+Preamble: 1

Preamble: 1

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 43(2), 100(2), 192(1), 194(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Id-domanda għolja u li qed tiżdied b’rata mgħaġġla għal spazju marittimu għal skopijiet differenti, bħall-impjanti għall-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, l-esplorazzjoni u l-estrazzjoni taż-żejt u l-gass, it-tbaħħir marittimu u l-attivitajiet tas-sajd, il-konservazzjoni tal-ekosistema u l-bijodiversità, l-estrazzjoni tal-materja prima, it-turiżmu, l-impjanti tal-akkwakultura u l-wirt kulturali ta’ taħt l-ilma, kif ukoll pressjonijiet multipli fuq ir-riżorsi kostali jeħtieġu approċċ ta’ ppjanar u ġestjoni integrati.

(2)

Approċċ bħal dan għall-ġestjoni tal-oċeani u l-governanza marittima ġie żviluppat fil-Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea (‘PMI’) li tinkludi, bħala l-pilastru ambjentali tagħha, id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). L-objettiv tal-PMI huwa li tappoġġa l-iżvilupp sostenibbli tal-ibħra u l-oċeani u li tiżviluppa teħid tad-deċiżjonijiet ikkoordinat, koerenti u trasparenti fir-rigward tal-politiki settorjali tal-Unjoni li jaffettwaw l-oċeani, l-ibħra, il-gżejjer, ir-reġjuni kostali u l-aktar imbiegħda u s-setturi marittimi, inkluż permezz ta’ strateġiji dwar il-baċir tal-baħar jew l-istrateġiji makroreġjonali, filwaqt li jinkiseb status ambjentali tajjeb kif stipulat fid-Direttiva 2008/56/KE.

(3)

Il-PMI tidentifika l-ippjanar tal-ispazju marittimu bħala għodda ta’ politika trasversali li tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-partijiet ikkonċernati japplikaw approċċ integrat, koordinat u transkonfinali. L-applikazzjoni ta’ approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-iżvilupp u t-tkabbir sostenibbli tal-ekonomiji marittimi u kostali u l-użu sostenibbli ta’ riżorsi tal-baħar u kostali.

(4)

L-ippjanar tal-ispazju marittimu jappoġġa u jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv (‘l-Istrateġija Ewropa 2020’), approvata mill-Kunsill Ewropew fil-konkluzjonijiet tiegħu tas-17 ta’ Ġunju 2010, li għandha l-għan li twassal għal livelli għolja ta’ impjiegi, produttività u koeżjoni soċjali, inkluża l-promozzjoni ta’ ekonomija iktar kompetittiva, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u ekoloġika. Is-setturi kostali u marittimi għandhom potenzjal sinifikanti għat-tkabbir sostenibbli u li huwa essenzjali għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020.

(5)

Fil-Komunikazzjoni tagħha intitolata ‘t-Tkabbir Blu’, opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu, il-Kummissjoni identifikat għadd ta’ inizjattivi li għaddejjin bħalissa tal-UE li huma maħsuba biex jimplimentaw l-istrateġija Ewropa 2020, kif ukoll għadd ta’ attivitajiet li l-inizjattivi għat-tkabbir blu jistgħu jiffokaw fuqhom fil-futur u li jistgħu jiġu appoġġati b’mod adegwat b’kunfidenza u ċertezza akbar għall-investituri pprovduti permezz ta’ ppjanar tal-ispazju marittimu.

(6)

Ir-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) appoġġa u ffaċilita l-implimentazzjoni tal-ippjanar tal-ispazju marittimu u tal-ġestjoni integrata tal-kosta. Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment, inkluż il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (6), se jipprovdu opportunitajiet biex jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għall-2014-2020.

