+Artikolu 11 Analiżi tal-kostbenefiċċji tas-sistema tal-enerġija kollha
---+Artikolu 11 1.
---+Artikolu 11 2.
---+Artikolu 11 3.
---+Artikolu 11 4.
---+Artikolu 11 5.
---+Artikolu 11 6.
---+Artikolu 11 7.
---+Artikolu 11 8.
---+Artikolu 11 9.
---+Artikolu 11 10.
---+Artikolu 11 11.
---+Artikolu 11 12.
---+Artikolu 11 13.
---+Artikolu 11 14.

Artikolu 11 Analiżi tal-kostbenefiċċji tas-sistema tal-enerġija kollha

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 11 1.
L-ENTSO tal-Elettriku u n-Network Ewropew tal-Operaturi tan-Networks għall-Idroġenu (ENNOH) msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) 2024/1789 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ) għandhom ifasslu abbozzi ta’ metodoloġiji konsistenti għal kull settur, inkluż il-mudell tan-network tal-enerġija u tas-suq imsemmi fil-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu, għal analiżi armonizzata tal-kostbenefiċċji tas-sistema tal-enerġija kollha fil-livell tal-Unjoni għal proġetti fil-lista tal-Unjoni taħt il-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fil-punti (1)(a), (b), (d) u (f) u fil-punt (3) tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Il-metodoloġiji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jitfasslu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Anness V, għandhom ikunu bbażati fuq suppożizzjonijiet komuni li jippermettu tqabbil bejn il-proġetti, u għandhom ikunu konsistenti mal-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha għall-2050, kif ukoll mar-regoli u l-indikaturi stabbiliti fl-Anness IV.

Il-metodoloġiji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jiġu applikati għat-tħejjija ta’ kull pjan sussegwenti tal-iżvilupp tan-network ta’ għaxar snin għall-Unjoni kollha u li jkun żviluppat mill-ENTSO tal-Elettriku skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2019/943 jew l-ENNOH skont l-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) 2024/1789.

Sal-24 ta’ April 2023, l-ENTSO tal-Elettriku għandu jippubblika u jissottometti lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija l-abbozz ta’ metodoloġija konsistenti għal kull settur tiegħu wara li jinġabar l-input mill-partijiet ikkonċernati rilevanti matul il-proċess ta’ konsultazzjoni msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Kwalunkwe metodoloġija għal analiżi tal-kostbenefiċċji tal-idroġenu fis-sistema tal-enerġija kollha żviluppata mill-ENTSO tal-Gass sal-1 ta’ Settembru 2024 għandha tiġi approvata f’konformità mal-proċess stabbilit f’dan l-Artikolu. Sal-1 ta’ Diċembru 2025, l-ENNOH għandu jippubblika u jissottometti lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija l-abbozz ta’ metodoloġija konsistenti għal kull settur tiegħu wara li jinġabar l-input mill-partijiet ikkonċernati rilevanti matul il-proċess ta’ konsultazzjoni skont l-Artikolu 61(3), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2024/1789.

Artikolu 11 2.
Qabel ma jissottomettu l-abbozzi ta’ metodoloġiji rispettivi tagħhom lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija f’konformità mal-paragrafu 1, l-ENTSO tal-Elettriku u l-ENNOH għandhom jippubblikaw abbozzi preliminari tal-metodoloġiji u jwettqu proċess ta’ konsultazzjoni estensiv u jfittxu rakkomandazzjonijiet mill-Istati Membri u, mill-inqas, mill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inkluża l-entità Ewropea għall-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni stabbilita skont l-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) 2019/943 (l-“entità tal-UE għad-DSO”), l-assoċjazzjonijiet involuti fis-swieq tal-elettriku, tal-gass naturali u tal-idroġenu, il-partijiet ikkonċernati fl-oqsma tat-tisħin u t-tkessiħ, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju u l-qbid u l-użu tal-karbonju, l-aggregaturi indipendenti, l-operaturi tar-rispons tad-domanda, l-organizzazzjonijiet involuti fis-soluzzjonijiet tal-effiċjenza fl-enerġija, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi tal-enerġija, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u, fejn jitqies xieraq, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u awtoritajiet nazzjonali oħra.

Fi żmien tliet xhur mill-pubblikazzjoni tal-abbozzi preliminari tal-metodoloġiji skont l-ewwel subparagrafu, kwalunkwe parti kkonċernata msemmija f’dak is-subparagrafu tista’ tissottometti rakkomandazzjoni.

Il-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima stabbilit skont l-Artikolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ) jista’, fuq inizjattiva tiegħu stess, jippreżenta opinjoni dwar l-abbozzi tal-metodoloġiji.

