|
+ANNESS VII INFORMAZZJONI LI GĦANDHA TIĠI INKLUŻA FIL-PROSPETT TAL-ĦRUĠ TAL-UE DWAR IT-TKABBIR GĦAL ISHMA U GĦAL TITOLI TRASFERIBBLI OĦRA EKWIVALENTI GĦAL ISHMA FIL-KUMPANIJI |
ANNESS VII INFORMAZZJONI LI GĦANDHA TIĠI INKLUŻA FIL-PROSPETT TAL-ĦRUĠ TAL-UE DWAR IT-TKABBIR GĦAL ISHMA U GĦAL TITOLI TRASFERIBBLI OĦRA EKWIVALENTI GĦAL ISHMA FIL-KUMPANIJI
ANNESS VII INFORMAZZJONI LI GĦANDHA TIĠI INKLUŻA FIL-PROSPETT TAL-ĦRUĠ TAL-UE DWAR IT-TKABBIR GĦAL ISHMA U GĦAL TITOLI TRASFERIBBLI OĦRA EKWIVALENTI GĦAL ISHMA FIL-KUMPANIJI I. Sommarju Il-Prospett tal-Ħruġ tal-UE dwar it-Tkabbir jrid jinkludi sommarju mfassal f’konformità mal-Artikolu 7(12a). II. Informazzjoni dwar l-emittent Tiġi identifikata l-kumpanija li toħroġ l-ishma, inkluż il-post tar-reġistrazzjoni tal-emittent, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-identifikatur tal-entità ġuridika (“LEI”) tiegħu, l-isem legali u kummerċjali tiegħu, il-leġiżlazzjoni li skont din jopera l-emittent, il-pajjiż tal-inkorporazzjoni tiegħu, l-indirizz, in-numru tat-telefown tal-uffiċċju reġistrat tiegħu (jew il-post prinċipali ta’ negozju jekk ikun differenti mill-uffiċċju reġistrat tiegħu) u s-sit web, jekk ikun hemm, b’dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà li l-informazzjoni fuq is-sit web ma tifformax parti mill- Prospett tal-Ħruġ tal-UE dwar it-Tkabbir sakemm dik l-informazzjoni ma tkunx inkorporata b’referenza fil-Prospett tal-Ħruġ tal-UE dwar it-Tkabbir. III. Dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà u dikjarazzjoni dwar l-awtorità kompetenti A. Dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà Jiġu identifikati l-persuni responsabbli għat-tfassil tal-Prospett tal-Ħruġ tal-UE dwar it-Tkabbir u tiġi inkluża dikjarazzjoni minn dawk il-persuni li, sa fejn jafu huma, l-informazzjoni li tinsab fil-Prospett tal-Ħruġ tal-UE dwar it-Tkabbir hija f’konformità mal-fatti u li l-Prospett tal-Ħruġ tal-UE dwar it-Tkabbir ma jagħmel l-ebda ommissjoni li x’aktarx taffettwa t-tifsira tiegħu. Meta applikabbli, id-dikjarazzjoni trid tinkludi informazzjoni li toriġina minn partijiet terzi, inkluż is-sors(i) ta’ dik l-informazzjoni, u dikjarazzjonijiet jew rapporti attribwiti lil persuna bħala espert u d-dettalji li ġejjin ta’ dik il-persuna:
(i)
l-isem;
(ii)
l-indirizz tan-negozju;
(iii)
il-kwalifiki; u
(iv)
l-interess materjali fl-emittent (jekk ikun hemm). B. Dikjarazzjoni dwar l-awtorità kompetenti Id-dikjarazzjoni trid tindika l-awtorità kompetenti li tkun approvat, f’konformità ma’ dan ir-Regolament, il-Prospett tal-Ħruġ tal-UE dwar it-Tkabbir, tispeċifika li tali approvazzjoni la hija approvazzjoni tal-emittent u lanqas tal-kwalità tal-ishma relatati mal-Prospett tal-Ħruġ tal-UE dwar it-Tkabbir, li l-awtorità kompetenti approvat biss il-Prospett tal-Ħruġ tal-UE dwar it-Tkabbir bħala li jissodisfa l-istandards ta’ kompletezza, ta’ komprensibbiltà u ta’ konsistenza imposti minn dan ir-Regolament, u tispeċifika li l-Prospett tal-Ħruġ tal-UE dwar it-Tkabbir tfassal f’konformità mal-Artikolu 15a. IV. Fatturi ta’ riskju Ir-riskji għandhom jiġu kkorroborati mill-kontenut tal- Prospett tal-Ħruġ tal-UE dwar it-Tkabbir. Deskrizzjoni