|
+Artikolu 2 Definizzjonijiet |
Artikolu 2 DefinizzjonijietArtikolu 2 Definizzjonijiet Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)
“komoditajiet rilevanti” tfisser bhejjem tal-ifrat, kawkaw, kafè, żejt tal-palma, lastiku, sojja u nnjam;
(2)
“prodotti rilevanti” tfisser prodotti elenkati fl-Anness I li fihom, li ġew mitmugħa jew li saru bl-użu ta’ komoditajiet rilevanti;
(3)
“deforestazzjoni” tfisser il-konverżjoni ta’ foresta għal użu agrikolu, kemm jekk ikkawżata mill-bniedem kif ukoll jekk le;
(4)
“foresta”" tfisser medda ta’ art ta’ aktar minn 0,5 ettari b’siġar għoljin aktar minn 5 metri u kopertura ta’ qċaċet ta’ aktar minn 10 %, jew siġar li kapaċi jilħqu dawn il-limiti in situ, u ma tinkludix art li predominantement għandha użu agrikolu jew urban;
(5)
“użu agrikolu” tfisser l-użu ta’ art għall-fini tal-agrikoltura, inkluż għal pjantaġġuni agrikoli, u żoni agrikoli mwarrba, u għat-trabbija tal-bhejjem;
(6)
“pjantaġġun agrikolu” tfisser art b’popolament ta’ siġar f’sistemi ta’ produzzjoni agrikola, bħal pjantaġġuni tas-siġar tal-frott, pjantaġġuni tal-palm taż-żejt, imsaġar taż-żebbuġ u sistemi agroforestali fejn l-għelejjel jitkabbru taħt il-kopertura tas-siġar; dan jinkludi l-pjantaġġuni kollha ta’ komoditajiet rilevanti għajr l-injam; il-pjantaġġuni agrikoli huma esklużi mid-definizzjoni ta’ “foresta”;
(7)
“degradazzjoni tal-foresti” tfisser bidliet strutturali fil-kopertura tal-foresti, li jieħdu l-forma tal-konverżjoni ta’:
(a)
foresti primarji jew foresti li jirriġeneraw b’mod naturali f’foresti ta’ tħawwil jew f’art imsaġġra oħra jew
(b)
foresti primarji f’foresti mħawwla;
(8)
“foresta primarja” tfisser foresta ta’ speċi ta’ siġar indiġeni, irriġenerata b’mod naturali, fejn ma jkunx hemm indikazzjonijiet viżibbli b’mod ċar ta’ attivitajiet tal-bniedem u l-proċessi ekoloġiċi ma jkunux imfixkla b’mod sinifikanti;
(9)
foresta li tirriġenera b’mod naturali” tfisser foresta magħmula predominantement minn siġar stabbiliti permezz ta’ riġenerazzjoni naturali; tinkludi kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:
(a)
foresti li għalihom mhuwiex possibbli li ssir distinzjoni bejn jekk tħawlux jew ġewx irriġenerati b’mod naturali;
(b)
foresti b’taħlita ta’ speċijiet ta’ siġar indiġeni rriġenerati b’mod naturali u siġar imħawla jew miżrugħa, u fejn is-siġar irriġenerati b’mod naturali huma mistennija li jikkostitwixxu l-parti l-kbira tal-istokk li qed jikber meta tintlaħaq il-maturità tal-popolament;
(c)
msaġar minn siġar oriġinarjament stabbiliti permezz ta’ riġenerazzjoni naturali;
(d)
siġar irriġenerati b’mod naturali ta’ speċijiet introdotti;
(10)
“foresta mħawla” tfisser foresta li fil-biċċa l-kbira tagħha hija magħmula minn siġar stabbiliti permezz tat-tħawwil u/jew taż-żrigħ, sakemm is-siġar imħawla jew miżrugħa jkunu mistennija jikkostitwixxu aktar minn 50 % tal-injam wieqaf fil-maturità; dan jinkludi l-imsajġar minn siġar li oriġinarjament ikunu ġew imħawla jew miżrugħin;
(11)
“foresta ta’ tħawwil” tfisser foresta mħawla li hija ġestita b’mod intensiv u li tissodisfa, fil-maturità tat-tħawwil u tal-popolament, il-kriterji kollha li ġejjin: speċi waħda jew tnejn, klassi ta’ età ugwali, u spazjar regolari; dan jinkludi pjantaġġuni ta’ rotazzjoni qasira għall-injam, għall-fibra u għall-enerġija, u jeskludi l-foresti mħawla għall-protezzjoni jew għar-restawr tal-ekosistemi, kif ukoll il-foresti stabbiliti permezz tat-tħawwil jew tat-tiżrigħ, li fil-maturità tal-popolament jixbhu jew ikunu ser jixbhu foresti li jirriġenaw b’mod naturali;
(12)
“art imsaġġra oħra” tfisser art mhux ikklassifikata bħala “foresta” ta’ aktar minn 0,5 ettari, b’siġar għoljin aktar minn 5 metri u kopertura ta’ qċaċet minn 5 % sa 10 %, jew siġar li kapaċi jilħqu dawk il-limiti in situ, jew b’kopertura kombinata ta’ arbuxxelli, buxxijiet u siġar ’il fuq minn 10 %, u ma tinkludix art li predominantement għandha użu agrikolu jew urban;
(13)
“mingħajr deforestazzjoni” tfisser:
(a)
li l-prodotti rilevanti fihom, ġew mitmugħa jew saru bl-użu ta’ komoditajiet rilevanti li ġew prodotti fuq art li ma kinitx soġġetta għal deforestazzjoni wara l-31 ta’ Diċembru 2020, u
(b)