(7)

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar tal-1982 (‘UNCLOS’) tiddikjara fil-preambolu tagħha li l-kwistjonijiet relatati mal-użu tal-ispazju oċeaniku huma relatati mill-qrib ma’ xulxin u jeħtieġ li jitqiesu bħala entità sħiħa. L-ippjanar tal-ispazju oċeaniku huwa l-azzjoni ta’ avvanz u l-istrutturar loġiċi tal-obbligi u tal-użu tad-drittijiet mogħtija fl-ambitu tal-UNCLOS u għodda prattika fl-assistenza lill-Istati Membri biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom.

(8)

Sabiex issir promozzjoni tal-koeżistenza sostenibbli tal-użi u, fejn applikabbli, it-tqassim xieraq tal-użi relevanti fl-ispazju marittimu, għandu jitwaqqaf qafas li jikkonsisti minn tal-inqas fl-istabbiliment u l-implimentazzjoni mill-Istati Membri ta’ ppjanar tal-ispazju marittimu, li jirriżulta fi pjani.

(9)

L-ippjanar tal-ispazju marittimu jikkontribwixxi għal ġestjoni effikaċi tal-attivitajiet tal-baħar u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar u kostali, billi jinħoloq qafas għal teħid ta’ deċiżjoni konsistenti, trasparenti, sostenibbli u bbażat fuq l-evidenza. Sabiex tilħaq l-objettivi tagħha, din id-Direttiva għandha tistipula obbligi biex tistabbilixxi proċess ta’ ppjanar marittimu, li jirriżulta fi pjan tal-ispazjumarittimu jew pjani tal-ispazju marittimu; proċess ta’ ppjanar bħal dan għandu jieħu kont tal-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar u jippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. Mingħajr preġudizzju għall-acquis eżistenti tal-Unjoni fl-oqsma tal-enerġija, it-trasport, is-sajd u l-ambjent, din id-Direttiva ma għandhiex timponi obbligi ġodda oħra, b’mod partikolari f’relazzjoni mal-għażliet konkreti tal-Istati Membri dwar kif jitwettqu l-politiki settorjali f’dawk l-oqsma, imma għandu jkollha l-għan li tikkontribbwixxi għal dawk il-politiki permezz tal-proċess ta’ ppjanar.

(10)

Sabiex jiġu żgurati l-konsistenza u ċ-ċarezza ġuridika, il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku għall-ippjanar tal-ispazju marittimu għandu jiġi definit f’konformità mal-istrumenti leġiżlattivi eżistenti tal-Unjoni u d-dritt marittimu internazzjonali, b’mod partikolari UNCLOS. Il-kompetenzi tal-Istati Membri relatati mal-konfini marittimi u l-ġurisdizzjoni ma jinbidlux b’din id-Direttiva.

(11)

Filwaqt li huwa xieraq li l-Unjoni tipprovdi qafas għall-ippjanar tal-ispazju marittimu, l-Istati Membri jibqgħu responsabbli u kompetenti għat-tfassil u d-determinazzjoni, fi ħdan l-ilmijiet tal-ibħra tagħhom, tal-formati u l-kontenut ta’ dawn il-pjani inklużi arranġamenti istituzzjonali u fejn applikabbli, it-tqassim tal-ispazju marittimu għall-attivitajiet u l-użi differenti b’mod rispettiv.

(12)

Sabiex jirrispettaw il-proporzjonalità u s-sussidjarjetà, kif ukoll biex ikun minimizzat il-piż amministrattiv addizzjonali, it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom kemm jista’ jkun jibnu fuq regoli u mekkaniżmi nazzjonali, reġjonali u lokali eżistenti inklużi dawk spjegati fir-Rakkomandazzjoni 2002/413/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jew fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/631/UE (8).

