+Artikolu 45c Determinazzjoni tar-rekwiżit minimu għall-fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli
---+Artikolu 45c 1.
---+Artikolu 45c 2.
---+Artikolu 45c 2a.
---+Artikolu 45c 3.
---+Artikolu 45c 4.
---+Artikolu 45c 5.
---+Artikolu 45c 6.
---+Artikolu 45c 7.
---+Artikolu 45c 8.
---+Artikolu 45c 9.
---+Artikolu 45c 10.

Artikolu 45c Determinazzjoni tar-rekwiżit minimu għall-fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 45c 1.

Ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) għandu jiġi determinat mill-awtorità ta' riżoluzzjoni, wara li tikkonsulta l-awtorità kompetenti, abbażi tal-kriterji li ġejjin:

(a) 

il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-grupp ta' riżoluzzjoni jista' jiġi riżolt bl-applikazzjoni tal-għodod tar-riżoluzzjoni għall-entità ta' riżoluzzjoni, inkluż, fejn xieraq, l-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna, b'mod li jiġu ssodisfati l-objettivi tar-riżoluzzjoni;

(b) 

il-ħtieġa li jiġi żgurat, fejn xieraq, li l-entità ta' riżoluzzjoni u s-sussidjarji tagħha li huma istituzzjonijiet jew entitajiet imsemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 1(1), iżda mhumiex entitajiet ta' riżoluzzjoni, ikollhom fondi proprji suffiċjenti u obbligazzjonijiet eliġibbli biex ikun żgurat li, jekk l-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna jew is-setgħat ta' valwazzjoni negattiva jew ta' konverżjoni, rispettivament, kellhom jiġu applikati għalihom, it-telf ikun jista' jiġi assorbit u li jkun possibbli r-ristawr tal-proporzjon totali tal-kapital u, kif applikabbli, tal-proporzjon ta' ingranaġġ, tal-entitajiet rilevanti għal livell neċessarju biex ikunu jistgħu jkomplu jikkonformaw mal-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni u biex ikomplu bl-attivitajiet li huma awtorizzati għalihom skont id-Direttiva 2013/36/UE jew id-Direttiva 2014/65/UE;

(c) 

il-ħtieġa li jiġi żgurat, jekk il-pjan ta' riżoluzzjoni jantiċipa li ċerti klassijiet ta' obbligazzjonijiet eliġibbli jistgħu jiġu esklużi minn rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 44(3) ta' din id-Direttiva jew jistgħu jiġu trasferiti b'mod sħiħ lil benefiċjarju taħt trasferiment parzjali, li l-entità ta' riżoluzzjoni jkollha fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli oħra suffiċjenti biex tassorbi t-telf u tirristawra l-proporzjon totali tal-kapital tagħha, u, kif applikabbli, il-proporzjon ta' ingranaġġ tagħha għal livell neċessarju biex jippermettulha tkompli tikkonforma mal-kondizzjonijiet għal awtorizzazzjoni u biex tkompli bl-attivitajiet li għalihom hija awtorizzata skont id-Direttiva 2013/36/UE jew id-Direttiva 2014/65/UE;

(d) 

id-daqs, il-mudell kummerċjali, il-mudell ta' finanzjament u l-profil ta' riskju tal-entità;

(e) 

il-punt sa liema l-falliment tal-entità jkollu effett negattiv fuq l-istabbiltà finanzjarja, inkluż permezz tal-kontaġju fuq istituzzjonijiet jew entitajiet oħra, minħabba l-interkonnessjoni tal-entità ma' dawk l-istituzzjonijiet jew entitajiet oħrajn jew mal-bqija tas-sistema finanzjarja.

Artikolu 45c 2.

