|
Il-fatturi ta’ riskju li jidhru fi prospett għandhom ikunu limitati għal riskji li huma speċifiċi għall-emittent u għat-titoli u li jkunu materjali sabiex tittieħed deċiżjoni informata dwar l-investiment, kif ikkorroborat mill-kontenut tal-prospett. Prospett ma għandux ikun fih fatturi ta’ riskju li huma ġeneriċi, li jservu biss bħala dikjarazzjonijiet ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà, jew li ma jagħtux stampa ċara biżżejjed tal-fatturi ta’ riskju speċifiċi li l-investituri għandhom ikunu konxji tagħhom. Meta jitfassal il-prospett, l-emittenti, l-offerenti jew il-persuni li jitolbu l-ammissjoni għan-negozjar f’suq regolat għandhom jivvalutaw il-materjalità tal-fatturi ta’ riskju abbażi tal-probabbiltà tal-okkorrenza tagħhom u tal-kobor mistenni tal-impatt negattiv tagħhom. L-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob l-ammissjoni għan-negozjar f’suq regolat għandha tiddeskrivi b’mod adegwat kull fattur ta’ riskju, u tispjega kif dak il-fattur ta’ riskju jaffettwa lill-emittent, jew jaffettwa t-titoli li qegħdin jiġu offruti jew li għandhom jiġu ammessi għan-negozjar. L-emittenti, l-offerenti jew il-persuni li jitolbu ammissjoni għan-negozjar f’suq regolat jistgħu jiżvelaw ukoll il-valutazzjoni tal-materjalità tal-fatturi ta’ riskju msemmija fit-tielet subparagrafu billi jużaw skala kwalitattiva ta’ livell baxx, medju jew għoli, skont l-għażla tagħhom. Il-fatturi ta’ riskju għandhom jiġu ppreżentati f’għadd limitat ta’ kategoriji skont in-natura tagħhom. F’kull kategorija, il-fatturi ta’ riskju l-aktar materjali għandhom jiġu elenkati b’mod li jkun konsistenti mal-valutazzjoni prevista fit-tielet subparagrafu.
|