+Artikolu 37 Kustodja tal-assi ta’ riżerva
---+Artikolu 37 1.
---+Artikolu 37 2.
---+Artikolu 37 3.
---+Artikolu 37 4.
---+Artikolu 37 5.
---+Artikolu 37 6.
---+Artikolu 37 7.
---+Artikolu 37 8.
---+Artikolu 37 9.
---+Artikolu 37 10.

Artikolu 37 Kustodja tal-assi ta’ riżerva

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 37 1.

L-emittenti ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi għandhom jistabbilixxu, iżommu u jimplimentaw politiki, proċeduri u arranġamenti kuntrattwali ta’ kustodja li jiżguraw f’kull ħin li:

(a) 

l-assi ta’ riżerva ma jkunux gravati u lanqas ma jkunu mirhuna bħala “arranġament kollaterali finanzjarju” kif definit fl-Artikolu 2(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 13 );

(b) 

l-assi ta’ riżerva jkunu miżmuma f’kustodja f’konformità mal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu;

(c) 

l-emittenti ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi jkollhom aċċess fil-pront għall-assi ta’ riżerva sabiex jissodisfaw kwalunkwe talba ta’ fidi mid-detenturi ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi;

(d) 

jiġu evitati l-konċentrazzjonijiet tal-kustodji ta’ assi ta’ riżerva;

(e) 

jiġi evitat ir-riskju ta’ konċentrazzjoni ta’ assi ta’ riżerva.

Artikolu 37 2.
L-emittenti ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi li joħorġu żewġ jew aktar tokens irreferenzjati ma’ assi fl-Unjoni għandu jkollhom politika ta’ kustodja fis-seħħ għal kull grupp ta’ riżerva ta’ assi. Emittenti differenti ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi li jkunu ħarġu l-istess token irreferenzjat ma’ assi għandhom joperaw u jżommu politika unika ta’ kustodja.
Artikolu 37 3.

L-assi ta’ riżerva għandhom jinżammu f’kustodja sa mhux aktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol wara d-data tal-ħruġ tat-token irreferenzjat ma’ assi minn wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a) 

fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi li jforni l-kustodja u l-amministrazzjoni ta’ kriptoassi f’isem il-klijenti, meta l-assi ta’ riżerva jieħdu l-forma ta’ kriptoassi;

(b) 

istituzzjoni ta’ kreditu, għat-tipi kollha ta’ assi ta’ riżerva;

(c) 

ditta ta’ investiment li tipprovdi s-servizz anċillari ta’ salvagwardja u amministrazzjoni ta’ strumenti finanzjarji għall-kont tal-klijenti kif imsemmi fl-Anness I, it-Taqsima B, il-punt (1), tad-Direttiva 2014/65/UE, meta l-assi ta’ riżerva jieħdu l-forma ta’ strumenti finanzjarji.

Artikolu 37 4.
L-emittenti ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi għandhom jeżerċitaw il-ħila, l-attenzjoni u d-diliġenza dovuti kollha fl-għażla, fil-ħatra u fir-rieżami tal-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi, tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti ta’ investiment maħtura bħala kustodji tal-assi ta’ riżerva kif imsemmi fil-paragrafu 3. Il-kustodju għandu jkun persuna ġuridika differenti mill-emittent.

L-emittenti ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi għandhom jiżguraw li l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti ta’ investiment maħtura bħala kustodji tal-assi ta’ riżerva kif imsemmi fil-paragrafu 3 jkollhom l-għarfien espert u r-reputazzjoni tas-suq meħtieġa sabiex jaġixxu bħala kustodji ta’ tali assi ta’ riżerva, filwaqt li jqisu l-prattiki kontabilistiċi, il-proċeduri ta’ salvagwardja u l-mekkaniżmi ta’ kontroll intern ta’ dawk il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti ta’ investiment. L-arranġamenti kuntrattwali bejn l-emittenti ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi u l-kustodji għandhom jiżguraw li l-assi ta’ riżerva miżmuma f’kustodja jkunu protetti kontra pretensjonijiet tal-kredituri tal-kustodji.