(13)

Fl-ilmijiet tal-ibħra, l-ekosistemi u r-riżorsi tal-baħar, huma suġġetti għal pressjonijiet sinifikanti. L-attivitajiet tal-bniedem, iżda wkoll l-effetti tat-tibdil fil-klima, il-perikli naturali u d-dinamika mal-linja tal-kosta bħall-erożjoni u l-akkrexximent, jista’ jkollhom impatti ħorox fuq l-iżvilupp u t-tkabbir ekonomiku kostali, kif ukoll l-ekosistemi tal-baħar u dan iwassal għad-deterjorazzjoni tal-istatus ambjentali, it-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi. Għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa għal dawn id-diversi pressjonijiet fl-istabbiliment tal-pjani tal-ispazju marittimu. Barra minn hekk, ekosistemi tal-baħar b’saħħithom u s-servizzi multipli tagħhom, jekk ikunu integrati fid-deċiżjonijiet dwar l-ippjanar, jistgħu jwasslu għal benefiċċji sostanzjali f’termini tal-produzzjoni tal-ikel, ir-rikreazzjoni u t-turiżmu, il-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, il-kontroll tad-dinamika tal-linja tal-kosta u l-prevenzjoni tad-diżastri.

(14)

Sabiex issir promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli tal-ekonomiji marittimi, tal-iżvilupp sostenibbli taż-żoni tal-baħar u tal-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar, l-ippjanar tal-ispazju marittimu għandu japplika approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi kif imsemmi fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2008/56/KE bil-għan li jiżgura li l-pressjoni kollettiva tal-attivitajiet kollha tinżamm fi ħdan livelli kompatibbli mal-ksib ta’ status ambjentali tajjeb u li ma tkunx kompromessal-kapaċità tal-ekosistemi tal-baħar li jirreaġixxu għall-bidliet ikkawżati mill-bniedem, filwaqt li jikkontribwixxi għall-użu sostenibbli ta’ oġġetti u servizzi tal-baħar mill-ġenerazzjonijiet ta’ issa u tal-ġejjieni. Barra minn hekk, approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għandu jiġi applikat b’mod adattat għall-ekosistemi speċifiċi u speċifiċitajiet oħra tar-reġjuni tal-baħar differenti u għandu jieħu kont tax-xogħol li qed isir bħalissa fil-Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali li qed jibnu fuq għarfien u esperjenzi eżistenti. L-approċċ għandu jippermetti wkoll ġestjoni li tadatta ruħha li tiżgura raffinament u aktar żvilupp bħala esperjenzi, u żieda fl-għarfien billi jitqiesu d-data u l-informazzjoni disponibbli fil-livell tal-baċiri tal-baħar biex jiġi implimentat dak l-approċċ. L-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-prinċipju li għandha tittieħed azzjoni preventiva, kif stabbilit fl-Artikolu 191(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(15)

L-ippjanar tal-ispazju marittimu jikkontribwixxi, inter alia, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 (10), id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (12), id-Deċiżjoni Nru 884/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), id-Direttiva 2008/56/KE, filwaqt li jitfakkru l-Komunikazzjoni tat-3 ta’ Mejju 2011 intitolata “L-assigurazzjoni tal-ħajja tagħna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020”, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Settembru 2011 intitolata “Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi”, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ April 2013 intitolata “Strateġija tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima” u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Jannar 2009 intitolata “Għanijiet u r-rakkomandazzjonijiet strateġiċi għal politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018”, kif ukoll, fejn hu xieraq, dawk dwar il-Politika Reġjonali tal-Unjoni, inkluż strateġiji dwar il-baċir tal-baħar u dawk makroreġjonali.

(16)

L-attivitajiet tal-baħar u dawk kostali huma spiss interrelatati mill-qrib. Sabiex issir promozzjoni tal-użu sostenibbli tal-ispazju marittimu, l-ippjanar tal-ispazju marittimu għandu jieħu kont tal-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar. Għal din ir-raġuni l-ippjanar tal-ispazju marittimu jista’ jkollu rwol tassew utli biex jiddetermina l-orjentazzjonijiet relatati mal-ġestjoni sostenibbli u integrata tal-attivitajiet tal-bniedem fil-baħar, il-preservazzjoni tal-ambjent ħaj, il-fraġilità tal-ekosistemi kostali, l-erożjoni u l-fatturi soċjali u ekonomiċi. L-ippjanar tal-ispazju marittimu għandu jimmira biex jintegra d-dimensjoni marittima ta’ xi użi jew attivitajiet kostali u l-impatti tagħhom u finalment jippermetti viżjoni integrata u strateġika.

