3. Meta l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kkonċernata twettaq attivitajiet transfruntiera sinifikanti, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni ta' domiċilju għandhom jipprovdu l-abbozz tal-pjan ta' riżoluzzjoni lill-awtoritajiet superviżorji jew ta' riżoluzzjoni ospitanti. L-awtoritajiet superviżorji jew ta' riżoluzzjoni ospitanti jistgħu jeżaminaw l-abbozz tal-pjan ta' riżoluzzjoni sabiex jidentifikaw kwalunkwe azzjoni fil-abbozz tal-pjan ta' riżoluzzjoni li jista' jkollha impatt negattiv fuq id-detenturi ta' poloz, fuq l-ekonomija reali jew fuq l-istabbiltà finanzjarja fl-Istat Membru tagħhom u jagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-awtorità ta' riżoluzzjoni ta' domiċilju fir-rigward ta' dawk il-kwistjonijiet. L-awtorità ta' riżoluzzjoni ta' domiċilju għandha tipprovdi tweġiba motivata dwar id-deċiżjoni tagħha li ssegwi r-rakkomandazzjonijiet jew li ma ssegwihomx. Meta l-awtorità ta' riżoluzzjoni ta' domiċilju tonqos milli tqis korrettament ir-rakkomandazzjonijiet tal-awtorità ta' riżoluzzjoni ospitanti, l-awtorità ta' riżoluzzjoni ospitanti tista' tirreferi l-kwistjoni lill-EIOPA f'konformità mal-Artikolu 31(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.