+Artikolu 57 Limiti ta’ pożizzjoni f’derivattivi ta’ komoditajiet u kontrolli tal-ġestjoni ta’ pożizzjoni f’derivattivi ta’ komoditajiet u derivattivi ta’ kwoti tal-emissjonijiet
---+Artikolu 57 1.
---+Artikolu 57 2.
---+Artikolu 57 3.
---+Artikolu 57 4.
---+Artikolu 57 5.
---+Artikolu 57 6.
---+Artikolu 57 7.
---+Artikolu 57 8.
---+Artikolu 57 9.
---+Artikolu 57 10.
---+Artikolu 57 11.
---+Artikolu 57 12.
---+Artikolu 57 13.
---+Artikolu 57 14.
|
Artikolu 57 Limiti ta’ pożizzjoni f’derivattivi ta’ komoditajiet u kontrolli tal-ġestjoni ta’ pożizzjoni f’derivattivi ta’ komoditajiet u derivattivi ta’ kwoti tal-emissjonijiet
1. Ħarsa ġenerali
| Titlu |
Regolamentazzjoni |
|
Artikolu 57 1.
|
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti, konformi mal-metodoloġija għall-kalkolu ddeterminata mill-ESMA fl-istandards tekniċi regolatorji adottati skont il-paragrafu 3, jistabbilixxu u japplikaw limiti fuq id-daqs ta’ pożizzjoni netta li persuna jista’ jkollha f’kull ħin f’derivattivi tal-komoditajiet agrikoli u f’derivattivi tal-komoditajiet kritiċi jew sinifikanti li jiġu nnegozjati f’ċentri tan-negozjar u f’kuntratti OTC ekonomikament ekwivalenti. Derivattivi ta’ komoditajiet għandhom jitqiesu bħala kritiċi jew sinifikanti fejn is-somma tal-pożizzjonijiet netti kollha tad-detenturi ta’ pożizzjoni finali tikkostitwixxi d-daqs tal-interess miftuħ tagħhom u tkun ta’ mill-inqas 300 000 lott bħala medja fuq perjodu ta’ sena. Il-limiti għandhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi tal-pożizzjonijiet kollha li jkollha persuna u dawk miżmuma f’isimha fil-livell ta’ grupp aggregat:
(a)
għall-prevenzjoni tal-abbuż tas-suq;
(b)
għas-sostenn ta’ kundizzjonijiet xierqa ta’ pprezzar u saldu, inkluż għall-prevenzjoni ta’ pożizzjonijiet li joħolqu distorsjoni tas-suq u biex tiġi żgurata, b’mod partikolari, konverġenza bejn il-prezzijiet tad-derivattivi fix-xahar ta’ twassil u prezzijiet spot għall-komodità sottostanti, mingħajr preġudizzju għall-identifikazzjoni tal-prezz fis-suq għall-komodità sottostanti.
Il-limiti ta’ pożizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw għal:
(a)
pożizzjonijiet miżmuma minn jew f’isem entità mhux finanzjarja u li jistgħu jitkejlu oġġettivament inkwantu jnaqqsu r-riskji direttament relatati mal-attività kummerċjali ta’ dik l-entità mhux finanzjarja;
(b)
pożizzjonijiet miżmuma minn, jew f’isem, entità finanzjarja li hija parti minn grupp predominantement kummerċjali u li taġixxi f’isem entità mhux finanzjarja tal-grupp predominantement kummerċjali, fejn dawk il-pożizzjonijiet jistgħu jitkejlu oġġettivament inkwantu jnaqqsu r-riskji direttament relatati mal-attività kummerċjali ta’ dik l-entità mhux finanzjarja;
(c)
pożizzjonijiet miżmuma minn kontropartijiet finanzjarji u mhux finanzjarji għal pożizzjonijiet li oġġettivament jistgħu jitkejlu bħala li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet li jkunu saru biex jissodisfaw obbligi li tiġi pprovduta l-likwidità f’ċentru tan-negozjar, kif ipprovdut fil-punt (c) tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 2(4);
(d)
kwalunkwe titolu ieħor kif imsemmi fil-punt (c) tal-punt (44) tal-Artikolu 4(1) b’rabta ma’ komodità jew titolu sottostanti msemmija fit-Taqsima C.10 tal-Anness I.
L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tiddetermina proċedura li permezz tagħha entità finanzjarja li tkun parti minn grupp predominantement kummerċjali tkun tista’ tapplika għal eżenzjoni għall-hedging għal pożizzjonijiet miżmuma minn dik l-entità finanzjarja li oġġettivament jistgħu jitkejlu inkwantu jnaqqsu r-riskji direttament relatati mal-attivitajiet kummerċjali tal-entitajiet mhux finanzjarji tal-grupp.