(17)

Din id-Direttiva qafas ma tinterferix mal-kompetenza tal-Istati Membri għall-ippjanar urban u rurali, inkluż kwalunkwe sistema tal-ippjanar tal-ispazji terrestri jew fuq l-art użata biex jiġi ppjanat kif għandhom jintużaw żoni fuq l-art u dawk kostali. Jekk l-Istati Membri japplikaw l-ippjanar terrestri għall-ilmijiet kostali jew parti minnhom, din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal dawk l-ilmijiet.

(18)

L-ippjanar tal-ispazju marittimu għandu jkopri ċ-ċiklu sħiħ tal-identifikazzjoni tal-problema u l-opportunità, il-ġbir ta’ informazzjoni, l-ippjanar, it-teħid ta’ deċiżjonijiet, ir-reviżjoni jew l-aġġornar u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni, u għandu debitament jikkunsidra l-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar u l-aqwa għarfien disponibbli. Għandu jsir l-aqwa użu tal-mekkaniżmi spjegati f’leġiżlazzjoni eżistenti jew futura, inkluża d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/477/UE (15) u l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar l-Għarfien dwar il-Baħar 2020.

(19)

L-iskop ewlieni tal-ippjanar tal-ispazji marittimu huwa li jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli u li jiġi identifikat l-użu tal-ispazju marittimu għal użi tal-baħar differenti kif ukoll li jiġu mmaniġġjati l-użi u l-kunflitti tal-ispazji tal-baħar. L-ippjanar tal-ispazju marittimu għandu wkoll l-għan li jidentifika u jħeġġeġ użu b’bosta skopijiet, f’konformità mal-politiki nazzjonali u l-leġiżlazzjoni relevanti. Sabiex jintlaħaq dak l-iskop, jeħtieġ li tal-inqas l-Istati Membri jiżguraw li l-proċess jew il-proċessi tal-ippjanar jirriżultaw f’ippjanar komprensiv li jidentifika l-użi differenti tal-ispazju marittimu u filwaqt li jitqiesu l-bidliet fit-tul minħabba t-tibdil fil-klima.

(20)

L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw u jikkoordinaw il-pjani tagħhom mal-Istati Membri relevanti u għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-pajjiż terz fir-reġjun tal-baħar kkonċernat f’konformità mad-drittijiet u l-obbligi ta’ dawk l-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi konċernati fl-ambitu tal-liġi tal-Unjoni u dik internazzjonali. Il-kooperazzjoni transfruntiera effikaċi bejn l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi ġirien teħtieġ l-identifikazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti f’kull Stat Membru. L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Minħabba d-differenzi bejn diversi reġjuni jew subreġjuni tal-baħar u ż-żoni kostali, mhuwiex xieraq li f’din id-Direttiva tiġi preskritta fid-dettall il-forma li għanhom jieħdu dawk il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni.

(21)

Il-ġestjoni ta’ żoni tal-baħar hija kumplessa u tinvolvi livelli differenti ta’ awtoritajiet, operaturi ekonomiċi u partijiet oħra kkonċernati. Sabiex issir promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli b’mod effettiv, huwa essenzjali li l-partijiet ikkonċernati, l-awtoritajiet u l-pubbliku jiġu kkonsultati fi stadju adattat fit-tħejjija ta’ pjani tal-ispazji marittimi fl-ambitu ta’ din id-Direttiva, f’konformità mal-leġiżlazzjoni relevanti tal-Unjoni. Eżempju tajjeb għad-dispożizzjonijiet dwar il-konsultazzjoni pubblika jinsab fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16).

