L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti finali jkollhom aċċess għal l-mekkaniżmi barra l-qorti li jkunu sempliċi, ġusti, trasparenti, indipendenti, effikaċi u effiċjenti għar-riżoluzzjoni ta' tilwim fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi stabbiliti skont din id-Direttiva, permezz ta' mekkaniżmu indipendenti bħall-ombudsman tal-enerġija jew korp tal-konsumaturi, jew permezz ta' awtorità regolatorja. Meta klijent finali huwa konsumatur skont it-tifsira tad-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (
9
), tali mekkaniżmi barra l-qorti għar-riżoluzzjoni ta' tilwim għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-kwalità tad-Direttiva 2013/11/UE u għandhom jipprovdu, fejn meħtieġ, għal sistemi ta' rifużjoni u kumpens.