1. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu lista ta' settijiet tad-data speċifiċi ta' valur għoli li jagħmlu parti mill-kategoriji stabbiliti fl-Anness I u miżmuma minn korpi tas-settur pubbliku u impriżi pubbliċi fost id-dokumenti li għalihom tapplika din id-Direttiva.
Tali settijiet tad-data speċifiċi ta' valur għoli għandhom ikunu:
|
(a)
|
disponibbli mingħajr ħlas soġġetti għall-paragrafi 3, 4 u 5;
|
|
(b)
|
f'format li jinqara mill-magni;
|
|
(c)
|
ipprovduti permezz ta' APIs; u
|
|
(d)
|
ipprovduti bħala tniżżil massiv, fejn rilevanti.
|
Dawk l-atti ta' implimentazzjoni jistgħu jispeċifikaw l-arranġamenti għall-pubblikazzjoni u l-użu mill-ġdid ta' settijiet tad-data ta' valur għoli. Tali arranġamenti għandhom ikunu kompatibbli ma' liċenzji standard miftuħa.
L-arranġamenti jistgħu jinkludu termini applikabbli għall-użu mill-ġdid, formati ta' data u metadata u arranġamenti tekniċi tad-disseminazzjoni. Investimenti magħmula mill-Istati Membri f'approċċi tad-data miftuħa, bħal investimenti fl-iżvilupp u l-introduzzjoni ta' ċerti standards, għandhom jiġu kkunsidrati u bbilanċati mal-benefiċċji potenzjali minn inklużjoni fil-lista.
Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(2).