Fejn il-pjan ta' riżoluzzjoni jipprovdi li għandha tittieħed azzjoni ta' riżoluzzjoni jew li għandha tiġi eżerċitata s-setgħa ta' valwazzjoni negattiva jew ta' konverżjoni skont l-Artikolu 59 fir-rigward ta' strumenti kapitali u obbligazzjonijiet eliġibbli, skont ix-xenarju rilevanti msemmi fl-Artikolu 10(3), ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) għandu jkun daqs ammont suffiċjenti biex ikun żgurat li:

(a) 

it-telf li jkun mistenni li jiġġarrab mill-entità jkun kompletament assorbit (“assorbiment ta' telf”);

(b) 

l-entità ta' riżoluzzjoni u s-sussidjarji tagħha li huma istituzzjonijiet jew entitajiet imsemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 1(1) iżda mhumiex entitajiet ta' riżoluzzjoni huma rikapitalizzati sa livell neċessarju biex ikunu jistgħu jkomplu jikkonformaw mal-kondizzjonijiet għal awtorizzazzjoni, u jwettqu l-attivitajiet li għalihom huma awtorizzati skont id-Direttiva 2013/36/UE, id-Direttiva 2014/65/UE jew att leġislattiv ekwivalenti għal perijodu ta' żmien xieraq ta' mhux aktar minn sena (“rikapitalizzazzjoni”).

Artikolu 45c 2a.
L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ma għandhomx jiddeterminaw ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) għall-entitajiet ta’ likwidazzjoni.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tivvaluta jekk huwiex ġustifikat li jiġi determinat ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) għal entità ta’ likwidazzjoni fuq bażi individwali f’ammont li jaqbeż l-ammont suffiċjenti biex jassorbi t-telf f’konformità mal-paragrafu 2, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu. Fil-valutazzjoni tagħha, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tqis, b’mod partikolari, kwalunkwe impatt possibbli fuq l-istabbiltà finanzjarja u fuq ir-riskju ta’ kontaġju għas-sistema finanzjarja, inkluż fir-rigward tal-kapaċità ta’ finanzjament tal-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti. Fejn l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tiddetermina r-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1), l-entità ta’ likwidazzjoni għandha tissodisfa dak ir-rekwiżit billi tuża wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a) 

fondi proprji;

(b) 

obbligazzjonijiet li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà msemmija fl-Artikolu 72a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 72b(2)(b) u (d) ta’ dak ir-Regolament;

(c) 

l-obbligazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 45b(2).

L-Artikolu 77(2) u l-Artikolu 78a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 ma għandhomx japplikaw għal entitajiet ta’ likwidazzjoni li għalihom l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ma tkunx iddeterminat ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) ta’ din id-Direttiva.

Il-holdings ta’ strumenti ta’ fondi proprji u strumenti ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli maħruġa minn istituzzjonijiet sussidjarji li huma entitajiet ta’ likwidazzjoni li għalihom l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ma tkunx iddeterminat ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) ma għandhomx jitnaqqsu skont l-Artikolu 72e(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013

B’deroga mir-raba’ subparagrafu, istituzzjoni jew entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), li mhijiex hi stess entità ta’ riżoluzzjoni iżda hija sussidjarja ta’ entità ta’ riżoluzzjoni jew ta’ entità ta’ pajjiż terz li tkun entità ta’ riżoluzzjoni li kieku kienet stabbilita fl-Unjoni għandha tnaqqas il-holdings tagħha ta’ strumenti ta’ fondi proprji f’istituzzjonijiet sussidjarji li jappartjenu għall-istess grupp ta’ riżoluzzjoni u li huma entitajiet ta’ likwidazzjoni li għalihom l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ma tkunx iddeterminat ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) meta l-ammont aggregat ta’ dawk il-holdings ikun ugwali għal jew jaqbeż is-7 % tal-ammont totali tal-fondi proprji u tal-obbligazzjonijiet tagħha li jikkonformaw mal-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 45f(2), ikkalkolati kull sena mill-31 ta’ Diċembru bħala medja matul it-12-il xahar preċedenti.

Artikolu 45c 3.

