+Artikolu 20 Skrutinju u approvazzjoni tal-prospett
---+Artikolu 20 1.
---+Artikolu 20 2.
---+Artikolu 20 3.
---+Artikolu 20 4.
---+Artikolu 20 5.
---+Artikolu 20 6.
---+Artikolu 20 6a.
---+Artikolu 20 7.
---+Artikolu 20 8.
---+Artikolu 20 9.
---+Artikolu 20 10.
---+Artikolu 20 11.
---+Artikolu 20 12.

Artikolu 20 Skrutinju u approvazzjoni tal-prospett

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 20 1.
Prospett ma għandux jiġi ppubblikat sakemm l-awtorità kompetenti rilevanti ma tkunx approvatu, jew il-partijiet kostitwenti kollha tiegħu f’konformità mal-Artikolu 10.
Artikolu 20 2.

L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-emittent, lill-offerent jew lill-persuna li titlob l-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat, bid-deċiżjoni tagħha dwar l-approvazzjoni tal-prospett fi żmien 10 ijiem ta' xogħol mis-sottomissjoni tal-abbozz tal-prospett.

▼M5

Meta l-awtorità kompetenti tonqos milli tieħu deċiżjoni dwar il-prospett fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u fil-paragrafi 3, 6 u 6a, dik l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-emittent, lill-offerent jew lill-persuna li titlob l-ammissjoni għan-negozjar f’suq regolat, u lill-ESMA, bir-raġunijiet għaliex naqset milli tieħu deċiżjoni. Tali nuqqas ma għandux jitqies li jikkostitwixxi approvazzjoni tal-applikazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ miżuri xierqa biex jindirizzaw kwalunkwe nuqqas mill-awtoritajiet kompetenti li jikkonformaw mal-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u fil-paragrafi 3, 6 u 6a.

L-ESMA għandha tippubblika fuq bażi annwali rapport aggregat dwar il-konformità tal-awtoritajiet kompetenti mal-limiti ta’ żmien imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u fil-paragrafi 3, 6 u 6a.

▼B

L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-ESMA bl-approvazzjoni tal-prospett u kwalunkwe suppliment għalih kemm jista’ jkun malajr u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn tmiem l-ewwel jum ta’ xogħol wara li dik l-approvazzjoni tiġi nnotifikata lill-emittent, lill-offerent jew lill-persuna li titlob l-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat.

Artikolu 20 3.

Il-limitu ta’ żmien stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 għandu jiġi estiż għal 20 jum ta' xogħol fejn l-offerta lill-pubbliku tinvolvi titoli maħruġa minn emittent ma jkollu ebda titoli ammessi għall-kummerċ f'suq regolat u li preċedentement qatt ma' offra titoli lill-pubbliku.

Il-limitu ta’ żmien ta’ 20 jum ta’ xogħol għandu japplika biss għas-sottomissjoni inizjali tal-abbozz tal-prospett. Fejn is-sottomissjonijiet sussegwenti jkunu meħtieġa f'konformità mal-paragrafu 4, għandu japplika l-limitu ta’ żmien stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2.

Artikolu 20 4.

Fejn l-awtorità kompetenti ssib li l-abbozz tal-prospett ma jilħaqx il-livelli ta’ kompletezza, intelliġibbiltà u konsistenza meħtieġa għall-approvazzjoni tiegħu u/jew li jenħtieġu bidliet jew informazzjoni supplimentari:

(a) 

hija għandha tinforma lill-emittent, lill-offerent jew lill-persuna li titlob l-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat dwar dak il-fatt malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard mil-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 jew, kif applikabbli, il-paragrafu 3, kif ikkalkulati mis-sottomissjoni tal-abbozz ta’ prospett u/jew l-informazzjoni supplimentari; u

(b) 

hija għandha tispeċifika b’mod ċar il-bidliet jew l-informazzjoni supplimentari meħtieġa.

F’każijiet bħal dawn, il-limitu ta' żmien stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 għandhom konsegwentement japplikaw biss mid-data meta abbozz tal-prospett rivedut jew l-informazzjoni supplimentari mitluba jiġu sottomessi lill-awtorità kompetenti.

