9. Il-kuntratti msemmija f’dan l-Artikolu għandhom b’mod partikolari jiżguraw li l-forniment ta’ servizzi bbażati fuq infrastruttura kummerċjali jippreżerva l-interessi essenzjali tal-Unjoni u l-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Programm imsemmija fl-Artikolu 3. Dawk il-kuntratti għandhom jinkludu wkoll salvagwardji adegwati biex jiġi evitat kwalunkwe kumpens żejjed lill-kuntratturi msemmija f’dan l-Artikolu, distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, kunflitti ta’ interess, diskriminazzjoni bla bżonn jew kwalunkwe vantaġġ indirett moħbi ieħor. Tali salvagwardji jistgħu jinkludu l-obbligu ta’ separazzjoni tal-kontabilità bejn il-forniment ta’ servizzi governattivi u l-forniment ta’ servizzi kummerċjali, inkluż l-istabbiliment ta’ entità strutturalment u legalment separata mill-operatur integrat vertikalment għall-forniment ta’ servizzi governattivi, u l-forniment ta’ aċċess miftuħ, ġust, raġonevoli u mhux diskriminatorju għall-infrastruttura meħtieġ għall-forniment ta’ servizzi kummerċjali. Il-kuntratti għandhom jiżguraw ukoll li l-kondizzjonijiet tal-Artikolu 22 jiġu ssodisfati matul id-durata kollha tagħhom.