+Artikolu 5 Standard tal-infrastruttura
---+Artikolu 5 1.
---+Artikolu 5 2.
---+Artikolu 5 3.
---+Artikolu 5 4.
---+Artikolu 5 5.
---+Artikolu 5 6.
---+Artikolu 5 7.
---+Artikolu 5 8.
---+Artikolu 5 9.

Artikolu 5 Standard tal-infrastruttura

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 5 1.
Kull Stat Membru jew, fejn Stat Membru jipprovdi hekk, l-awtorità kompetenti tiegħu għandha tiżgura li jittieħdu l-miżuri neċessarji biex f'każ ta' interruzzjoni fl-akbar infrastruttura unika tal-gass, il-kapaċità teknika tal-bqija tal-infrastruttura, determinata skont il-formula N – 1 kif stabbilit fil-punt 2 tal-Anness II, tkun tista', mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, tissodisfa d-domanda tal-gass totali taż-żona kkalkulata matul ġurnata ta' domanda eċċezzjonalment għolja għall-gass li sseħħ bi probabbiltà statistika ta' darba f'20 sena. Dan għandu jsir b'kont meħud tax-xejriet tal-konsum tal-gass, l-impatti fit-tul tal-miżuri ta' effiċjenza enerġetika u r-rati ta' użu tal-infrastruttura eżistenti.

L-obbligu stabbilit fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni li jagħmlu l-investimenti korrispondenti u għall-obbligi tal-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 715/2009 u fid-Direttiva 2009/73/KE.

Artikolu 5 2.
L-obbligu li jiġi żgurat li l-bqija tal-infrastruttura jkollha l-kapaċità teknika li tissodisfa d-domanda totali għall-gass, kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, għandu jitqies ukoll li jkun ġie sodisfatt fejn l-awtorità kompetenti turi fil-pjan ta' azzjoni preventiva li l-interruzzjoni tal-provvista tal-gass tista' tkun ikkumpensata b'mod suffiċjenti, fi żmien xieraq, permezz ta' miżuri adatti min-naħa tad-domanda bbażati fuq is-suq. Għal dak il-għan, il-formula N – 1 għandha tiġi kkalkulata kif deskritt fil-punt 4 tal-Anness II.
Artikolu 5 3.
Fejn adatt, skont il-valutazzjonijiet tar-riskju msemmija fl-Artikolu 7, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-viċinat jistgħu jaqblu li jissodisfaw, b'mod konġunt, l-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. F'każ bħal dan, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu fil-valutazzjoni tar-riskju l-kalkolu tal-formula N – 1 flimkien ma' spjegazzjoni fil-kapitoli reġjonali tal-pjanijiet ta' azzjoni preventiva ta' kif l-arranġamenti miftiehma jissodisfaw dak l-obbligu. Għandu japplika l-punt 5 tal-Anness II.
Artikolu 5 4.

L-operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni għandhom jippermettu kapaċità fiżika permanenti għat-trasport tal-gass fiż-żewġ direzzjonijiet (“kapaċità bidirezzjonali”) fuq l-interkonnessjonijiet kollha bejn l-Istati Membri, minbarra:

(a) 

fil-każ ta' konnessjonijiet għall-faċilitajiet tal-produzzjoni, għall-faċilitajiet LNG u għan-netwerks ta' distribuzzjoni; jew

(b) 

fejn tkun ingħatat eżenzjoni minn dak l-obbligu, wara valutazzjoni ddettaljata u wara konsultazzjoni mal-Istati Membri l-oħra u mal-Kummissjoni f'konformità mal-Anness III.

Għall-proċedura li tippermetti jew li ssaħħaħ il-kapaċità bidirezzjonali fuq interkonnessjoni jew għall-ksib jew l-estensjoni ta' eżenzjoni minn dak l-obbligu, għandu japplika l-Anness III. Il-Kummissjoni għandha tagħmel pubblika l-lista ta' eżenzjonijiet u żżommha aġġornata.

Artikolu 5 5.

Proposta biex tiġi permessa jew tittejjeb il-kapaċità bidirezzjonali jew it-talba biex tingħata jew tiġi estiża eżenzjoni għandha tinkludi analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji mħejjija fuq il-bażi tal-metodoloġija skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ) u għandha tkun ibbażata fuq l-elementi li ġejjin:

(a) 

valutazzjoni tad-domanda tas-suq;

(b) 

projezzjonijiet tad-domanda u l-provvista;

(c) 

l-impatt ekonomiku possibbli fuq l-infrastruttura eżistenti;

(d) 

studju tal-fattibbiltà;

(e) 

l-ispejjeż għall-kapaċità bidirezzjonali li jinkludu r-rinfurzar neċessarju tas-sistema ta' trasmissjoni; u

(f) 

il-benefiċċji għas-sigurtà tal-provvista tal-gass filwaqt li jitqies il-kontribut possibbli tal-kapaċità bidirezzjonali biex jintlaħaq l-istandard fl-infrastruttura stabbilit f'dan l-Artikolu.