Artikolu 20 5.
Meta l-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob l-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat ma jkunux jistgħu jew ma jkunux iridu jagħmlu l-bidliet meħtieġa jew jipprovdu l-informazzjoni supplimentari mitluba f’konformità mal-paragrafu 4, l-awtorità kompetenti għandha tkun intitolata li tirrifjuta l-approvazzjoni tal-prospett u ttemm il-proċess ta’ reviżjoni. F’dan il-każ, l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob l-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat dwar id-deċiżjoni tagħha u tindika r-raġunijiet għal tali rifjut.
Artikolu 20 6.

B’deroga mill-paragrafi 2 u 4, il-limiti ta' żmien stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 u l-paragrafu 4 għandu jitnaqqas għal ħamest ijiem ta' xogħol għal prospett li jikkonsisti f'dokumenti separati mfassla mill-emittenti frekwenti msemmija fl-Artikolu 9(11), inkluż emittenti frekwenti li jużaw il-proċedura ta' notifika previst fl-Artikolu 26. L-emittent frekwenti għandu jinforma lill-awtorità kompetenti mill-inqas ħamest ijiem ta’ xogħol qabel id-data prevista għas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-approvazzjoni.

Emittent frekwenti għandu jissottometti lill-awtorità kompetenti applikazzjoni li jkun fiha l-emendi meħtieġa għad-dokument tar-reġistrazzjoni universali, fejn applikabbli, in-nota tat-titoli u s-sommarju sottomess għall-approvazzjoni.

Artikolu 20 6a.
B’deroga mill-paragrafi 2 u 4 ta’ dan l-Artikolu, il-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, u fil-paragrafu 4 għandhom jitnaqqsu għal sebat ijiem ta’ xogħol għal Prospett ta’ Segwitu tal-UE li jkun soġġett għat-tul massimu msemmi fl-Artikolu 14a(5) u (6). L-emittent għandu jinforma lill-awtorità kompetenti tal-anqas ħamest ijiem ta’ xogħol qabel id-data prevista għas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni.

Il-limitu ta’ żmien imnaqqas stabbilit fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandux japplika għal Prospett ta’ Segwitu tal-UE mfassal mill-emittenti kif imsemmi fl-Artikolu 14a(1), il-punt (c).

Artikolu 20 7.
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu gwida fuq is-siti web tagħhom dwar il-proċess ta’ skrutinju u approvazzjoni sabiex tiġi ffaċilitata l-approvazzjoni effiċjenti u f’waqtha tal-prospetti. Tali gwida għandha tinkludi dettalji ta' kuntatt għall-finijiet tal-approvazzjonijiet. L-emittent, l-offerent, il-persuna li titlob l-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat jew il-persuna responsabbli għat-tfassil tal-prospett għandu jkollhom il-possibbiltà li jikkomunikaw u jinteraġġixxu direttament mal-persunal tal-awtorità kompetenti matul il-proċess tal-approvazzjoni tal-prospett.
Artikolu 20 8.
Fuq talba tal-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob l-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tista’ tittrasferixxi l-approvazzjoni tal-prospett lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, soġġett għan-notifika minn qabel lill-ESMA u bi qbil ma' dik l-awtorità kompetenti. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha tittrasferixxi d-dokumentazzjoni ddepożitata, flimkien mad-deċiżjoni tagħha li tagħmel it-trasferiment, f’format elettroniku, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor fid-data tad-deċiżjoni tagħha. Tali trasferiment għandu jiġi nnotifikat lill-emittent, lill-offerent jew lill-persuna li titlob l-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol mid-data tad-deċiżjoni meħuda mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju. Il-limiti ta' żmien stabbilitfl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 u l-paragrafu 3 għandu japplika mid-data li fiha ttieħdet id-deċiżjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju. L-Artikolu 28(4) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 m’għandux japplika għat-trasferiment tal-approvazzjoni tal-prospett f'konformità ma' dan il-paragrafu. Meta jkun lest it-trasferiment tal-approvazzjoni, l-awtorità kompetenti li lilha tkun ġiet trasferita l-approvazzjoni tal-prospett għandha titqies li hija l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għal dak il-prospett għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 20 9.

Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa r-responsabbiltà tal-awtorità kompetenti, li għandha tkompli tkun regolata biss mil-liġi nazzjonali.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom dwar ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet kompetenti japplikaw biss għall-approvazzjonijiet tal-prospetti mill-awtorità kompetenti tagħhom.