Fejn applikabbli, l-Istati Membri, u l-partijiet ikkonċernati msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jissottomettu u jagħmlu pubblikament disponibbli r-rakkomandazzjonijiet tagħhom, u l-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima għandu jissottometti u jagħmel pubblikament disponibbli l-opinjoni tiegħu lill-Aġenzija u, kif applikabbli, lill-ENTSO tal-Elettriku jew lill-ENNOH.

Il-proċess ta’ konsultazzjoni għandu jkun miftuħ, f’waqtu u trasparenti. L-ENTSO tal-Elettriku u l-ENNOH għandhom iħejju u jagħmlu pubblikament disponibbli rapport dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni.

L-ENTSO tal-Elettriku u l-ENNOH għandhom jipprovdu raġunijiet, meta ma jkunux qiesu, jew ikunu qiesu biss parzjalment, ir-rakkomandazzjonijiet mill-Istati Membri jew mill-partijiet ikkonċernati, kif ukoll mill-awtoritajiet nazzjonali, jew l-opinjoni tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima.

Artikolu 11 3.
Fi żmien tliet xhur mill-jum li fih tirċievi l-abbozzi ta’ metodoloġiji flimkien mal-input riċevut fil-proċess ta’ konsultazzjoni u r-rapport dwar il-konsultazzjoni, l-Aġenzija għandha tipprovdi opinjoni lill-ENTSO tal-Elettriku u lill-ENNOH. L-Aġenzija għandha tinnotifika l-opinjoni tagħha lill-ENTSO tal-Elettriku, lill-ENNOH, lill-Istati Membri, u lill-Kummissjoni u tippubblikaha fuq is-sit web tagħha.
Artikolu 11 4.
Fi żmien tliet xhur mill-jum li fih jirċievu l-abbozzi tal-metodoloġiji, l-Istati Membri jistgħu jagħtu l-opinjonijiet tagħhom lill-ENTSO tal-Elettriku u lill-ENNOH u lill-Kummissjoni. Biex tiffaċilita l-konsultazzjoni, il-Kummissjoni tista’ torganizza laqgħat speċifiċi tal-Gruppi biex jiddiskutu l-abbozzi tal-metodoloġiji.
Artikolu 11 5.
Fi żmien tliet xhur minn meta jirċievu l-opinjonijiet tal-Aġenzija u l-Istati Membri, kif imsemmi fil-paragrafi 3 u 4, l-ENTSO tal-Elettriku u l-ENNOH għandhom jemendaw il-metodoloġiji rispettivi tagħhom biex iqisu bis-sħiħ l-opinjonijiet tal-Aġenzija u tal-Istati Membri u jissottomettuhom flimkien mal-opinjoni tal-Aġenzija lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni għandha toħroġ id-deċiżjoni tagħha fi żmien tliet xhur mis-sottomissjoni tal-metodoloġiji mill-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass u l-ENNOH, rispettivament.
Artikolu 11 6.
Fi żmien ġimagħtejn mill-approvazzjoni tal-Kummissjoni f’konformità mal-paragrafu 5, l-ENTSO tal-Elettriku u l-ENNOH għandhom jippubblikaw il-metodoloġiji rispettivi tagħhom fuq is-siti web tagħhom. Huma għandhom jippubblikaw id-data tal-input korrispondenti u data rilevanti oħra dwar in-network, il-fluss tat-tagħbija u s-suq f’forma preċiża biżżejjed soġġett għal restrizzjonijiet skont il-liġi nazzjonali u l-ftehimiet ta’ kunfidenzjalità rilevanti. Il-Kummissjoni u l-Aġenzija għandhom jiżguraw it-trattament kunfidenzjali tad-data li tasal għandhom u għand kwalunkwe parti li twettaq xogħol analitiku abbażi ta’ dik id-data f’isimhom.
Artikolu 11 7.
Il-metodoloġiji għandhom jiġu aġġornati u mtejba b’mod regolari skont il-proċedura deskritta fil-paragrafi 1 sa 6. B’mod partikolari, dawn għandhom jiġu emendati wara s-sottomissjoni tal-mudell tan-network u tas-suq tal-enerġija msemmija fil-paragrafu 10. L-Aġenzija, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba debitament motivata mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew mill-partijiet ikkonċernati, u wara li tikkonsulta formalment lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha msemmija fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, u lill-Kummissjoni, tista’ titlob tali aġġornamenti u titjib, filwaqt li tipprovdi raġunijiet u skeda ta’ żmien. L-Aġenzija għandha tippubblika t-talbiet mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew mill-partijiet ikkonċernati u d-dokumenti rilevanti kollha mhux kummerċjalment sensittivi li jwasslu għal talba mill-Aġenzija għal aġġornament jew għal titjib.
Artikolu 11 8.
Għall-proġetti li jaqgħu fil-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fil-punt (1)(c) u (e) u fil-punti (2), (4) u (5) tal-Anness II, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-iżvilupp ta’ metodoloġiji għal analiżi armonizzata tal-kostbenefiċċji tas-sistema tal-enerġija kollha fil-livell tal-Unjoni. Dawk il-metodoloġiji għandhom ikunu kompatibbli f’termini ta’ benefiċċji u kostijiet mal-metodoloġiji żviluppati mill-ENTSO tal-Elettriku u mill-ENNOH. L-Aġenzija għandha, bl-appoġġ tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, tippromwovi l-konsistenza ta’ dawk il-metodoloġiji mal-metodoloġiji mfassla mill-ENTSO tal-Elettriku u l-ENNOH. Il-metodoloġiji għandhom jiġu żviluppati b’mod trasparenti, inkluża konsultazzjoni estensiva tal-Istati Membri u tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.
Artikolu 11 9.
Kull tliet snin, l-Aġenzija għandha tistabbilixxi u tippubblika sett ta’ indikaturi u ta’ valuri ta’ referenza korrispondenti għat-tqabbil tal-kostijiet tal-unità ta’ investiment għal proġetti komparabbli tal-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija inklużi fl-Anness II. Il-promoturi tal-proġett għandhom jipprovdu d-data rikjesta lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u lill-Aġenzija.