fil-każ ta’ prodotti rilevanti li fihom jew li saru bl-użu tal-injam, li l-injam ikun inħasad mill-foresta mingħajr ma tiġi indotta degradazzjoni tal-foresti wara l-31 ta’ Diċembru 2020;
(14)
“prodott” tfisser imkabbra, maħsuda, miksuba jew imrobbija fuq biċċiet ta’ art rilevanti jew, fir-rigward tal-bhejjem tal-irfat, fi;
(15)
“operatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, matul attività kummerċjali, tintroduċi fis-suq jew tesporta prodotti rilevanti, esklużi l-operaturi downstream;
(15a)
“operatur primarju mikro jew żgħir” tfisser operatur li huwa persuna fiżika jew intrapriża mikro jew intrapriża żgħira, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 3(2), l-ewwel subparagrafu, rispettivament, tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ), irrispettivament mill-forma legali tiegħu, stabbilit f’pajjiż ikklassifikat bħala ta’ riskju baxx f’konformità mal-Artikolu 29 ta’ dan ir-Regolament, u li, matul attività kummerċjali, jintroduċi fis-suq jew jesporta prodotti rilevanti li dan l-operatur innifsu jkun kabbar, ħasad, kiseb minn biċċiet ta’ art rilevanti jew rabba fuqhom, jew, fir-rigward tal-bhejjem tal-ifrat, fi stabbilimenti li jinsabu f’dak il-pajjiż; dan jinkludi operaturi li jaqbżu l-limiti ta’ mill-anqas tnejn mit-tliet kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u (2), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva 2013/34/UE iżda li jistgħu juru li l-partijiet tat-total tal-karta bilanċjali tagħhom, il-fatturat nett u l-għadd medju ta’ impjegati matul is-sena finanzjarja, relatati mal-komoditajiet rilevanti u mal-prodotti rilevanti, ma jaqbżux il-limiti ta’ mill-anqas tnejn minn tlieta minn dawk il-kriterji;
(15b)
“operatur downstream” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, matul attività kummerċjali, tintroduċi fis-suq jew tesporta prodotti rilevanti magħmula bl-użu ta’ prodotti rilevanti, li kollha jkunu koperti minn dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta jew minn dikjarazzjoni simplifikata;
(16)
“introduzzjoni fis-suq” tfisser it-tqegħid għall-ewwel darba ta’ komodità jew ta’ prodott rilevanti fis-suq tal-Unjoni;
(17)
“negozjant” tfisser kwalunkwe persuna fil-katina tal-provvista għajr l-operatur jew l-operatur downstream li, matul attività kummerċjali, tqiegħed fis-suq prodotti rilevanti;
(18)
“tqegħid fis-suq” tfisser kwalunkwe provvista ta’ prodott rilevanti għad-distribuzzjoni, il-konsum jew l-użu fis-suq tal-Unjoni matul attività kummerċjali, kemm jekk issir bi ħlas kif ukoll mingħajru;
(19)
“matul attività kummerċjali” tfisser għall-fini tal-ipproċessar, għad-distribuzzjoni lil konsumaturi kummerċjali jew mhux kummerċjali, jew għall-użu fin-negozju tal-operatur, tal-operatur downstream jew tan-negozjant innifsu;
(20)
“persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika jew kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li ma tkunx persuna, ġuridika iżda li tkun rikonoxxuta skont id-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali bħala persuna li jkollha l-kapaċità li twettaq atti legali;
(21)
“persuna stabbilita fl-Unjoni” tfisser:
(a)
fil-każ ta’ persuna fiżika, kwalunkwe persuna li għandha r-residenza tagħha fl-Unjoni;
(b)
fil-każ ta’ persuna ġuridika jew assoċjazzjoni ta’ persuni, kwalunkwe persuna li jkollha uffiċċju reġistrat, kwartieri ċentrali jew stabbiliment permanenti ta’ negozju tagħha fl-Unjoni;
(22)
“rappreżentant awtorizzat” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni, li, f’konformità mal-Artikolu 6, tkun irċeviet mandat bil-miktub mingħand operatur sabiex taġixxi f’ismu b’rabta mal-kompiti speċifikati fir-rigward tal-obbligi tal-operatur skont dan ir-Regolament;
(23)
“pajjiż ta’ oriġini” tfisser pajjiż jew territorju kif msemmija fl-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013;
(24)
“pajjiż tal-produzzjoni” tfisser il-pajjiż jew it-territorju fejn tkun ġiet prodotta l-komodità rilevanti jew il-komodità rilevanti użata fil-produzzjoni ta’ prodott rilevanti, jew li tkun tinsab fih;
(25)
“prodotti mhux konformi tfisser prodotti rilevanti li ma jikkonformawx mal-Artikolu 3;
(26)