Artikolu 20 10.
Il-livell tat-tariffi imposti mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għall-approvazzjoni tal-prospetti, ta’ dokumenti intenzjonati li jsiru parti kostitwenti tal-prospetti f’konformità mal-Artikolu 10 jew tas-supplimenti tal-prospetti kif ukoll għad-depożitu ta’ dokumenti tar-reġistrazzjoni universali, l-emendi għal dawn u l-kondizzjonijiet finali, għandhom ikunu raġonevoli u proporzjonati u għandhom ikunu żvelati lill-pubbliku mill-inqas fuq is-sit web tal-awtorità kompetenti.
Artikolu 20 11.

Il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-ESMA, għandha jkollha s-setgħa tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 44 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika l-kriterji għall-iskrutinju tal-prospetti, b’mod partikolari l-kompletezza, l-intelliġibbiltà u l-konsistenza tal-informazzjoni li tinsab fih, u l-proċeduri għall-approvazzjoni tal-prospett, u dawn kollha li ġejjin:

(a) 

iċ-ċirkostanzi li fihom awtorità kompetenti titħalla tuża kriterji addizzjonali għall-iskrutinju tal-prospett, fejn jitqies meħtieġ għall-protezzjoni tal-investituri;

(b) 

iċ-ċirkostanzi li fihom awtorità kompetenti titħalla, meta jitqies li huwa neċessarju għall-protezzjoni tal-investitur, titlob informazzjoni minbarra dak li huwa meħtieġ skont l-Artikoli 6, 13, 14a, u 15a għat-tfassil ta’ prospett, Prospett ta’ Segwitu tal-UE jew Prospett tal-Ħruġ tal-UE dwar it-Tkabbir, inkluż it-tip ta’ kwalunkwe informazzjoni addizzjonali żvelata skont il-kriterji addizzjonali msemmija fil-punt (a) ta’ dan is-subparagrafu;

(c) 

il-perjodu ta’ żmien globali massimu li fih għandu jiġi ffinalizzat l-iskrutinju tal-prospett u tintlaħaq deċiżjoni mill-awtorità kompetenti dwar jekk dak il-prospett huwiex approvat jew l-approvazzjoni hijiex irrifjutata u l-proċess ta’ approvazzjoni huwa tterminat, u l-kundizzjonijiet għal derogi possibbli għal dak il-perjodu ta’ żmien.

Il-perjodu ta’ żmien massimu msemmi fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jqis il-punt (a) ta’ dak is-subparagrafu, l-għadd medju ta’ iterazzjonijiet bejn l-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob l-ammissjoni għan-negozjar f’suq regolat u l-awtorità kompetenti fl-istess applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ abbozz ta’ prospett, u l-perjodi ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafi 2, 3, 4, 6 u 6a.

Fejn l-awtorità kompetenti tonqos milli tieħu deċiżjoni dwar il-prospett fil-perjodu ta’ żmien massimu msemmi fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, tali nuqqas ma għandux jitqies li jikkostitwixxi approvazzjoni tal-prospett.

Artikolu 20 12.
L-ESMA għandha tuża s-setgħat tagħha skont ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 biex tippromwovi l-konverġenza superviżorja fir-rigward tal-proċessi ta’ skrutinju u ta’ approvazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti meta jevalwaw il-kompletezza, il-konsistenza u l-intelliġibbiltà tal-informazzjoni li tinsab fi prospett. Għal dak il-għan, l-ESMA għandha tiżviluppa linji gwida indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti dwar is-superviżjoni u l-infurzar fir-rigward ta’ prospetti, li jkopru l-eżami tal-konformità ma’ dan ir-Regolament u ma’ kwalunkwe att delegat jew ta’ implimentazzjoni adottati skont dan. B’mod partikolari, l-ESMA għandha trawwem il-konverġenza fir-rigward tal-effiċjenza, il-metodi u ż-żmien tal-iskrutinju mill-awtoritajiet kompetenti tal-informazzjoni mogħtija fil-prospett, billi tuża b’mod partikolari r-reviżjonijiet bejn il-pari skont il-paragrafu 13.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 05.06.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32017R1129
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.