Fil-każ ta' entitajiet ta' riżoluzzjoni, l-ammont imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 għandu jkun dan li ġej:

(a) 

bil-għan li jiġi kkalkolat ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1), f'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 45(2), is-somma ta':

(i) 

l-ammont tat-telf li jrid jiġi assorbit f'riżoluzzjoni li jikkorrispondi għar-rekwiżiti msemmijin fil-punt (c) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE tal-entità ta' riżoluzzjoni fil-livell ta' grupp ta' riżoluzzjoni konsolidat; u

(ii) 

ammont ta' rikapitalizzazzjoni li jippermetti lill-grupp ta' riżoluzzjoni riżultanti minn riżoluzzjoni li jirristawra l-konformità mar-rekwiżit ta' proporzjon totali tal-kapital tiegħu msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u r-rekwiżit tiegħu msemmi fl-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE fil-livell konsolidat tal-grupp ta' riżoluzzjoni wara l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' riżoluzzjoni preferuta; u

(b) 

bil-għan li jiġi kkalkolat ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1), f'konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 45(2), is-somma ta':

(i) 

l-ammont tat-telf li jrid jiġi assorbit f'riżoluzzjoni li jikkorrispondi mal-proporzjon ta' ingranaġġ tal-entità ta' riżoluzzjoni msemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fil-livell konsolidat tal-grupp ta' riżoluzzjoni; u

(ii) 

ammont ta' rikapitalizzazzjoni li jippermetti lill-grupp ta' riżoluzzjoni riżultanti minn riżoluzzjoni li jirristawra l-konformità mar-rekwiżit tal-proporzjon ta' ingranaġġ imsemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fil-livell konsolidat tal-grupp ta' riżoluzzjoni wara l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' riżoluzzjoni preferuta.

Għall-finijiet tal-punt (a) tal-Artikolu 45(2), ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) għandu jkun espress f'termini perċentwali bħala l-ammont kkalkolat skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, diviż bl-ammont totali ta' skopertura għar-riskju.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-Artikolu 45(2), ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) għandu jkun espress f'termini perċentwali bħala l-ammont kkalkolat skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, diviż bil-miżura tal-iskopertura totali.

Meta tistabbilixxi r-rekwiżit individwali previst fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, l-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tqis ir-rekwiżiti msemmijin fl-Artikoli 37(10), 44(5) u 44(8).

Meta tistabbilixxi l-ammonti ta' rikapitalizzazzjoni msemmijin fis-subparagrafu preċedenti, l-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha:

(a) 

tuża l-valuri rappurtati l-aktar reċentement għall-ammont totali rilevanti tal-iskopertura għar-riskju jew għall-miżura tal-iskopertura totali rilevanti, aġġustati għall-kwalunkwe bidla riżultanti minn azzjonijiet ta' riżoluzzjoni stabbiliti fil-pjan ta' riżoluzzjoni; u

(b) 

wara li tikkonsulta l-awtorità kompetenti, taġġusta l-ammont li jikkorrispondi għar-rekwiżit attwali msemmi fl-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE 'il fuq jew 'l isfel biex tiddetermina r-rekwiżit applikabbli għall-entità ta' riżoluzzjoni wara l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' riżoluzzjoni preferuta.

L-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tkun tista' żżid ir-rekwiżit previst fil-punt (a)(ii) tal-ewwel subparagrafu b'ammont xieraq neċessarju biex jiġi żgurat li, wara r-riżoluzzjoni, l-entità tkun tista' żżomm fiduċja suffiċjenti fis-suq għal perijodu adegwat li ma għandux ikun aktar minn sena.

Fejn ikun japplika s-sitt subparagrafu ta' dan il-paragrafu, l-ammont imsemmi f'dak is-subparagrafu għandu jkun fl-istess livell tar-rekwiżit ta' riżerva kombinata li għandu japplika wara l-applikazzjoni tal-għodod ta' riżoluzzjoni, li minnu jitnaqqas l-ammont imsemmi fil-punt (a) tal-punt (6) tal-Artikolu 128 tad-Direttiva 2013/36/UE.

