+ANNESS VI LINJI GWIDA DWAR IT-TRASPARENZA U L-PARTEĊIPAZZJONI TAL-PUBBLIKU

ANNESS VI LINJI GWIDA DWAR IT-TRASPARENZA U L-PARTEĊIPAZZJONI TAL-PUBBLIKU




ANNESS VI

LINJI GWIDA DWAR IT-TRASPARENZA U L-PARTEĊIPAZZJONI TAL-PUBBLIKU

(1) Il-manwal tal-proċeduri msemmi fl-Artikolu 9(1) għandu mill-inqas jinkludi:

(a) 

l-ispeċifikazzjoni tal-liġijiet rilevanti li fuqhom ikunu bbażati d-deċiżjonijiet u l-opinjonijiet għad-diversi tipi ta’ proġetti ta’ interess komuni rilevanti, inkluża l-liġi ambjentali;

(b) 

il-lista ta’ deċiżjonijiet u opinjonijiet rilevanti li għandhom jinkisbu;

(c) 

l-ismijiet u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità kompetenti, l-awtoritajiet l-oħra kkonċernati u l-partijiet ikkonċernati ewlenin interessati;

(d) 

il-fluss tax-xogħol, b’deskrizzjoni ta’ kull stadju fil-proċess, inklużi skeda taż-żmien indikattiva u ħarsa ġenerali fil-qosor lejn il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għad-diversi tipi ta’ proġetti rilevanti ta’ interess komuni;

(e) 

informazzjoni dwar il-kamp ta’ applikazzjoni, l-istruttura u l-livell ta’ dettall tad-dokumenti li għandhom jiġu sottomessi flimkien mal-applikazzjoni għal deċiżjonijiet, inkluża lista ta’ verifika;

(f) 

l-istadji u l-mezzi biex il-pubbliku ġenerali jipparteċipa fil-proċess;

(g) 

il-mod li bih l-awtorità kompetenti, l-awtoritajiet l-oħra kkonċernati u l-promotur ta’ proġett għandhom juru li l-opinjonijiet espressi fil-konsultazzjoni pubblika ġew ikkunsidrati, pereżempju billi juru x’bidliet saru fil-post u d-disinn tal-proġett jew billi jipprovdu raġunijiet għaliex dawn l-opinjonijiet ma ġewx ikkunsidrati;

(h) 

kemm jista’ jkun possibbli, it-traduzzjonijiet tal-kontenut tiegħu fil-lingwi kollha tal-Istati Membri ġirien għandhom jitwettqu f’koordinazzjoni mal-Istati Membri ġirien rilevanti.

(2) L-iskeda dettaljata msemmija fil-punt (b), tal-Artikolu 10(6) għandha tispeċifika tal-inqas dan li ġej:

(a) 

id-deċiżjonijiet u l-opinjonijiet li għandhom jinkisbu;

(b) 

l-awtoritajiet, il-partijiet interessati, u l-pubbliku li x’aktarx ikunu kkonċernati;

(c) 

l-istadji individwali tal-proċedura u t-tul tagħhom;

(d) 

it-tragwardi ewlenin li għandhom jintlaħqu u l-iskadenzi tagħhom fid-dawl tad-deċiżjoni komprensiva li għandha tittieħed;

(e) 

ir-riżorsi ppjanati mill-awtoritajiet u l-ħtiġijiet possibbli għal riżorsi addizzjonali.

(3) Mingħajr ebda preġudizzju għar-rekwiżiti tal-konsultazzjonijiet pubbliċi skont il-liġi ambjentali, biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess għall-għoti ta’ permessi u biex jiġu żgurati minn qabel it-tagħrif u d-djalogu mal-pubbliku, għandhom jiġu applikati l-prinċipji li ġejjin:

(a) 

il-partijiet ikkonċernati milquta minn proġett ta’ interess komuni, inklużi l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali rilevanti, is-sidien ta’ artijiet u ċ-ċittadini li jgħixu fl-inħawi tal-proġett, il-pubbliku ġenerali u l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi tagħhom, għandhom jiġu informati u kkonsultati b’mod estensiv fi stadju bikri, b’mod inklużiv, meta jkun għadu jista’ jitqies it-tħassib potenzjali tal-pubbliku u b’mod miftuħ u trasparenti. Fejn rilevanti, l-awtorità kompetenti għandha tappoġġa b’mod attiv l-attivitajiet imwettqa mill-promotur tal-proġett;

(b) 

l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ konsultazzjoni pubblika għall-proġetti ta’ interess komuni jinġabru flimkien fejn ikun possibbli, inklużi konsultazzjonijiet pubbliċi li diġà huma meħtieġa skont il-liġi nazzjonali. Kull konsultazzjoni pubblika għandha tkopri s-suġġetti kollha rilevanti għall-istadju partikolari tal-proċedura, u suġġett partikolari wieħed rilevanti għal dak l-istadju partikolari tal-proċedura m’għandux jiġi indirizzat f’iżjed minn konsultazzjoni pubblika waħda; madankollu, tista’ ssir konsultazzjoni pubblika waħda f’aktar minn post ġeografiku wieħed. Is-suġġetti indirizzati minn konsultazzjoni pubblika għandhom ikunu indikati b’mod ċar fin-notifika tal-konsultazzjoni pubblika;