L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tiddetermina proċedura li tistabbilixxi kif il-persuni jistgħu japplikaw għal eżenzjoni għall-hedging għal pożizzjonijiet li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet li jkunu saru biex jissodisfaw obbligi li tiġi pprovduta l-likwidità f’ċentru tan-negozjar.
L-ESMA għandha tippreżenta l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji msemmi fit-tielet u r-raba’ subparagrafi lill-Kummissjoni sat-28 ta’ Novembru 2021.
Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fit-tielet u r-raba’ subparagrafi ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
|
|
Artikolu 57 2.
|
Il-limiti ta’ pożizzjoni għandhom jispeċifikaw limiti minimi kwantitattivi ċari għad-daqs massimu ta’ pożizzjoni f’derivattiv ta’ komoditajiet li jista’ jinżamm minn persuni.
|
|
Artikolu 57 3.
|
L-ESMA għandha tfassal lista ta’ derivattivi ta’ komoditajiet kritiċi jew sinifikanti msemmija fil-paragrafu 1 u tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji biex tiddetermina l-metodoloġija għall-kalkolu li l-awtoritajiet kompetenti għandhom japplikaw meta jistabbilixxu l-limiti ta’ pożizzjoni tax-xahar spot u limiti ta’ pożizzjoni tax-xhur l-oħra għal derivattivi saldati b’mod fiżiku u f’kontanti fuq il-bażi tal-karatteristiċi tad-derivattiv rilevanti kkonċernati.
Meta tistabbilixxi l-lista ta’ derivattivi tal-komoditajiet kritiċi jew sinifikanti, l-ESMA għandha tqis il-fatturi li ġejjin:
(a)
in-numru ta’ parteċipanti tas-suq;
(b)
il-komodità sottostanti għad-derivattiv ikkonċernat.
Meta tiddetermina l-metodoloġija għall-kalkolu msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-ESMA għandha tqis il-fatturi li ġejjin:
(a)
il-provvista konsenjabbli fil-komodità sottostanti;
(b)
l-interess miftuħ kumplessiv f’dak id-derivattiv u l-interess miftuħ kumplessiv fi strumenti finanzjarji oħra bl-istess komodità sottostanti;
(c)
l-għadd u d-daqs tal-parteċipanti tas-suq;
(d)
il-karatteristiċi tas-suq ta’ komoditajiet sottostanti, inklużi xejriet ta’ produzzjoni, konsum u trasportazzjoni lejn is-suq;
(e)
l-iżvilupp ta’ derivattivi ta’ komoditajiet ġodda;
(f)
l-esperjenza tad-ditti tal-investiment jew tal-operaturi tas-suq li joperaw ċentru tan-negozjar u ta’ ġurisdizzjonijiet oħrajn rigward il-limiti ta’ pożizzjoni.
L-ESMA għandha tippreżenta l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji msemmi fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni sat-28 ta’ Novembru 2021.
Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
|
|
Artikolu 57 4.
|
Awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi limiti ta’ pożizzjoni għal derivattivi ta’ komoditajiet kritiċi jew sinifikanti u derivattivi ta’ komoditajiet agrikoli li jkunu negozjati f’ċentri tan-negozjar, fuq il-bażi tal-metodoloġija għall-kalkolu stipulata fl-istandards tekniċi regolatorji adottati mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 3. Dawn il-limiti ta’ pożizzjoni għandhom jinkludu kuntratti OTC ekonomikament ekwivalenti. Awtorità kompetenti għandha tirrieżamina l-limiti ta’ pożizzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu kull meta jkun hemm bidla sinifikanti fis-suq, inkluż bidla sinifikanti fil-provvista konsenjabbli jew interess miftuħ, fuq il-bażi tad-determinazzjoni tagħha tal-provvista konsenjabbli u interess miftuħ, u għandha tiffissa dawk il-limiti ta’ pożizzjonijiet mill-ġdid skont il-metodoloġija għall-kalkolu stipulata fl-istandards tekniċi regolatorji adottati mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 3.
|
|
Artikolu 57 5.