Artikolu 5 6.
L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom iqisu l-ispejjeż imġarrba b'mod effiċjenti biex jiġi sodisfatt l-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u l-ispejjeż li jippermettu l-kapaċità bidirezzjonali sabiex jingħataw l-inċentivi adatti meta jiġu ffissati jew approvati, b'mod trasparenti u dettaljat, it-tariffi jew il-metodoloġiji skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 u l-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73/KE.
Artikolu 5 7.
Sa fejn investiment li jippermetti jew isaħħaħ il-kapaċità bidirezzjonali mhuwiex meħtieġ mis-suq iżda jitqies neċessarju għal skopijiet tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u fejn dak l-investiment iwassal għal spejjeż f'aktar minn Stat Membru wieħed jew fi Stat Membru wieħed għall-benefiċċju ta' Stat Membru ieħor, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri kollha kkonċernati għandhom jieħdu deċiżjoni koordinata dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni dwar investiment. L-allokazzjoni tal-ispejjeż għandha tqis il-prinċipji deskritti u l-elementi li jinsabu fl-Artikolu 12(4) tar-Regolament (UE) Nru 347/2013, b'mod partikolari l-proporzjon tal-benefiċċji tal-investimenti fl-infrastruttura biex tiżdied is-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-Istati Membri kkonċernati kif ukoll l-investimenti li diġà saru fl-infrastruttura inkwistjoni. L-allokazzjoni tal-ispejjeż m'għandhiex toħloq distorsjoni b'mod indebitu tal-kompetizzjoni u l-funzjonament effettiv tas-suq intern u għandha tipprova tevita kwalunkwe effett ta' distorsjoni indebita fis-suq.
Artikolu 5 8.
L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li kwalunkwe infrastruttura ġdida ta' trasmissjoni tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista tal-gass permezz tal-iżvilupp ta' netwerk konness tajjeb, inkluż, fejn adatt, b'mezzi ta' numru suffiċjenti ta' punti ta' dħul u ħruġ transkonfinali relattivi għad-domanda tas-suq u r-riskji identifikati.

L-awtorità kompetenti għandha tivvaluta fil-valutazzjoni tar-riskju jekk, b'perspettiva integrata dwar is-sistemi tal-gass u tal-elettriku, jeżistux ostakli interni u jekk kapaċità ta' dħul u infrastruttura nazzjonali, b'mod partikolari netwerks ta' trasmissjoni, jistgħux jaddattaw il-flussi tal-gass transkonfinali u nazzjonali għax-xenarju ta' interruzzjoni tal-akbar infrastruttura unika tal-gass fil-livell nazzjonali u l-akbar infrastruttura unika tal-gass ta' interess komuni għall-grupp ta' riskju identifikat fil-valutazzjoni tar-riskju.

Artikolu 5 9.
Bħala eċċezzjoni mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, u suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan il-paragrafu, il-Lussemburgu, is-Slovenja u l-Iżvezja ma għandhomx ikunu marbutin bl-obbligu stabbilit f'dak il-paragrafu, iżda għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jissodisfawh, filwaqt li jiżguraw il-provvisti tal-gass lill-klijenti protetti skont l-Artikolu 6.

L-eċċezzjoni għandha tapplika għal-Lussemburgu sakemm dan:

(a) 

ikollu mill-inqas żewġ interkonnetturi ma' Stati Membri oħrajn;

(b) 

ikollu mill-inqas żewġ sorsi differenti ta' provvista tal-gass; u

(c) 

ma jkollu l-ebda faċilità ta' ħżin tal-gass fit-territorju tiegħu.

L-eċċezzjoni għandha tapplika għas-Slovenja sakemm din:

(a) 

ikollha mill-inqas żewġ interkonnetturi ma' Stati Membri oħrajn;

(b) 

ikollha mill-inqas żewġ sorsi differenti ta' provvista tal-gass; u

(c) 

ma jkollha l-ebda faċilità ta' ħżin tal-gass jew faċilità ta' LNG fit-territorju tagħha.

L-eċċezzjoni għandha tapplika għall-Iżvezja sakemm din:

(a) 

ma jkollha l-ebda tranżitu ta' gass għall-Istati Membri l-oħrajn fit-territorju tagħha;

(b) 

ikollha konsum annwali gross intern tal-gass ta' inqas minn 2 Mtoe; u

(c) 

ikollha inqas minn 5 % tal-konsum totali tal-enerġija primarja mill-gass.

Il-Lussemburgu, is-Slovenja u l-Iżvezja għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla li taffettwa il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan il-paragrafu. L-eċċezzjoni stabbilita f'dan il-paragrafu għandha tieqaf tapplika fejn mill-inqas waħda minn dawk il-kondizzjonijiet ma tibqax iżjed sodisfatta.

Bħala parti mill-valutazzjoni tar-riskju nazzjonali mwettqa f'konformità mal-Artikolu 7(3) il-Lussemburgu, is-Slovenja u l-Iżvezja għandhom jiddeskrivu s-sitwazzjoni fir-rigward tal-kondizzjonijiet rispettivi stabbiliti f'dan il-paragrafu u l-prospetti għall-konformità mal-obbligu fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, b'kont meħud tal-impatt ekonomiku meta jintlaħaq l-istandard tal-infrastruttura, tal-iżvilupp tas-suq tal-gass u tal-proġetti tal-infrastruttura tal-gass fil-grupp ta' riskju. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta fil-valutazzjoni tar-riskju nazzjonali u jekk il-kondizzjonijiet rispettivi stabbiliti f'dan il-paragrafu jibqgħu sodisfatti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li l-eċċezzjoni tista' tkompli tapplika għal erba' snin oħra. F'każ ta' deċiżjoni pożittiva, il-proċedura stabbilita f'dan is-subparagrafu għandha tiġi ripetuta wara erba' snin.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 22.06.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32017R1938
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.