tar-riskji materjali, f’għadd limitat ta’ kategoriji, li huma speċifiċi għall-emittent, u deskrizzjoni tar-riskji materjali, f’għadd limitat ta’ kategoriji, li huma speċifiċi għall-ishma li jiġu offruti lill-pubbliku fit-taqsima intitolata “Fatturi ta’ Riskju”. V. Strateġija ta’ tkabbir u ħarsa ġenerali lejn in-negozju A. Strateġija u objettivi tat-tkabbir Deskrizzjoni tal-istrateġija tan-negozju tal-emittent, inkluż il-potenzjal tat-tkabbir u l-aspettattivi għall-futur, u l-objettivi strateġiċi (kemm finanzjarji kif ukoll mhux finanzjarji, jekk ikun hemm). Din id-deskrizzjoni għandha tqis l-isfidi u l-prospetti futuri tal-emittent. B. Attivitajiet u swieq prinċipali Deskrizzjoni tal-attivitajiet prinċipali tal-emittent, li jinkludu: (a) il-kategoriji prinċipali ta’ prodotti mibjugħin u/jew ta’ servizzi mwettqin; (b) indikazzjoni ta’ kwalunkwe prodott, servizz jew attività ġdida sinifikanti li ġew introdotti wara l-pubblikazzjoni tal-aħħar dikjarazzjonijiet finanzjarji awditjati. Deskrizzjoni tas-swieq prinċipali li fihom jikkompeti l-emittent, inkluż it-tkabbir tas-suq, ix-xejriet u s-sitwazzjoni kompetittiva. C. Investimenti Sa fejn ma tkunx koperta xi mkien ieħor fil-Prospett tal-Ħruġ tal-UE dwar it-Tkabbir, deskrizzjoni (inkluż l-ammont) tal-investimenti materjali tal-emittent mit-tmiem tal-perjodu kopert mill-informazzjoni finanzjarja storika inkluża fil-Prospett tal-Ħruġ tal-UE dwar it-Tkabbir sad-data tal-Prospett tal-Ħruġ tal-UE dwar it-Tkabbir u, jekk rilevanti, deskrizzjoni ta’ kwalunkwe investimenti materjali tal-emittent li jkunu għaddejjin jew li jkunu diġà ttieħdu impenji sodi dwarhom. D. Previżjonijiet u stimi tal-profitt Meta emittent ikun ippubblika previżjoni tal-profitt jew stima tal-profitt li tibqa’ pendenti u valida, dik il-previżjoni jew l-istima għandha tiġi inkluża fil-Prospett tal-Ħruġ tal-UE dwar it-Tkabbir. Jekk previżjoni tal-profitt jew stima tal-profitt tkun ġiet ippubblikata u tibqa’ pendenti, iżda ma għadhiex valida, għandha tiġi pprovduta dikjarazzjoni għal dak l-iskop flimkien ma’ spjegazzjoni dwar għaliex tali tbassir jew stima ma għadhiex valida. VI. Struttura organizzazzjonali Jekk l-emittent huwa parti minn grupp u meta ma jkunx kopert xi mkien ieħor fil-Prospett tal-Ħruġ tal-UE dwar it-Tkabbir u sal-punt neċessarju għal fehim tan-negozju tal-emittent fis-sħuħija tiegħu, dijagramma tal-istruttura organizzazzjonali. VII. Governanza korporattiva Tiġi pprovduta l-informazzjoni li ġejja għall-membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u/jew superviżorji, kwalunkwe maniġer superjuri li jkun rilevanti sabiex jiġi stabbilit li l-emittent għandu l-għarfien espert u l-esperjenza xierqa għall-ġestjoni tan-negozju tal-emittent, u, fil-każ ta’ sħubija limitata b’kapital azzjonarju, sħab b’responsabbiltà illimitata:
(i)
l-ismijiet, l-indirizzi tan-negozju u l-funzjonijiet fl-emittent tal-persuni li ġejjin, id-dettalji dwar l-għarfien espert u l-esperjenza rilevanti tagħhom b’rabta mal-ġestjoni u indikazzjoni tal-attivitajiet prinċipali mwettqin minnhom, lil hinn mill-emittent meta dawk l-attivitajiet ikunu sinifikanti fir-rigward ta’ dak l-emittent;
(ii)
