Għal kull waħda mis-sustanzi li jniġġsu li huwa jkopri, il-pjan nazzjonali transitorju għandu jistabbilixxi limitu li jiddefinixxi l-emissjonijiet totali massimi ta’ kull sena għall-impjanti kollha koperti mill-pjan abbażi tal-input termali kkwotat totali ta’ kull impjant fil-31 ta’ Diċembru 2010, is-sigħat tiegħu ta’ tħaddim annwali attwali u l-użu tiegħu ta’ karburant, bil-medja tal-aħħar għaxar snin ta’ tħaddim sal-2010 u inkluża l-2010.
Il-limitu għas-sena 2016 għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-valuri limitu ta’ emissjonijiet rilevanti stabbiliti fl-Annessi III sa VII għad-Direttiva 2001/80/KE jew, fejn applikabbli, abbażi tar-rati tat-tneħħija tal-kubrit stabbiliti fl-Anness III għad-Direttiva 2001/80/KE. Fil-każ tat-turbini tal-gass, għandhom jintużaw il-valuri limitu ta’ emissjonijiet għall-ossidi tan-nitroġenu stabbiliti għal impjanti bħal dawn fil-Parti B tal-Anness VI għad-Direttiva 2001/80/KE. Il-limiti għas-snin 2019 u 2020 għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-valuri limitu ta’ emissjonijiet rilevanti stabbiliti fil-Parti 1 tal-Anness V għal din id-Direttiva jew, fejn applikabbli, ir-rati tat-tneħħija tal-kubrit rilevanti stabbiliti fil-Parti 5 tal-Anness V għal din id-Direttiva. Il-limiti għas-snin 2017 u 2018 għandhom jiġu stabbiliti b’mod li jipprovdu tnaqqis lineari tal-limiti bejn l-2016 u l-2019.
Fejn impjant inkluż fil-pjan nazzjonali transitorju jingħalaq jew ma jaqax aktar fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu III, dan m’għandux jirriżulta f’żieda f’emissjonijiet totali annwali mill-impjanti li jifdal koperti mill-pjan.