+ANNESS II KATEGORIJI TAL-INFRASTRUTTURA TAL-ENERĠIJA

ANNESS II KATEGORIJI TAL-INFRASTRUTTURA TAL-ENERĠIJA




ANNESS II

KATEGORIJI TAL-INFRASTRUTTURA TAL-ENERĠIJA

Il-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija li għandhom jiġu żviluppati sabiex jiġu implimentati l-prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija stipulati fl-Anness I għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(1) 

fir-rigward tal-elettriku:

(a) 

il-fili għat-trażmissjoni ta’ vultaġġ għoli u għoli ħafna ’l fuq mill-art li jaqsmu fruntiera jew fi ħdan territorju ta’ Stat Membru inkluż iż-żona ekonomika esklużiva, jekk ikunu ġew iddisinjati għal vultaġġ ta’ 220 kV jew iżjed, u kejbils għat-trażmissjoni taħt l-art u taħt il-baħar, jekk ikunu ġew iddisinjati għal vultaġġ ta’ 150 kV jew iżjed. Għall-Istati Membri u s-sistemi żgħar iżolati b’sistema ta’ trażmissjoni globali b’vultaġġ aktar baxx, dawn il-limiti ta’ vultaġġ huma ugwali għall-ogħla livell ta’ vultaġġ fis-sistemi tal-elettriku rispettivi tagħhom;

(b) 

kwalunkwe tagħmir jew installazzjoni li taqa’ taħt il-kategorija tal-infrastruttura tal-enerġija msemmija fil-punt (a) li tippermetti t-trażmissjoni tal-elettriku rinnovabbli lil hinn mill-kosta mis-siti ta’ ġenerazzjoni lil hinn mill-kosta (infrastruttura tal-enerġija għall-elettriku rinnovabbli lil hinn mill-kosta);

(c) 

il-faċilitajiet għall-ħżin tal-enerġija, f’forma individwali jew aggregata, użati għall-ħżin tal-enerġija fuq bażi permanenti jew temporanja f’infrastruttura jew siti ġeoloġiċi taħt l-art jew fuq l-art, sakemm dawn ikunu konnessi direttament ma’ linji għat-trażmissjoni u linji għad-distribuzzjoni b’vultaġġ għoli mfassla għal vultaġġ ta’ 110 kV jew iżjed. Għall-Istati Membri u s-sistemi żgħar iżolati b’sistema ta’ trażmissjoni globali b’vultaġġ aktar baxx, dawk il-limiti ta’ vultaġġ huma ugwali għall-ogħla livell ta’ vultaġġ fis-sistemi tal-elettriku rispettivi tagħhom;

(d) 

kwalunkwe tagħmir jew installazzjoni essenzjali biex is-sistemi msemmija fil-punti (a), (b) u (c) joperaw b’sikurezza, sigurtà u effiċjenza, inklużi s-sistemi ta’ protezzjoni, monitoraġġ u kontroll fil-livelli kollha tal-vultaġġ u fis-substazzjonijiet kollha;

(e) 

grilji intelliġenti tal-elettriku: kwalunkwe tagħmir jew installazzjoni, sistemi diġitali u komponenti li jintegraw it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), permezz ta’ pjattaformi diġitali operazzjonali, is-sistemi ta’ kontroll u t-teknoloġiji tas-sensuri kemm fil-livell tat-trażmissjoni kif ukoll f’dak tad-distribuzzjoni ta’ vultaġġ medju u għoli, li jimmiraw li jiżguraw network tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku aktar effiċjenti u intelliġenti, kapaċità akbar li jiġu integrati forom ġodda ta’ ġenerazzjoni, ħżin u konsum tal-enerġija u faċilitazzjoni ta’ mudelli kummerċjali u strutturi tas-suq ġodda, inkluż investimenti fil-gżejjer u s-sistemi tal-gżejjer biex jitnaqqas l-iżolament fil-qasam tal-enerġija, jiġu appoġġati soluzzjonijiet innovattivi u oħrajn li jinvolvu tal-inqas żewġ Stati Membri b’impatt pożittiv sinifikanti fuq il-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha sal-2050, u li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għas-sostenibbiltà tas-sistema tal-enerġija tal-gżejjer u dik tal-Unjoni;

(f) 

kwalunkwe tagħmir jew installazzjoni li jaqgħu taħt kategorija tal-infrastruttura tal-enerġija msemmija fil-punt (a) li jkollhom funzjonalità doppja: interkonnessjoni u sistema ta’ konnessjoni ta’ grilja lil hinn mill-kosta mis-siti ta’ ġenerazzjoni rinnovabbli lil hinn mill-kosta lejn żewġ Stati Membri jew aktar u lejn pajjiżi terzi li jipparteċipaw fi proġetti fil-lista tal-Unjoni, inkluż l-estensjoni fuq l-art ta’ dan it-tagħmir sal-ewwel substazzjon fis-sistema ta’ trażmissjoni fuq l-art, kif ukoll kwalunkwe tagħmir jew installazzjoni lil hinn mill-kosta li huma essenzjali għal operazzjoni sikura, sigura u effiċjenti, inklużi sistemi ta’ protezzjoni, monitoraġġ u kontroll, u s-substazzjonijiet meħtieġa jekk jiżguraw ukoll l-interoperabbiltà tat-teknoloġija, fost l-oħrajn il-kompatibbiltà tal-interfaċċja bejn diversi teknoloġiji (grilji lil hinn mill-kosta għall-enerġija rinnovabbli);