id-dettalji tan-natura ta’ kwalunkwe relazzjoni familjali bejn kwalunkwe waħda minn dawk il-persuni;
(iii)
id-dettalji, tal-anqas għall-aħħar ħames snin, ta’ kwalunkwe kundanna b’rabta ma’ reati frawdolenti u d-dettalji ta’ kwalunkwe inkriminazzjoni pubblika uffiċjali u/jew sanzjonijiet li jinvolvu lit-tali persuni minn awtoritajiet statutorji jew regolatorji (inkluż korpi professjonali deżinjati) u jekk qatt ġewx skwalifikati minn qorti milli jaġixxu bħala membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali jew superviżorji ta’ emittent jew milli jaġixxu fil-maniġment jew iwettqu xi kompitu ta’ kwalunkwe emittent. Jekk l-ebda informazzjoni bħal din ma teħtieġ li tiġi żvelata, għandha ssir dikjarazzjoni għal dak l-għan. VIII. Informazzjoni finanzjarja Id-dikjarazzjonijiet finanzjarji (annwali u kull sitt xhur) ippubblikati matul il-perjodu ta’ 12-il xahar qabel l-approvazzjoni tal-Prospett tal-Ħruġ tal-UE dwar it-Tkabbir. Meta jkunu ġew ippubblikati kemm id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali kif ukoll dawk ta’ kull sitt xhur, id-dikjarazzjonijiet annwali biss iridu jkunu meħtieġa jekk dawn ikunu saru wara d-dikjarazzjonijiet finanzjarji ta’ kull sitt xhur. Id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali jridu jiġu awditjati b’mod indipendenti. Ir-rapport tal-awditjar irid jitħejja f’konformità mad-Direttiva 2006/43/KE u mar-Regolament (UE) Nru 537/2014. Meta d-Direttiva 2006/43/KE u r-Regolament (UE) Nru 537/2014 ma japplikawx, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali jridu jiġu awditjati jew irrapportati fir-rigward ta’ jekk, għall-finijiet tal-Prospett tal-Ħruġ tal-UE dwar it-Tkabbir, jagħtux opinjoni vera u ġusta jew le f’konformità mal-istandards tal-awditjar applikabbli fi Stat Membru jew ma’ standard ekwivalenti. Jekk dan ma jkunx il-każ, l-informazzjoni li ġejja trid tiġi inkluża fil-Prospett tal-Ħruġ tal-UE dwar it-Tkabbir:
(i)
dikjarazzjoni prominenti li tiżvela liema standards tal-awditjar ġew applikati;
(ii)
spjegazzjoni ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ osservanza sinifikanti mill-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar. Meta rapporti tal-awditjar dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali jkunu ġew irrifjutati mill-awdituri statutorji jew fejn ikun fihom kwalifiki, modifiki ta’ opinjoni, dikjarazzjonijiet ta’ ċaħda jew osservazzjonijiet, trid tingħata r-raġuni, u dawn il-kwalifiki, il-modifiki, id-dikjarazzjonijiet ta’ ċaħda jew l-osservazzjonijiet iridu jiġu riprodotti fl-intier tagħhom. Deskrizzjoni ta’ kull bidla sinifikanti fil-pożizzjoni finanzjarja tal-grupp li seħħet mit-tmiem tal-aħħar perjodu finanzjarju li għalih ikunu ġew ippubblikati dikjarazzjonijiet finanzjarji awditjati jew inkella informazzjoni finanzjarja interim trid tiġi inkluża wkoll, jew trid tiġi pprovduta dikjarazzjoni negattiva xierqa. Meta applikabbli, trid tiġi inkluża wkoll informazzjoni pro forma. IX. Rapport ta’ ġestjoni li jinkludi, meta applikabbli, ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà (emittenti b’kapitalizzazzjoni tas-suq ta’ aktar minn EUR 200 000 000 biss) Ir-rapport ta’ ġestjoni