|
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-AETS dwar il-limiti ta’ pożizzjoni eżatti li bi ħsiebhom jissettjaw skont il-metodoloġija għall-kalkolu stabbilita mill-AETS taħt il-paragrafu 3. Fi żmien xahrejn wara r-riċevuta tan-notifika, l-AETS għandha toħroġ opinjoni għall-awtorità kompetenti kkonċernata li fiha tivvaluta l-kompatibbiltà tal-limiti ta’ pożizzjoni bl-objettivi tal-paragrafu 1 u bil-metodoloġija għall-kalkolu stabbilit mill-AETS taħt il-paragrafu 3. L-AETS għandha tippubblika l-opinjoni fuq is-sit elettroniku tagħha. L-awtorità kompetenti kkonċernata għandha timmodifika l-limiti ta’ pożizzjoni skont l-opinjoni tal-AETS, jew tipprovdi l-AETS b’ġustifikazzjoni dwar għaliex il-bidla hija kkunsidrata li mhijiex meħtieġa. Fejn awtorità kompetenti timponi limiti kuntrarji għall-opinjoni tal-AETS, hija għandha immedjatament tippubblika fuq is-sit elettroniku tagħha avviż fejn tispjega b’mod sħiħ ir-raġunijiet tagħha biex tagħmel dan. Fejn l-AETS tiddetermina li limitu ta’ pożizzjoni mhuwiex konformi mal-metodoloġija għall-kalkolu fil-paragrafu 3, hija għandha tieħu azzjoni skont is-setgħat tagħha taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
|
|
Artikolu 57 6.
|
Meta d-derivattivi tal-komoditajiet agrikoli bbażati fuq l-istess bażi u jikkondividu l-istess karatteristiċi huma nnegozjati f’volumi sinifikanti fiċ-ċentri tan-negozjar f’aktar minn ġurisdizzjoni waħda, jew meta d-derivattivi tal-komoditajiet kritiċi jew sinifikanti fuq il-bażi tal-istess titolu sottostanti u bl-istess karatteristiċi jiġu nnegozjati f’ċentri tan-negozjar f’aktar minn ġurisdizzjoni waħda, l-awtorità kompetenti taċ-ċentru tan-negozjar fejn isir l-akbar volum ta’ negozjar (“l-awtorità kompetenti ċentrali”) għandha tistabbilixxi l-limitu ta’ pożizzjoni unika li jiġi applikat għan-negozjar kollu f’dawk id-derivattivi. L-awtorità kompetenti ċentrali għandha tikkonsulta l-awtoritajiet kompetenti taċ-ċentri tan-negozjar l-oħra li fihom dawk id-derivattivi ta’ komoditajiet agrikoli jiġu nnegozjati f’volumi sinifikanti jew li fihom jiġu nnegozjati dawk id-derivattivi ta’ komoditajiet kritiċi jew sinifikanti, fil-limitu ta’ pożizzjoni unika li jiġi applikat u kwalunkwe reviżjoni għal limiti ta’ dik il-pożizzjoni unika. L-awtoritajiet kompetenti li ma jaqblux mal-iffissar tal-limitu ta’ pożizzjoni unika mill-awtorità kompetenti ċentrali għandhom jiddikjaraw bil-miktub ir-raġunijiet sħaħ u dettaljati għaliex jikkunsidraw li r-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1 ma ġewx issodisfati. L-ESMA għandha ssolvi kwalunkwe tilwim li jirriżulta minn nuqqas ta’ ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti f’konformità mas-setgħat tagħhom skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. L-awtoritajiet kompetenti taċ-ċentri tan-negozjar fejn jiġu nnegozjati f’volumi sinifikanti derivattivi ta’ komoditajiet agrikoli li jkunu bbażati fuq l-istess titolu sottostanti u jkollhom l-istess karatteristiċi jew fejn jiġu nnegozjati derivattivi ta’ komoditajiet kritiċi jew sinifikanti li jkunu bbażati fuq l-istess titolu sottostanti u jkollhom l-istess karatteristiċi, u l-awtoritajiet kompetenti tad-detenturi ta’ pożizzjonijiet f’dawk id-derivattivi, għandhom jistabbilixxu arranġamenti ta’ kooperazzjoni, li għandhom jinkludu l-iskambju tad-data rilevanti, biex ikun possibbli l-monitoraġġ u l-infurzar tal-limitu ta’ pożizzjoni unika.
|
|
Artikolu 57 7.
|
L-ESMA għandha tissorvelja tal-inqas darba f’sena l-mod kif l-awtoritajiet kompetenti implimentaw il-limiti ta’ pożizzjoni stipulati skont il-metodoloġija għall-kalkolu stabbilita mill-ESMA fil-paragrafu 3. F’dan il-proċess, l-ESMA għandha tiżgura li l-limitu ta’ pożizzjoni unika jkun japplika effettivament għad-derivattivi tal-komoditajiet agrikoli u għall-kuntratti kritiċi jew sinifikanti fuq il-bażi tal-istess titolu sottostanti u bl-istess karatteristiċi irrispettivament minn fejn huma jiġu nnegozjati skont il-paragrafu 6.
