3. Bħala parti mill-għoti ta’ liċenzja lil faċilità jew attività, il-wiri ta’ sikurezza għandu jkopri l-iżvilupp u l-operazzjoni ta’ attività u l-iżvilupp, l-operazzjoni u d-diżattivazzjoni ta’ faċilità jew l-għeluq ta’ faċilità tar-rimi kif ukoll il-fażi ta’ wara l-għeluq ta’ faċilità tar-rimi. Il-wiri ta’ sikurezza għandu jkun ta’ skala komparabbli mal-kumplessità tal-operazzjoni u l-kobor tal-perikli assoċjati mal-iskart radjuattiv u l-fjuwil użat, u l-faċilità jew l-attività. Il-proċess ta’ liċenzjar għandu jikkontribwixxi għas-sikurezza fil-faċilità jew l-attività waqt il-kondizzjonijiet normali tal-operazzjoni, okkorrenzi operattivi antiċipati u inċidenti fil-limiti tal-ippjanar. Hija għandha tipprovdi l-assigurazzjoni ta’ sikurezza meħtieġa fil-faċilità jew l-attività. Għandhom ikunu stabbiliti miżuri biex jipprevjenu aċċidenti u jimmitigaw il-konsegwenzi ta’ aċċidenti, inkluża l-verifika ta’ barrieri fiżiċi u l-proċeduri għall-protezzjoni amministrattiva tad-detentur tal-liċenzja li jkollhom ifallu qabel ma l-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali jkunu affettwati b’mod sinifikattiv minn radjazzjoni jonizzanti. Dak l-approċċ għandu jidentifika u jnaqqas l-inċertezzi.