Artikolu 37 5.
Il-politiki u l-proċeduri tal-kustodja msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jistabbilixxu l-kriterji tal-għażla għall-ħatra tal-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew id-ditti ta’ investiment bħala kustodji tal-assi ta’ riżerva u l-proċedura biex tkun rieżaminata tali ħatra.

L-emittenti ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi għandhom jirrieżaminaw il-ħatra tal-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew id-ditti ta’ investiment bħala kustodji tal-assi ta’ riżerva fuq bażi regolari. Għall-fini ta’ dak ir-rieżami, l-emittenti ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi għandhom jevalwaw l-iskoperturi tagħhom għal tali kustodji, filwaqt li jqisu l-ambitu sħiħ tar-relazzjoni tagħhom magħhom, u jimmonitorjaw il-kundizzjonijiet finanzjarji ta’ tali kustodji fuq bażi kontinwa.

Artikolu 37 6.

Il-kustodji tal-assi ta’ riżerva kif imsemmi fil-paragrafu 4 għandhom jiżguraw li l-kustodja ta’ dawk l-assi ta’ riżerva titwettaq bil-mod li ġej:

(a) 

l-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom iżommu f’kustodja fondi f’kont miftuħ fil-kotba tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu;

(b) 

għall-istrumenti finanzjarji li jistgħu jinżammu f’kustodja, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew id-ditti ta’ investiment għandhom iżommu f’kustodja l-istrumenti finanzjarji kollha li jistgħu jiġu rreġistrati f’kont ta’ strumenti finanzjarji miftuħ fil-kotba tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew tad-ditti ta’ investiment u l-istrumenti finanzjarji kollha li jistgħu jiġu fiżikament ikkonsenjati lil tali istituzzjonijiet ta’ kreditu jew ditti ta’ investiment;

(c) 

għall-kriptoassi li jistgħu jinżammu f’kustodja, il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom iżommu f’kustodja l-kriptoassi inklużi fl-assi ta’ riżerva jew il-mezzi ta’ aċċess għal tali kriptoassi, meta applikabbli, fil-forma ta’ ċwievet kriptografiċi privati;

(d) 

għal assi oħrajn, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jivverifikaw is-sjieda tal-emittenti tat-tokens irreferenzjati ma’ assi u għandhom iżommu rekord ta’ dawk l-assi ta’ riżerva li għalihom ikunu sodisfatti li l-emittenti ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi jkunu s-sidien ta’ dawk l-assi ta’ riżerva.

Għall-finijiet tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jiżguraw li l-fondi jkunu rreġistrati fil-kotba tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu f’kont segregat f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 16 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/73/KE ( 14 ). Dak il-kont għandu jinfetaħ f’isem l-emittent tat-tokens irreferenzjati ma’ assi għall-fini tal-immaniġġjar tal-assi ta’ riżerva ta’ kull token irreferenzjat ma’ assi, sabiex il-fondi miżmuma f’kustodja jkunu jistgħu jiġu identifikati b’mod ċar bħala li jappartjenu għal kull riżerva ta’ assi.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (b), l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti ta’ investiment għandhom jiżguraw li l-istrumenti finanzjarji kollha li jistgħu jiġu rreġistrati f’kont tal-istrumenti finanzjarji miftuħ fil-kotba tal-istituzzjoni ta’ kreditu u fil-kotba tad-ditti ta’ investiment jkunu rreġistrati fil-kotba tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti ta’ investiment f’kontijiet segregati f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/73/KE. Il-kont tal-istrumenti finanzjarji għandu jinfetaħ f’isem l-emittenti tat-tokens irreferenzjati ma’ assi għall-finijiet tal-immaniġġjar tal-assi ta’ riżerva għal kull token irreferenzjat ma’ assi, sabiex l-istrumenti finanzjarji miżmuma f’kustodja jkunu jistgħu jiġu identifikati b’mod ċar bħala li jappartjenu għal kull riżerva ta’ assi.