|
|
Artikolu 57 8.
|
►M12
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ditta tal-investiment jew operatur tas-suq li jħaddem ċentru ta’ negozjar li jinnegozja derivattivi ta’ komoditajiet jew derivattivi ta’ kwoti tal-emissjonijiet japplikaw kontrolli tal-ġestjoni tal-pożizzjonijiet, inkluż setgħat għaċ-ċentru ta’ negozjar biex: ◄
(a)
jissorvelja l-pożizzjonijiet ta’ interess miftuħ tal-persuni;
▼M12
(b)
jikseb informazzjoni, inkluż id-dokumentazzjoni rilevanti kollha, minn persuni dwar id-daqs u l-iskop ta’ pożizzjoni jew skopertura li wieħed ikun daħal għalihom, informazzjoni dwar sidien benefiċjarji jew sottostanti, kwalunkwe arranġament ta’ konċentrazzjoni, u kwalunkwe assi jew obbligazzjonijiet relatati fis-suq sottostanti, inkluż, fejn xieraq, il-pożizzjonijiet miżmuma f’derivattivi ta’ kwoti tal-emissjonijiet jew pożizzjonijiet miżmuma f’derivattivi ta’ komoditajiet li huma bbażati fuq l-istess bażi u li jikkondividu l-istess karatteristiċi f’ċentri tan-negozjar oħra u f’kuntratti OTC ekonomikament ekwivalenti permezz ta’ membri u parteċipanti;
▼M8
(c)
jitlob li persuna tittermina jew tnaqqas pożizzjoni, fuq bażi temporanja jew permanenti, u jieħu azzjoni unilateralment biex tkun żgurata t-terminazzjoni jew it-tnaqqis tal-pożizzjoni meta l-persuna ma tikkonformax mat-tali talba; u
(d)
jirrikjedi li persuna tipprovdi, fuq bażi temporanja, likwidità lura fis-suq bi prezz u volum miftehma bil-ħsieb espliċitu li jittaffew l-effetti ta’ pożizzjoni kbira jew dominanti.
L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-kontenut tal-kontrolli tal-ġestjoni tal-pożizzjonijiet, u b’hekk tqis il-karatteristiċi taċ-ċentri tan-negozjar ikkonċernati.
L-ESMA għandha tippreżenta dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-28 ta’ Novembru 2021.
Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
|
|
Artikolu 57 9.
|
Il-limiti ta’ pożizzjoni u l-kontrolli tal-ġestjoni ta’ pożizzjonijiet għandhom ikunu trasparenti u nondiskriminatorji, jispeċifikaw kif japplikaw għal persuni u jqisu n-natura u l-kompożizzjoni tal-parteċipanti tas-suq u tal-użu li huma jagħmlu mill-kuntratti ppreżentati għan-negozjar.
|
|
Artikolu 57 10.
|
Id-ditta ta’ investiment jew l-operatur tas-suq li jħaddem ċentru ta’ negozjar għandhom jgħarrfu lill-awtorità kompetenti bid-dettalji tal-kontrolli tal-ġestjoni ta’ pożizzjonijiet. L-awtorità kompetenti għandha tikkomunika l-istess informazzjoni kif ukoll id-dettalji tal-limiti ta’ pożizzjonijiet li stabbilixxiet lill-AETS, li għandha tippubblika u żżomm fuq is-sit elettroniku tagħha bażi tad-data bit-taqsiriet tal-limiti ta’ pożizzjonijiet u kontrolli tal-ġestjoni tal-pożizzjonijiet.
|
|
Artikolu 57 11.
|
Il-limiti ta’ pożizzjoni tal-paragrafu 1 għandhom ikunu imposti mill-awtoritajiet kompetenti skont il-punt (p) tal-Artikolu 69(2).
|
|
Artikolu 57 12.