kif imsemmi fil-Kapitoli 5 u 6 tad-Direttiva 2013/34/UE għall-perjodi koperti mill-informazzjoni finanzjarja storika li jinkludi, meta applikabbli, ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà, irid jiġi alternattivament inkorporat b’referenza jew inkella l-informazzjoni li jkun fih trid tiġi inkluża fil-Prospett tal-Ħruġ tal-UE dwar it-Tkabbir. Dan ir-rekwiżit japplika biss għall-emittenti b’kapitalizzazzjoni tas-suq ta’ aktar minn EUR 200 000 000 . X. Il-politika tad-dividendi Deskrizzjoni tal-politika tal-emittent dwar id-distribuzzjonijiet tad-dividendi u kwalunkwe restrizzjoni attwali fuqhom, kif ukoll dwar ir-riakkwist ta’ ishma. XI. Dettalji tal-offerta jew tal-ammissjoni għan-negozjar Jiġu stipulati l-prezz tal-offerta, l-għadd ta’ ishma offruti, l-ammont tal-ħruġ jew tal-offerta, il-kundizzjonijiet li għalihom hija soġġetta l-offerta, u l-proċedura għall-eżerċizzju ta’ kwalunkwe jedd ta’ prelazzjoni. Jekk l-ammont ma jkunx stabbilit, indikazzjoni tal-ammont massimu tal-ishma li għandhom jiġu offruti (jekk disponibbli) u deskrizzjoni tal-arranġamenti u l-perjodu ta’ żmien biex jinfurmaw lill-pubbliku l-ammont definittiv tal-offerta. Tiġi pprovduta informazzjoni dwar fejn l-investituri jistgħu jissottoskrivu għall-ishma jew jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ prelazzjoni, it-tul tal-perjodu tal-offerta, inkluż kwalunkwe emenda possibbli għalihom, u deskrizzjoni tal-proċess tal-applikazzjoni flimkien mad-data tal-ħruġ ta’ ishma ġodda. Sa fejn ikun jaf l-emittent, tiġi pprovduta informazzjoni dwar jekk l-azzjonisti ewlenin jew il-membri tal-korpi tal-maniġment, superviżorji jew amministrattivi tal-emittent għandhomx l-intenzjoni li jissottoskrivu għall-offerta, jew jekk xi persuna jkollhiex l-intenzjoni li tissottoskrivi għal aktar minn 5 % tal-offerta. Jiġi ppreżentat kwalunkwe impenn sod għas-sottoskrizzjoni għal aktar minn 5 % tal-offerta u l-karatteristiċi materjali kollha tal-ftehimiet ta’ sottoskrizzjoni u ta’ pjazzament, inkluż l-isem u l-indirizz tal-entitajiet li jaqblu li jissottoskrivu jew iqiegħdu l-ħruġ fuq il-bażi ta’ impenn sod jew skont arranġamenti tal-“aħjar sforzi” u l-kwoti. Meta applikabbli, jiġi indikat is-suq tat-tkabbir tal-SMEs jew l-MTF fejn it-titoli għandhom jiġu ammessi għan-negozjar u, jekk ikunu magħrufin, l-aktar dati bikrin li fihom it-titoli ser jiġu ammessi għan-negozjar. Meta applikabbli, id-dettalji ta’ kwalunkwe entità li għandha impenn sod li taġixxi bħala intermedjarja f’negozjar sekondarju, billi tipprovdi likwidità permezz ta’ rati ta’ offerta, u deskrizzjoni tat-termini ewlenin tal-impenn tagħha. XII. Informazzjoni essenzjali dwar l-ishma Tiġi pprovduta l-informazzjoni essenzjali li ġejja dwar l-ishma offruti lill-pubbliku:
(i)
deskrizzjoni tat-tip, il-klassi u l-ammont tal-ishma li qed jiġu offruti lill-pubbliku;
(ii)
in-numru internazzjonali għall-identifikazzjoni tat-titoli (ISIN);
(iii)
id-drittijiet marbutin mal-ishma, il-proċedura għall-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet u kwalunkwe limitu ta’ dawk id-drittijiet;
(iv)
fejn applikabbli, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2024/2810 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(v)