Għall-finijiet tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom jiftħu reġistru ta’ pożizzjonijiet f’isem l-emittenti tat-tokens irreferenzjati ma’ assi għall-finijiet tal-immaniġġjar tal-assi ta’ riżerva ta’ kull token irreferenzjat ma’ assi, sabiex il-kriptoassi miżmuma f’kustodja jkunu jistgħu jiġu identifikati b’mod ċar bħala li jappartjenu għal kull riżerva ta’ assi.

Għall-finijiet tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu, il-valutazzjoni ta’ jekk l-emittenti ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi humiex is-sidien tal-assi ta’ riżerva għandha tkun ibbażata fuq informazzjoni jew fuq dokumenti pprovduti mill-emittenti tat-tokens irreferenzjati ma’ assi u, meta disponibbli, fuq evidenza esterna.

Artikolu 37 7.
Il-ħatra tal-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew id-ditti ta’ investiment bħala kustodji tal-assi ta’ riżerva kif imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu għandha tintwera permezz ta’ arranġament kuntrattwali kif imsemmi fl-Artikolu 34(5), it-tieni subparagrafu. Dawk l-arranġamenti kuntrattwali għandhom, fost l-oħrajn, jirregolaw il-fluss ta’ informazzjoni meħtieġa biex l-emittenti tat-tokens irreferenzjati ma’ assi u l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti ta’ investiment ikunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom bħala kustodji.
Artikolu 37 8.
Il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti ta’ investiment maħtura bħala kustodji f’konformità mal-paragrafu 4 għandhom jaġixxu b’mod onest, ġust, professjonali, indipendenti u fl-interess tal-emittenti tat-tokens irreferenzjati ma’ assi u tad-detenturi ta’ tali tokens.
Artikolu 37 9.

Il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti ta’ investiment maħtura bħala kustodji f’konformità mal-paragrafu 4 ma għandhomx iwettqu attivitajiet fir-rigward tal-emittenti tat-tokens irreferenzjati ma’ assi li jistgħu joħolqu kunflitti ta’ interess bejn dawk l-emittenti, id-detenturi ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi, u huma stess sakemm ma jkunux ġew issodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) 

il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew id-ditti ta’ investiment ikunu sseparaw funzjonalment u ġerarkikament it-twettiq tal-kompiti ta’ kustodja tagħhom mill-kompiti potenzjalment konfliġġenti tagħhom;

(b) 

il-kunflitti ta’ interess potenzjali jkunu ġew identifikati, immonitorjati, immaniġġjati u żvelati b’mod xieraq mill-emittenti tat-tokens irreferenzjati ma’ assi lid-detenturi ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi, f’konformità mal-Artikolu 32.

Artikolu 37 10.
Fil-każ ta’ telf ta’ strument finanzjarju jew ta’ kriptoassi miżmum f’kustodja skont il-paragrafu 6, il-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi, l-istituzzjoni ta’ kreditu jew id-ditta ta’ investiment li jkunu tilfu dak l-istrument finanzjarju jew il-kriptoassi għandhom jikkumpensaw, jew jirrestitwixxu, lill-emittent tat-token irreferenzjat ma’ assi, strument finanzjarju jew kriptoassi ta’ tip identiku jew il-valur korrispondenti mingħajr dewmien żejjed. Il-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi, l-istituzzjoni ta’ kreditu jew id-ditta ta’ investiment ikkonċernati ma għandhomx ikunu responsabbli għal kumpens jew restituzzjoni meta jkunu jistgħu juru bil-provi li t-telf ikun seħħ b’riżultat ta’ avveniment estern lil hinn mill-kontroll raġonevoli tagħhom, li l-konsegwenzi tiegħu kienu inevitabbli minkejja l-isforzi raġonevoli kollha għall-kuntrarju.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 09.01.2024 00:00:00 -Doknr: CELEX:32023R1114
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.