L-awtorità regolatorja nazzjonali tista’ timponi, skont l-Artikolu 68, obbligi rigward l-irkupru tal-ispejjeż u l-kontroll tal-prezzijiet, inkluż obbligi rigward l-orjentazzjoni tal-prezzijiet lejn l-ispejjeż u l-obbligi li jikkonċernaw is-sistemi tal-kontabbiltà tal-ispejjeż, għall-forniment ta’ tipi speċifiċi ta’ interkonnessjoni jew aċċess, f’sitwazzjonijiet fejn analiżi tas-suq tindika li n-nuqqas ta’ kompetizzjoni effettiva jfisser li l-impriża kkonċernata tista’ ssostni prezzijiet f’livell eċċessivament għoli, jew tista’ tikkumpressa l-prezzijiet, għad-detriment tal-utenti finali.
Meta jiddeterminaw jekk ikunx xieraq li jkun hemm obbligi tal-kontroll tal-prezzijiet, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom iqisu l-ħtieġa li tiġi promossa l-kompetizzjoni u l-interessi tal-utent finali fit-tul fir-rigward tal-introduzzjoni u l-adozzjoni tan-netwerks tal-ġenerazzjoni li jmiss, u b’mod partikolari n-netwerks b’kapaċità kbira ħafna. B’mod partikolari, sabiex jinkoraġġixxu l-investimenti mill-impriża, inkluż fin-netwerks tal-ġenerazzjoni li jmiss, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jieħdu kont tal-investiment magħmul mill-impriża. Meta l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jidhrilhom li jkun xieraq li jsiru kontrolli tal-prezzijiet, dawn għandhom jippermettu lill-impriża rata raġonevoli ta’ qligħ fuq il-kapital adegwat investit, b’kont meħud ta’ kwalunkwe riskju speċifiku għal proġett tan-netwerk tal-investiment ġdid partikolari.
L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jikkunsidraw li ma jimponux jew iżommu l-obbligi skont dan l-Artikolu fejn jistabbilixxu li hemm ċertu limitu evidenti għall-prezz bl-imnut u li kwalunkwe obbligu impost b’konformità mal-Artikoli 69 sa 73, inkluż, b’mod partikolari, kwalunkwe test tar-replikabbiltà ekonomika impost skont l-Artikolu 70, jiżgura aċċess effettiv u nondiskriminatorju.
Meta l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jikkunsidraw li huwa xieraq li jiġu imposti obbligi tal-kontroll tal-prezzijiet għal aċċess għal elementi ta’ netwerk eżistenti, dawn għandhom iqisu wkoll li l-benefiċċji tal-prezzijiet bl-ingrossa prevedibbli u stabbli b’mod li jiżguraw dħul effiċjenti fis-suq u inċentivi biżżejjed għall-impriżi kollha biex jużaw netwerks ġodda u mtejba.