkluż ir-reati terroristiċi kif provdut fid-Direttiva (UE) 2017/541. Valutazzjoni tar-riskju ta' entita' kritika għandha tqis il-punt sa fejn setturi oħra kif stabbiliti fl-Anness jiddependu fuq is-servizz essenzjali pprovdut mill-entità kritika u l-punt sa fejn dik l-entita' kritika tiddependi fuq servizzi essenzjali provduti minn entitajiet oħra f'setturi oħra bħal dawn, inkluż, fejn rilevanti, fi Stati Membri u pajjiżi terzi ġirien.
Meta l-entita' kritika tkun wettqet valutazzjonijiet tar-riskju oħra jew tkun fasslet dokumenti skont l-obbligi stabbiliti f'atti legali oħra li jkunu rilevanti għall-valutazzjoni tar-riskju tal-entita' kritika tagħha, hija tista' tuża dawk il-valutazzjonijiet u d-dokumenti biex tissodisfa r-rekwiżiti li jinsabu f'dan l-Artikolu. Meta teżerċita l-funzjonijiet superviżorji tagħha, l-awtorità kompetenti tista' tiddikjara valutazzjoni tar-riskju eżistenti mwettqa minn entità kritika li tindirizza r-riskji u l-punt sa fejn id-dipendenza msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu bħala konformi kompletament jew parzjalment, mal-obbligi skont dan l-Artikolu.