“riskju negliġibbli” tfisser il-livell ta’ riskju li japplika għal komoditajiet rilevanti u prodotti rilevanti, meta, abbażi ta’ valutazzjoni sħiħa tal-informazzjoni speċifika għall-prodott u tal-informazzjoni ġenerali, u, fejn meħtieġ, tal-applikazzjoni tal-miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa, dawk il-komoditajiet jew il-prodotti ma juru l-ebda raġuni għal tħassib li ma jkunux f’konformità mal-Artikolu 3, il punt (a) jew(b);
(27)
“biċċa art” hija estensjoni tal-art fi ħdan proprjetà immobbli waħda, kif rikonoxxuta mil-liġijiet tal-pajjiż tal-produzzjoni, u li tgawdi minn kundizzjonijiet omoġenji biżżejjed sabiex tippermetti li jiġi evalwat fil-livell aggregat ir-riskju ta’ deforestazzjoni u ta’ degradazzjoni tal-foresti assoċjati ma’ komoditajiet prodotti fuq dik l-art;
(28)
“ġeolokalizzazzjoni” tfisser il-pożizzjoni ġeografika ta’ biċċa art deskritta permezz ta’ koordinati ta’ latitudni u ta’ lonġitudni li jikkorrispondu għal mill-inqas punt wieħed ta’ latitudni u punt wieħed ta’ lonġitudni u li jużaw mill-inqas sitt ċifri deċimali; għal biċċiet ta’ art ta’ aktar minn erba’ ettari, użati għall-produzzjoni tal-komoditajiet rilevanti għajr il-bhejjem tal-ifrat, din għandha tiġi pprovduta bl-użu ta’ poligoni, b’ punti ta’ latitudni u lonġitudni suffiċjenti biex jiddeskrivu l-perimetru ta’ kull biċċa art;
(29)
“stabbiliment” tfisser kwalunkwe post, struttura, jew, fil-każ ta’ biedja fil-beraħ, kwalunkwe ambjent jew post, fejn jinżammu l-bhejjem., fuq bażi temporanja jew permanenti;
(30)
“intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju” jew “SMEs” tfisser intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, irrispettivament mill-forma legali tagħhom, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1), l-Artikolu 3(2), l-ewwel subparagrafu, u l-Artikolu 3(3), rispettivament, tad-Direttiva 2013/34/UE;
(31)
“tħassib sostanzjat” tfisser talba debitament motivata bbażata fuq informazzjoni oġġettiva u verifikabbli rigward in-nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament u li tista’ tirrikjedi l-intervent tal-awtoritajiet kompetenti;
(32)
“awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtoritajiet deżinjati skont l-Artikolu 14(1);
(33)
“awtoritajiet doganali” tfisser l-awtoritajiet doganali kif definiti fl-Artikolu 5, punt (1), tar-Regolament (UE) Nru 952/2013;
(34)
“territorju doganali” huwa t-territorju kif definit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013;
(35)
“pajjiż terz” tfisser pajjiż jew territorju barra mit-territorju doganali tal-Unjoni;
(36)
“rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera” tfisser il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 201 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013;
(37)
“esportazzjoni” tfisser il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 269 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013;
(38)
“prodotti rilevanti li jidħlu fis-suq” tfisser prodotti rilevanti minn pajjiżi terzi mqiegħda taħt il-proċedura doganali “rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera” li huma maħsuba biex jiġu introdotti fis-suq tal-Unjoni u li mhumiex maħsuba għal użu jew għal konsum privat fi ħdan it-territorju doganali tal-Unjoni;
(39)
“prodotti rilevanti li joħorġu mis-suq” tfisser prodotti rilevanti mqiegħda taħt il-proċedura doganali “esportazzjoni”;
(40)
“leġiżlazzjoni rilevanti tal-pajjiż tal-produzzjoni” tfisser il-liġijiet applikabbli fil-pajjiż tal-produzzjoni li jikkonċernaw l-istatus legali taż-żona tal-produzzjoni f’termini ta’:
(a)
id-drittijiet għall-użu tal-art,
(b)
il-ħarsien tal-ambjent,
(c)
ir-regoli relatati mal-foresti, inkluż il-ġestjoni tal-foresti u l-konservazzjoni tal-bijodiversità, fejn direttament relatati mal-ħsad tal-injam,
(d)
id-drittijiet ta’ partijiet terzi,
(e)
id-drittijiet tax-xogħol,
(f)
id-drittijiet tal-bniedem protetti skont id-dritt internazzjonali,
(g)
il-prinċipju ta’ kunsens liberu, minn qabel u infurmat (FPIC), inkluż kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni,
(h)
ir-regolamenti dwar it-taxxa, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-kummerċ u d-dwana. 1. Ħarsa ġenerali
1.1 Referenzi1.2 Rekwiżiti identifikati1.3 Standards relatati2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
|