|
L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jiddeterminaw:
(a)
il-kriterji u l-metodi għad-determinazzjoni jekk pożizzjoni tikkwalifikax li tnaqqas ir-riskji relatati mal-attivitajiet kummerċjali;
(b)
il-metodi li jiddeterminaw meta pożizzjonijiet ta’ persuna għandhom jiġu aggregati fi grupp;
(c)
il-kriterji għad-determinazzjoni jekk kuntratt huwiex kuntratt OTC li jkun ekwivalenti għal dak innegozjat f’ċentru ta’ negozjar, imsemmi fil-paragrafu 1, b’mod li jiffaċilita r-rapportar tal-pożizzjonijiet li jittieħdu f’kuntratti OTC ekwivalenti lill-awtorità kompetenti rilevanti kif determinat fl-Artikolu 58(2);
▼M8
(d)
id-definizzjoni ta’ dak li jikkostitwixxi volumi sinifikanti skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu;
▼B
(e)
il-metodoloġija għall-aggregazzjoni u l-kalkolu tal-valur nett ta’ pożizzjonijiet ta’ derivattivi ta’ komoditajiet OTC u ta’ ċentru ta’ negozjar biex tistabbilixxi l-pożizzjoni netta għall-iskopijiet tal-valutazzjoni tal-konformità mal-limiti. Tali metodoloġiji għandhom jistabbilixxu kriterji li jiddeterminaw liema pożizzjonijiet jistgħu jikkumpensaw għal xulxin u m’għandhomx jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ pożizzjonijiet b’mod inkonsistenti mal-objettivi stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu;
(f)
il-proċedura li tistipula kif persuni jistgħu japplikaw għal eżenzjoni taħt it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u kif l-awtorità kompetenti rilevanti tista’ tapprova tali applikazzjonijiet;
(g)
il-metodu tal-kalkolu biex jiġi determinat iċ-ċentru fejn isir l-akbar volum ta’ negozjar f’derivattiv ta’ komoditajiet u volumi sinifikanti taħt il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu.
L-AETS għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji msemmi fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni sat-3 ta' Lulju 2015. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
|
|
Artikolu 57 13.
|
L-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jimponu limiti li jkunu iktar restrittivi minn dawk adottati skont il-paragrafu 1 għajr għal każijiet eċċezzjonali fejn huma ġustifikati b’mod oġġettiv u proporzjonati u jqisu l-likwidità tas-suq speċifiku u l-funzjonament tajjeb ta’ dak is-suq. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw fuq is-sit elettroniku tagħhom id-dettalji tal-limiti ta’ pożizzjoni aktar restrittivi li ddeċidew li jimponu, li għandhom ikunu validi għal perjodu inizjali li ma jaqbiżx sitt xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fuq is-sit elettroniku. Il-limiti ta’ pożizzjoni aktar restrittivi jistgħu jiġu mġedda għal iktar perjodi li ma jaqbżux is-sitt xhur kull darba jekk ir-raġunijiet għar-restrizzjoni jkomplu jkunu applikabbli. Jekk ma jkunux imġedda wara dak il-perjodu ta’ sitt xhur, huma jiskadu awtomatikament. Meta l-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu li jimponi limiti ta’ pożizzjoni aktar restrittivi, huma għandhom jinnotifikaw lill-AETS. In-notifika għandha tinkludi ġustifikazzjoni għal-limiti ta’ pożizzjoni iktar restrittivi. L-AETS għandha fi żmien 24 siegħa toħroġ opinjoni dwar jekk tikkunsidrax li l-limiti ta’ pożizzjoni aktar restrittivi humiex neċessarji biex jindirizzaw il-każ eċċezzjonali. L-opinjoni għandha tkun ippubblikata fuq is-sit elettroniku tal-AETS. Fejn awtorità kompetenti timponi limiti kuntrarji għall-opinjoni tal-AETS, hija għandha immedjatament tippubblika fuq is-sit elettroniku tagħha avviż fejn tispjega b’mod sħiħ ir-raġunijiet tagħha biex tagħmel dan.
|
|
Artikolu 57 14.
|
L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu japplikaw is-setgħat ta’ impożizzjoni ta’ sanzjonijiet tagħhom taħt din id-Direttiva għall-ksur tal-limiti ta’ pożizzjoni stabbiliti skont dan l-Artikolu għal:
(a)
pożizzjonijiet miżmuma minn persuni li jinsabu jew joperaw fit-territorju tagħha jew barra l-pajjiż li jaqbżu l-limiti tal-kuntratti tad-derivattivi ta’ komoditajiet stabbiliti mill-awtorità kompetenti fir-rigward ta’ kuntratti dwar ċentri tan-negozjar li jinsabu jew joperaw fit-territorji tagħha jew kuntratti OTC ekonomikament ekwivalenti;
(b)
pożizzjonijiet miżmuma minn persuni li jinsabu jew joperaw fit-territorju tagħha li jaqbżu l-limiti tal-kuntratti tad-derivattivi ta’ komoditajiet stabbiliti minn awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri oħrajn.
|
,
1.1 Referenzi
1.2 Rekwiżiti identifikati
1.3 Standards relatati
2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
- Builddate: 06.06.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32014L0065
- EULAW -
EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.
DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.
|