|
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta istituzzjoni jew entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tasal għad-determinazzjoni li huwa legalment jew b'xi mod ieħor imprattikabbli li fid-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jirregolaw obbligazzjoni rilevanti jiġi inkluż terminu meħtieġ skont il-paragrafu 1, dik l-istituzzjoni jew entità tinnotifika d-determinazzjoni tagħha, inklużi d-deżinjazzjoni tal-kategorija tal-obbligazzjoni u ġustifikazzjoni ta' dik id-determinazzjoni, lill-awtorità ta' riżoluzzjoni. L-istituzzjoni jew l-entità għandha tipprovdi lill-awtorità ta' riżoluzzjoni l-informazzjoni kollha li l-awtorità ta' riżoluzzjoni titlob f'perijodu ta' żmien raġonevoli wara r-riċezzjoni tan-notifika, sabiex l-awtorità ta' riżoluzzjoni tevalwa l-effett ta' din in-notifika fuq ir-riżolvibbiltà ta' dik l-istituzzjoni jew entità. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-każ ta' notifika skont l-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, l-obbligu li jiġi inkluż fid-dispożizzjonijiet kuntrattwali terminu meħtieġ skont il-paragrafu 1 huwa awtomatikament sospiż mill-mument li l-awtorità ta' riżoluzzjoni tirċievi n-notifika. Fil-każ li l-awtorità ta' riżoluzzjoni tikkonkludi li ma huwiex legalment jew b'xi mod ieħor imprattikabbli li fid-dispożizzjonijiet kontrattwali jiġi inkluż terminu meħtieġ skont il-paragrafu 1, b'kont meħud tal-ħtieġa li tiġi żgurata r-riżolvibbiltà tal-istituzzjoni jew entità, hija għandha tirrikjedi, f'perijodu ta' żmien raġonevoli wara n-notifika skont l-ewwel subparagrafu, l-inklużjoni ta' din il-klawżola kuntrattwali. Barra minn hekk, l-awtorità tar-riżoluzzjoni tista' teħtieġ li l-istituzzjoni jew l-entità temenda l-prattiki tagħha rigward l-applikazzjoni tal-eżenzjoni mir-rikonoxximent kuntrattwali tar-rikapitalizzazzjoni interna. L-obbligazzjonijiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu ma għandhomx jinkludi strumenti tal-Grad 1 Addizzjonali, strumenti tal-Grad 2 u strumenti ta' dejn imsemmijin fil-punt (48)(ii) tal-Artikolu 2(1), fejn dawk l-istrumenti jkunu obbligazzjonijiet mhux garantiti. Barra minn hekk, l-obbligazzjonijiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandhom ikunu superjuri għall-obbligazzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 108(2) u fl-Artikolu 108(3). Fejn l-awtorità ta' riżoluzzjoni, fil-kuntest tal-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà ta' istituzzjoni jew entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) f'konformità mal-Artikoli 15 u 16, jew fi kwalunkwe ħin ieħor, tiddetermina li, fi klassi ta' obbligazzjonijiet li tinkludi obbligazzjonijiet eliġibbli, l-ammont ta' obbligazzjonijiet li, skont l-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, ma jinkludux it-terminu kuntrattwali msemmi fil-paragrafu 1, flimkien ma' obbligazzjonijiet li huma esklużi mill-applikazzjoni tal-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 44(2) jew li x'aktarx jiġu esklużi skont l-Artikolu 44(3) jammonta għal aktar minn 10 % ta' dik il-klassi, hija għandha tivvaluta minnufih l-impatt ta' dan il-fatt partikolari fuq ir-riżolvibbiltà ta' dik l-istituzzjoni jew entità, inkluż l-impatt fuq ir-riżolvibbiltà li jirriżulta mir-riskju ta' ksur tas-salvagwardji tal-kreditur previsti fl-Artikolu 73 meta tiġi applikata s-setgħa ta' valwazzjoni negattiva u ta' konverżjoni għall-obbligazzjonijiet eliġibbli. Fejn l-awtorità ta' riżoluzzjoni tikkonkludi abbażi tal-valutazzjoni msemmija fil-ħames subparagrafu ta' dan il-paragrafu li l-obbligazzjonijiet li, skont l-ewwel subparagrafu, ma jinkludux it-terminu kuntrattwali msemmi fil-paragrafu 1, joħolqu impediment sostantiv għar-riżolvibbiltà, hija għandha tapplika s-setgħat previsti fl-Artikolu 17 kif xieraq biex tneħħi dak l-impediment għar-riżolvibbiltà. L-obbligazzjonijiet li fir-rigward tagħhom l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tonqos milli tinkludi fid-dispożizzjonijiet kuntrattwali t-terminu meħtieġ skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jew li fir-rigward tagħhom, skont dan il-paragrafu, dak ir-rekwiżit ma japplikax ma għandhomx jingħaddu għall-fini tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli.
|