L-ammont imsemmi fis-sitt subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandu jkun aġġustat 'l isfel jekk, wara li tikkonsulta lill-awtorità kompetenti, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tiddetermina li jkun fattibbli u kredibbli li ammont aktar baxx ikun suffiċjenti biex tinżamm il-fiduċja fis-suq u biex tiġi żgurata kemm il-provvista kontinwa ta' funzjonijiet ekonomiċi kritiċi mill-istituzzjoni jew entità msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 1(1) u l-aċċess tagħha għall-finanzjament mingħajr rikors għal appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju għajr il-kontribuzzjonijiet minn arranġamenti ta' finanzjament tar-riżoluzzjoni, skont l-Artikolu 44(5) u (8) u l-Artikolu 101(2), wara l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' riżoluzzjoni. Dak l-ammont għandu jkun aġġustat 'il fuq jekk, wara li tikkonsulta lill-awtorità kompetenti, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tiddetermina li jkun neċessarju ammont ogħla biex tinżamm il-fiduċja fis-suq u biex tiġi żgurata kemm il-provvista kontinwa ta' funzjonijiet ekonomiċi kritiċi mill-istituzzjoni jew entità msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 1(1) kif ukoll l-aċċess għall-finanzjament mingħajr rikors għal appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju għajr il-kontribuzzjonijiet minn arranġamenti ta' finanzjament tar-riżoluzzjoni, skont l- l-Artikolu 44(5) u (8) u l-Artikolu 101(2), għal perijodu adegwat li ma għandux ikun aktar minn sena.

Artikolu 45c 4.
L-EBA għandha tfassal abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-metodoloġija li għandha tintuża mill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni biex jagħmlu stima tar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE u r-rekwiżit ta' riżerva kombinata għal entitajiet ta' riżoluzzjoni fil-livell konsolidat tal-grupp ta' riżoluzzjoni fejn il-grupp ta' riżoluzzjoni ma jkunx soġġett għal dawk ir-rekwiżiti skont dik id-Direttiva.

L-EBA għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-28 ta' Diċembru 2019.

Is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

Artikolu 45c 5.

Għal entitajiet ta' riżoluzzjoni li mhumiex soġġetti għall-Artikolu 92a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u li huma parti minn grupp ta' riżoluzzjoni li l-assi totali tiegħu jaqbżu l-EUR 100 biljun, il-livell tar-rekwiżit imsemmi fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu għandu jkun tal-anqas daqs:

(a) 

13,5 % meta kkalkolat skont il-punt (a) tal-Artikolu 45(2); u

(b) 

5 % meta kkalkolat skont il-punt (b) tal-Artikolu 45(2).

B'deroga mill-Artikolu 45b, l-entitajiet ta' riżoluzzjoni msemmijin fis-subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandhom jilħqu livell tar-rekwiżit imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu li huwa daqs 13,5 % meta kkalkolat skont il-punt (a) tal-Artikolu 45(2) u daqs 5 % meta kkalkolat skont il-punt (b) tal-Artikolu 45(2) bl-użu ta' fondi proprji, strumenti eliġibbli subordinati, jew obbligazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 45b(3) ta' din id-Direttiva.

Artikolu 45c 6.
Awtorità ta' riżoluzzjoni tista', wara li tikkonsulta lill-awtorità kompetenti, tiddeċiedi li tapplika r-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu għal entità ta' riżoluzzjoni li mhix soġġetta għall-Artikolu 92a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u li hija parti minn grupp ta' riżoluzzjoni li l-assi totali tiegħu ma jaqbżux EUR 100 biljun u li l-awtorità ta' riżoluzzjoni tkun ivvalutat bħala raġonevolment probabbli li tippreżenta riskju sistemiku fil-każ tal-falliment tagħha.

Meta tieħu deċiżjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, l-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tqis:

(a) 

il-prevalenza ta' depożiti, u n-nuqqas ta' strumenti tad-dejn fil-mudell ta' finanzjament;

(b) 

il-punt sa fejn l-aċċess għas-swieq kapitali għal obbligazzjonijiet eliġibbli jkun limitat;

(c) 

il-punt sa fejn l-entità ta' riżoluzzjoni tiddipendi fuq kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45e.

In-nuqqas ta' deċiżjoni skont l-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe deċiżjoni skont l-Artikolu 45b(5).