(22)

Permezz tal-pjani tal-ispazju marittimu, l-Istati Membri jistgħu jnaqqsu l-piż u l-ispejjeż amministrattivi b’appoġġ għall-azzjoni tagħhom biex jimplimentaw leġiżlazzjoni oħra relevanti tal-Unjoni. L-iskedi taż-żmien għall-pjani tal-ispazji marittimi għandhom għalhekk, meta possibbli, ikunu koerenti mal-iskedi taż-żmien spjegati f’leġiżlazzjoni oħra relevanti, speċjalment: id-Direttiva 2009/28/KE, li teħtieġ li s-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija fl-2020 ikun tal-inqas 20 % u li tidentifika koordinazzjoni tal-awtorizzazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u l-proċeduri tal-ippjanar, inkluż l-ippjanar tal-ispazji bħala kontribuzzjoni importanti biex jintlaħqu l-miri tal-Unjoni għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli; id-Direttiva 2008/56/KE u l-punt 6 tal-Parti A tal-Anness tad-Deċiżjoni 2010/477/UE, li teħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiksbu jew iżommu status ambjentali tajjeb fl-ambjent tal-baħar sal-2020 u li tidentifika l-ippjanar tal-ispazju marittimu bħala għodda ta’ appoġġ għall-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema fil-ġestjoni tal-attivitajiet tal-bniedem sabiex jinkiseb status ambjentali tajjeb; id-Deċiżjoni Nru 884/2004/KE li teħtieġ li n-netwerk trans-Ewropew tat-trasport jiġi stabbilit sal-2020 permezz tal-integrazzjoni tan-netwerks tal-infrastruttura tat-trasport Ewropew fuq l-art, fil-baħar u fl-ajru.

(23)

Id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) tistabbilixxi l-valutazzjoni ambjentali bħala għodda importanti għall-integrazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjani u programmi. Meta jkun probabbli li pjani tal-ispazji marittimi jkollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent dawn jiġu suġġetti għad- Direttiva 2001/42/KE. Meta pjani tal-ispazji marittimi jinkludu siti ta’ Natura 2000, valutazzjoni ambjentali bħal din tista’ tiġi magħquda mar-rekwiżiti tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43/KEE, biex tiġi evitata d-duplikazzjoni.

(24)

Bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-pjani tal-ispazji marittimi jkunu bbażati fuq data affidabbli u biex ikun evitat piż amministrattiv żejjed, huwa essenzjali li l-Istati Membri jużaw l-aħjar data u informazzjoni disponibbli billi jħeġġu lill-partijietikkonċernati relevanti jaqsmu l-informazzjoni u permezz tal-użu ta’ strumenti u għodod eżistenti għall-ġbir tad-data, bħal dawk żviluppati fil-kuntest tal-inizjattiva tal-Għarfien dwar il-Baħar 2020 u d-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18).

(25)

L-Istati Membri għandhom jibagħtu kopji tal-pjani tal-ispazji marittimi u kwalunke aġġornament lill-Kummissjoni, sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tissorvelja l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tuża l-informazzjoni fornuta mill-Istati Membri u informazzjoni eżistenti disponibbli taħt il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni biex iżżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill infurmati dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(26)

It-traspożizzjoni f’waqtha ta’ din id-Direttiva hija essenzjali peress li l-Unjoni adottat għadd ta’ inizjattivi ta’ politika li għandhom jiġu implimentati sas-sena 2020 u li din id-Direttiva għandha l-għan li ssostni u li tikkomplementa.

(27)

Stat Membru mingħajr kosta jkun taħt obbligu sproporzjonat u mhux meħtieġ jekk ikollu jittrasponi u jimplimenta din id-Direttiva. Għalhekk, Stati Membri bħal dawn għandhom ikunu eżentati mill-obbligu li jittrasponu u jimplimentaw din id-Direttiva,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

S. GOZI

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 28.08.2014 00:00:00 -Doknr: CELEX:32014L0089
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.