L-Aġenzija għandha tippubblika l-ewwel indikaturi għall-kategoriji tal-infrastruttura stabbiliti fil-punti (1), (2) u (3) tal-Annes II, sal-24 ta’ April 2023, sal-punt li d-data tkun disponibbli biex jiġu kkalkulati indikaturi u valuri ta’ referenza robusti. Dawk il-valuri ta’ referenza jistgħu jintużaw mill-ENTSO tal-Elettriku u mill-ENNOH għall-analiżijiet tal-kostbenefiċċji mwettqa għal pjanijiet sussegwenti tal-iżvilupp tan-network ta’ għaxar snin għall-Unjoni kollha.

L-Aġenzija għandha tippubblika l-ewwel indikaturi għall-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fil-punti (4) u (5) tal-Anness II, sal-24 ta’ April 2025.

Artikolu 11 10.
Sal-31 ta’ Ottubru 2025, wara proċess ta’ konsultazzjoni estensiv tal-partijiet ikkonċernati msemmi fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, l-ENTSO tal-Elettriku, l-ENTSO tal-Gass u l-ENNOH għandhom jissottomettu b’mod konġunt lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija mudell konsistenti u integrat progressivament li jipprovdi konsistenza bejn il-metodoloġiji tas-settur uniku abbażi ta’ suppożizzjonijiet komuni li jinkludu l-infrastruttura tat-trażmissjoni tal-elettriku, tal-gass naturali u tal-idroġenu kif ukoll il-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass naturali, il-gass naturali likwifikat u l-elettrolizzaturi, li jkopri l-kurituri u ż-żoni prijoritarji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fl-Anness I imfassal f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Anness V.
Artikolu 11 11.
Il-mudell imsemmi fil-paragrafu 10 għandu jkopri mill-inqas l-interkonnessjonijiet tas-setturi rispettivi fl-istadji kollha tal-ippjanar tal-infrastruttura, speċifikament ix-xenarji, it-teknoloġiji u r-riżoluzzjoni spazjali, l-identifikazzjoni tan-nuqqasijiet fl-infrastruttura, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċitajiet transfruntiera, u l-valutazzjoni tal-proġetti.
Artikolu 11 12.
Wara l-approvazzjoni tal-mudell imsemmi fil-paragrafu 10 mill-Kummissjoni f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-paragrafi 1 sa 5, dan għandu jiġi inkluż fil-metodoloġiji msemmija fil-paragrafu 1, li għandhom jiġu emendati b’mod korrispondenti.
Artikolu 11 13.
Mill-inqas kull ħames snin, li jibdew mill-approvazzjoni tagħhom skont il-paragrafu 10, u aktar spiss fejn meħtieġ, il-mudell u l-metodoloġiji konsistenti tal-kostbenefiċċji tas-settur uniku għandhom jiġu aġġornati f’konformità mal-proċedura msemmija fil-paragrafu 7.
Artikolu 11 14.
Sal-1 ta’ Jannar 2027, dan l-Artikolu japplika soġġett għad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali stabbiliti fl-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) 2024/1789.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 29.04.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32022R0869
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.