(2) 

dwar grilji intelliġenti tal-gass: kwalunkwe wieħed mit-tagħmir jew installazzjonijiet li ġejjin li jkollhom l-għan li jippermettu u jiffaċilitaw l-integrazzjoni ta’ diversità ta’ gassijiet b’livell baxx ta’ karbonju u partikolarment rinnovabbli, inkluż il-bijometan jew l-idroġenu, fin-network tal-gass: is-sistemi diġitali u l-komponenti li jintegraw l-ICT, is-sistemi ta’ kontroll u t-teknoloġiji tas-sensuri biex jippermettu l-monitoraġġ, il-kejl, il-kontroll tal-kwalità u l-ġestjoni interattivi u intelliġenti tal-produzzjoni, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni, il-ħżin u l-konsum tal-gass fi ħdan network tal-gass. Barra minn hekk, proġetti bħal dawn jistgħu jinkludu wkoll tagħmir li jippermetti l-flussi fid-direzzjoni opposta mil-livell tad-distribuzzjoni għal-livell tat-trażmissjoni, inkluż l-aġġornamenti fiżiċi relatati jekk indispensabbli għall-funzjonament tat-tagħmir u l-installazzjonijiet għall-integrazzjoni ta’ gassijiet b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u partikolarment dawk rinnovabbli;

(3) 

dwar l-idroġenu:

(a) 

pipelines għat-trasport, prinċipalment bi pressjoni għolja, tal-idroġenu, inkluża l-infrastruttura tal-gass naturali adattata għal skop ġdid, li jagħtu aċċess lil utenti multipli tan-network fuq bażi trasparenti u mhux diskriminatorja;

(b) 

faċilitajiet ta’ ħżin li huma konnessi mal-pajpijiet tal-idroġenu bi pressa għolja msemmijin fil-punt (a);

(c) 

faċilitajiet ta’ riċeviment, ħżin u tibdil mill-ġdid f’gass jew dekompressjoni għal idroġenu likwifikat jew idroġenu integrat f’sustanzi kimiċi oħra bil-għan li l-idroġenu, fejn applikabbli, jiġi injettat fil-grilja;

(d) 

kwalunkwe tagħmir jew installazzjoni essenzjali biex is-sistema tal-idroġenu topera b’sikurezza, sigurtà u effiċjenza jew biex jippermettu kapaċità bidirezzjonali, inklużi l-istazzjonijiet ta’ kompressjoni;

(e) 

kwalunkwe tagħmir jew installazzjoni li tippermetti l-użu tal-idroġenu jew tal-fjuwils derivati mill-idroġenu fis-settur tat-trasport fi ħdan in-network ewlieni TEN-T identifikati f’konformità mal-Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 11 ).

Kwalunkwe mill-assi elenkati fil-punti (a) sa (d) jistgħu jkunu mibnija ġodda jew adattati għal skopijiet ġodda minn gass naturali għal idroġenu, jew kombinament tat-tnejn;

(4) 

fir-rigward tal-faċilitajiet tal-elettrolizzaturi:

(a) 

elettrolizzaturi li:

(i) 

għandhom kapaċità ta’ mill-inqas 50 MW, ipprovduta minn elettrolizzatur wieħed jew minn sett ta’ elettrolizzaturi li jiffurmaw proġett wieħed, ikkoordinat;

(ii) 

il-produzzjoni tikkonforma mar-rekwiżit ta’ ffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ 70 % fir-rigward ta’ komparatur ta’ fjuwils fossili ta’ 94 g CO2eq/MJ kif stipulat fl-Artikolu 25(2) u l-Anness V għad-Direttiva (UE) 2018/2001. L-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja jiġi kkalkulat bl-użu tal-metodoloġija msemmija fl-Artikolu 28(5) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jew, inkella, bl-użu tal-ISO 14067 jew l-ISO 14064-1. L-emissjonijiet tal-gassijiet serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja jridu jinkludu emissjonijiet indiretti. L-iffrankar kwantifikat tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja jiġi vverifikat skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva (UE) 2018/2001, fejn applikabbli, jew minn parti terza indipendenti, u

(iii) 

ikollhom funzjoni relatata man-network, b’mod partikolari bil-ħsieb ta’ flessibbiltà ġenerali tas-sistema u effiċjenza ġenerali tas-sistema tan-networks tal-elettriku u tal-idroġenu;

(b) 

tagħmir relatat, inkluż konnessjoni tal-pipelines man-network;

(5) 

fir-rigward tad-diossidu tal-karbonju:

(a) 

pipelines dedikati, minbarra network ta’ pipelines upstream, użati għat-trasport tad-diossidu tal-karbonju minn iżjed minn sors wieħed, bil-għan tal-ħżin ġeoloġiku permanenti tad-diossidu tal-karbonju skont id-Direttiva 2009/31/KE;

(b) 

faċilitajiet fissi għal-likwefazzjoni, ħżin bafer u konvertituri tad-diossidu tal-karbonju fid-dawl tat-trasport ulterjuri tiegħu permezz ta’ pipelines u f’modi ta’ trasport dedikati bħal vapur, ċattra, trakk, u ferrovija;

(c) 

mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe projbizzjoni tal-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju fi Stat Membru, il-faċilitajiet tas-superfiċje u tal-injezzjoni assoċjati mal-infrastruttura f’formazzjoni ġeoloġika li tintuża, f’konformità mad-Direttiva 2009/31/KE, għall-ħżin ġeoloġiku permanenti tad-diossidu tal-karbonju, fejn dawn ma jinvolvux l-użu tad-diossidu tal-karbonju għall-irkupru mtejjeb tal-idrokarburi u huma meħtieġa biex jippermettu t-trasport u l-ħżin transfruntier tad-diossidu tal-karbonju;

(d) 

kwalunkwe tagħmir jew installazzjoni essenzjali biex is-sistema inkwistjoni topera b’mod xieraq, b’sigurtà u b’effiċjenza, inklużi s-sistemi ta’ protezzjoni, monitoraġġ u kontroll.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 29.04.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32022R0869
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.