Artikolu 45c 7.

Għal entitajiet li huma stess mhumiex entitajiet ta' riżoluzzjoni, l-ammont imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 għandu jkun dan li ġej:

(a) 

bil-għan li jiġi kkalkolat ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1), f'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 45(2), is-somma ta':

(i) 

l-ammont tat-telf li għandu jiġi assorbit li jikkorrispondi għar-rekwiżiti msemmijin fil-punt (c) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE tal-entità; u

(ii) 

ammont ta' rikapitalizzazzjoni li jippermetti li l-entità tirristawra l-konformità mar-rekwiżit tal-proporzjon totali tal-kapital tagħha msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u r-rekwiżit tiegħu msemmi fl-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE wara l-eżerċitar tas-setgħa ta' valwazzjoni negattiva jew ta' konverżjoni ta' strumenti kapitali rilevanti u obbligazzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 59 ta' din id-Direttiva jew wara r-riżoluzzjoni tal-grupp ta' riżoluzzjoni; u

(b) 

bil-għan li jiġi kkalkolat ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1), f'konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 45(2), is-somma ta':

(i) 

l-ammont tat-telf li jrid jiġi assorbit li jikkorrispondi għall-proporzjon ta' ingranaġġ tal-entità msemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013; u

(ii) 

ammont ta' rikapitalizzazzjoni li jippermetti li l-entità tirristawra l-konformità mar-rekwiżit tal-proporzjon ta' ingranaġġ tagħha msemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 wara l-eżerċitar tas-setgħa ta' valwazzjoni negattiva jew ta' konverżjoni ta' strumenti kapitali rilevanti u obbligazzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 59 ta' din id-Direttiva jew wara r-riżoluzzjoni tal-grupp ta' riżoluzzjoni.

Għall-finijiet tal-punt (a) tal-Artikolu 45(2), ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) għandu jkun espress f'termini perċentwali bħala l-ammont ikkalkolat skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, diviż bl-ammont totali ta' skopertura għar-riskju.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-Artikolu 45(2), ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) għandu jkun espress f'termini perċentwali bħala l-ammont ikkalkolat skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu diviż bil-miżura tal-iskopertura tal-proporzjon ta' ingranaġġ.

Meta tistabbilixxi r-rekwiżit individwali previst fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, l-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tqis ir-rekwiżiti msemmijin fl-Artikoli 37(10), 44(5) u 44(8).

Meta tistabbilixxi l-ammonti ta' rikapitalizzazzjoni msemmijin fis-subparagrafu preċedenti, l-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha:

(a) 

tuża l-valuri rappurtati l-aktar reċentement għall-ammont totali rilevanti tal-iskopertura għar-riskju jew għall-miżura tal-iskopertura totali rilevanti, aġġustati għall-kwalunkwe bidla riżultanti minn azzjonijiet stabbiliti fil-pjan ta' riżoluzzjoni; u

(b) 

wara li tikkonsulta l-awtorità kompetenti, taġġusta l-ammont li jikkorrispondi għar-rekwiżit attwali msemmi fl-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE 'il fuq jew 'l isfel biex tiddetermina r-rekwiżit applikabbli għall-entità rilevanti wara l-eżerċizzju tas-setgħa ta' valwazzjoni negattiva jew ta' konverżjoni ta' strumenti kapitali rilevanti u obbligazzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 59 ta' din id-Direttiva jew wara r-riżoluzzjoni tal-grupp ta' riżoluzzjoni.

L-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tkun kapaċi żżid ir-rekwiżit stipulat fil-punt (a)(ii) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu b'ammont adegwat meħtieġ biex tiżgura li, wara l-eżerċizzju tas-setgħa ta' valwazzjoni negattiva jew ta' konverżjoni tal-istrumenti kapitali jew l-obbligazzjonijiet eliġibbli rilevanti skont l-Artikolu 59, l-entità tkun kapaċi żżomm fiduċja suffiċjenti fis-suq għal perijodu adegwat li ma għandux ikun aktar minn sena.