il-prezz li bih ser jiġu offruti t-titoli jew, jekk il-prezz mhux magħruf, indikazzjoni tal-prezz massimu jew deskrizzjoni tal-metodu li bih ser jiġi ddeterminat il-prezz, skont l-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament u l-proċess għall-iżvelar tiegħu;
(vi)
twissija li l-leġiżlazzjoni tat-taxxa tal-Istat Membru tal-investitur u tal-pajjiż tal-inkorporazzjoni tal-emittent jista’ jkollha impatt fuq l-introjtu riċevut mill-ishma; u
(vii)
meta applikabbli, informazzjoni dwar it-titoli sottostanti u, meta applikabbli, l-emittent tat-titoli sottostanti. XIII. Raġunijiet għall-offerta u l-użu tar-rikavati Tiġi pprovduta informazzjoni dwar ir-raġunijiet għall-offerta u, meta applikabbli, l-ammont nett stmat tar-rikavati diżaggregat f’kull użu intenzjonat prinċipali u ppreżentat skont l-ordni tal-prijorità ta’ dawn l-użi. Meta l-emittent ikun konxju li r-rikavati antiċipati ma humiex ser ikunu biżżejjed sabiex jiffinanzjaw l-użi proposti kollha, jeħtieġlu jiddikjara l-ammont u s-sorsi tal-fondi l-oħrajn meħtieġa. Iridu jingħataw ukoll dettalji fir-rigward tal-użu tar-rikavati, b’mod partikolari meta r-rikavati jintużaw għall-akkwist tal-assi, għajr fil-perkors normali tan-negozju, sabiex jiġu ffinanzjati akkwisti mħabbrin ta’ negozju ieħor, jew sabiex jiġi rrilaxxat, jitnaqqas jew jiġi rtirat id-dejn. Tiġi pprovduta spjegazzjoni ta’ kif ir-rikavati mill-offerta jallinjaw mal-istrateġija tan-negozju u mal-objettivi strateġiċi. XIV. Dikjarazzjoni tal-kapital operatorju Dikjarazzjoni mill-emittent, li fl-opinjoni tiegħu, il-kapital operatorju huwa suffiċjenti għar-rekwiżiti preżenti tal-emittent jew, jekk le, kif l-emittent jipproponi li jipprovdi l-kapital operatorju addizzjonali meħtieġ. XV. Kunflitti ta’ interess Tiġi pprovduta informazzjoni dwar kwalunkwe interess relatat mal-ħruġ, inkluż kunflitti ta’ interess, u b’dettalji tal-persuni involuti u n-natura tal-interess. XVI. Dilwizzjoni u parteċipazzjoni azzjonarja wara l-ħruġ Jiġi ppreżentat paragun bejn il-parteċipazzjoni fil-kapital azzjonarju u tad-drittijiet tal-vot għall-azzjonisti eżistenti qabel u wara ż-żieda fil-kapital li tirriżulta mill-offerta lill-pubbliku, bis-suppożizzjoni li l-azzjonisti eżistenti ma jissottoskrivux għall-ishma l-ġodda u, separatament, bis-suppożizzjoni li l-azzjonisti eżistenti jeżerċitaw l-intitolament tagħhom. XVII. Dokumenti disponibbli Indikazzjoni fuq is-sit web dwar liema dokumenti jistgħu jiġu spezzjonati. Dikjarazzjoni li tindika li, matul it-terminu tal-Prospett tal-Ħruġ tal-UE dwar it-Tkabbir, jistgħu jiġu spezzjonati d-dokumenti li ġejjin, meta jkun applikabbli:
(i)
il-memorandum u l-istatut ta’ assoċjazzjoni aġġornati tal-emittent;
(ii)
ir-rapporti, l-ittri, u d-dokumenti l-oħrajn kollha, il-valwazzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet imħejjin minn espert fuq talba tal-emittent, li kwalunkwe parti minnhom tkun inkluża jew imsemmija fil-Prospett tal-Ħruġ dwar it-Tkabbir tal-UE. 1. Ħarsa ġenerali
1.1 Referenzi1.2 Rekwiżiti identifikati1.3 Standards relatati2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
|