(c) 

il-kummenti u l-oġġezzjonijiet għandhom ikunu ammissibbli biss mill-bidu tal-konsultazzjoni pubblika sad-data tal-iskadenza;

(d) 

il-promoturi tal-proġett għandhom jiżguraw li l-konsultazzjonijiet isiru matul perjodu li jippermetti parteċipazzjoni pubblika miftuħa u inklużiva.

(4) Il-kunċett ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku għandu mill-inqas jinkludi informazzjoni dwar:

(a) 

il-partijiet interessati kkonċernati u indirizzati;

(b) 

il-miżuri previsti, inklużi l-indikazzjonijiet ġenerali għall-postijiet u d-dati proposti għal-laqgħat iddedikati;

(c) 

l-iskeda taż-żmien;

(d) 

ir-riżorsi umani allokati għal diversi kompiti.

(5) Fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika li għandha titwettaq qabel is-sottomissjoni tal-fajl ta’ applikazzjoni, il-partijiet rilevanti għandhom mill-inqas:

(a) 

jippubblikaw, f’forma elettronika u, fejn rilevanti, stampata, fuljett ta’ informazzjoni ta’ mhux iżjed minn 15-il paġna, li jagħti ħarsa ġenerali, b’mod ċar u konċiż, lejn id-deskrizzjoni, l-iskop u l-iskeda taż-żmien preliminari tal-passi tal-iżvilupp tal-proġett, il-pjan ta’ żvilupp tal-grilja nazzjonali, ir-rotot alternattivi kkunsidrati, it-tipi u l-karatteristiċi tal-impatt potenzjali, inklużi dawk ta’ natura transfruntiera jew transkonfinali, u l-miżuri ta’ mitigazzjoni possibbli, b’tali fuljett ta’ informazzjoni li jiġi ppubblikat qabel ma tibda l-konsultazzjoni u li jiġu elenkati l-indirizzi tal-Internet tal-proġett ta’ interess komuni msemmi fl-Artikolu 9(7), tal-pjattaforma għat-trasparenza msemmija fl-Artikolu 23 u l-manwal tal-proċeduri msemmi fil-punt (1) ta’ dan l-Anness;

(b) 

jippubblikaw l-informazzjoni dwar il-konsultazzjoni fuq is-sit web tal-proġett ta’ interess komuni msemmi fl-Artikolu 9(7), fuq it-tabelli tal-avviżi tal-uffiċċji tal-amministrazzjonijiet lokali, u, tal-inqas, f’sors jew, jekk applikabbli, f’żewġ sorsi tal-midja lokali;

(c) 

jistiednu, bil-miktub jew elettronikament, lill-partijiet ikkonċernati milquta, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjoni u l-gruppi rilevanti għal laqgħat iddedikati, li fihom għandu jiġi diskuss it-tħassib.

(6) Is-sit web tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 9(7) għandu jippubblika tal-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a) 

id-data meta s-sit web tal-proġett ġie aġġornat l-aħħar;

(b) 

it-traduzzjonijiet tal-kontenut tiegħu fil-lingwi kollha tal-Istati Membri li jikkonċerna l-proġett jew li fuqhom il-proġett għandu impatt transfruntier sinifikanti f’konformità mal-punt (1) tal-Anness IV;

(c) 

il-fuljett ta’ tagħrif imsemmi fil-punt (5) aġġornat bl-aħħar data dwar il-proġett;

(d) 

sommarju mhux tekniku li jiġi aġġornat regolarment, li jirrifletti l-istatus attwali tal-proġett, inkluża l-informazzjoni ġeografika, u jindika b’mod ċar, fil-każ ta’ aġġornamenti, il-bidliet fil-verżjonijiet preċedenti;

(e) 

il-pjan ta’ implimentazzjoni kif stipulat fl-Artikolu 5(1) aġġornat bl-aħħar data dwar il-proġett;

(f) 

il-fondi allokati u żborżati mill-Unjoni għall-proġett;

(g) 

l-ippjanar tal-proġett u tal-konsultazzjoni pubblika, b’indikazzjoni ċara tad-dati u l-postijiet tal-konsultazzjonijiet u s-smigħ pubbliċi u t-temi previsti rilevanti għal dak is-smigħ;

(h) 

id-dettalji ta’ kuntatt bil-għan li jinkisbu informazzjoni jew dokumenti addizzjonali;

(i) 

id-dettalji ta’ kuntatt fejn jistgħu jiġu trażmessi kummenti u oġġezzjonijiet waqt il-konsultazzjonijiet pubbliċi.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 29.04.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32022R0869
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.