Fejn ikun japplika s-sitt subparagrafu ta' dan il-paragrafu, l-ammont imsemmi f'dak is-subparagrafu għandu jkun fl-istess livell tar-rekwiżit ta' riżerva kombinata li għandu japplika wara l-eżerċizzju tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 59 jew wara r-riżoluzzjoni tal-grupp ta' riżoluzzjoni, li minnu jitnaqqas l-ammont imsemmi fil-punt (a) tal-punt (6) tal-Artikolu 128 tad-Direttiva 2013/36/UE.

L-ammont imsemmi fis-sitt subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandu jiġi aġġustat 'l isfel jekk, wara li tikkonsulta lill-awtorità kompetenti, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tiddetermina li jkun fattibbli u kredibbli li ammont aktar baxx ikun suffiċjenti biex jiżgura l-fiduċja fis-suq u jiżgura kemm il-provvista kontinwa ta' funzjonijiet ekonomiċi kritiċi mill-istituzzjoni jew entità msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 1(1) u l-aċċess tagħha għall-finanzjament mingħajr rikors għal appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju għajr il-kontribuzzjonijiet minn arranġamenti ta' finanzjament tar-riżoluzzjoni, skont il-paragrafi 5 u 8 tal-Artikolu 44 u l-Artikolu 101(2), wara l-eżerċizzju tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 59 jew wara r-riżoluzzjoni tal-grupp ta' riżoluzzjoni. Dak l-ammont għandu jiġi aġġustat 'il fuq jekk, wara li tikkonsulta lill-awtorità kompetenti, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tiddetermina li jkun meħtieġ ammont ogħla biex tiġi sostnuta l-fiduċja fis-suq u tiġi żgurata kemm il-provvista kontinwa ta' funzjonijiet ekonomiċi kritiċi mill-istituzzjoni jew entità msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 1(1) u l-aċċess tagħha għall-finanzjament mingħajr rikors għal appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju għajr il-kontribuzzjonijiet minn arranġamenti ta' finanzjament tar-riżoluzzjoni, skont l-Artikolu 44(5) u (8) u l-Artikolu 101(2) għal perijodu adegwat li ma għandux ikun aktar minn sena.

Artikolu 45c 8.

Fejn awtorità ta' riżoluzzjoni tistenna li huwa raġonevolment probabbli li ċerti klassijiet ta' obbligazzjonijiet eliġibbli jiġu esklużi kompletament jew parzjalment minn rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 44(3) jew jistgħu jiġu trasferiti b'mod sħiħ lil benefiċjarju taħt trasferiment parzjali, ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) għandu jiġi ssodisfat bl-użu ta' fondi proprji jew obbligazzjonijiet eliġibbli oħra suffiċjenti biex:

(a) 

ikopru l-ammont ta' obbligazzjonijiet esklużi identifikati skont l-Artikolu 44(3);

(b) 

jiżguraw li l-kondizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 2 huma ssodisfati.

Artikolu 45c 9.
Kwalunkwe deċiżjoni mill-awtorità ta' riżoluzzjoni li timponi rekwiżit minimu ta' fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli taħt dan l-Artikolu għandu jkun fiha r-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni, inkluż valutazzjoni sħiħa tal-elementi msemmija fil-paragrafi 2 sa 8 ta' dan l-Artikolu u għandha tiġi rieżaminata mill-awtorità ta' riżoluzzjoni mingħajr dewmien mhux ġustifikat biex tirrifletti kwalunkwe bidla fil-livell tar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE.
Artikolu 45c 10.
Għall-finijiet tal-paragrafi 3 u 7 ta' dan l-Artikolu, ir-rekwiżiti kapitali għandhom jiġu interpretati f'konformità mal-applikazzjoni mill-awtorità kompetenti tad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali stipulati fil-Kapitoli 1, 2 u 4 tat-Titolu I tal-Għaxar Parti tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fid-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni nazzjonali li jeżerċitaw l-għażliet mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti minn dak ir-Regolament.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 11.05.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32014L0059
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.