+Artikolu 21 Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni
---+Artikolu 21 1.
---+Artikolu 21 2.
---+Artikolu 21 3.
---+Artikolu 21 4.

Artikolu 21 Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 21 1.
Meta jimplimentaw il-Pjanijiet, l-Istati Membri, bħala benefiċjarji tal-fondi taħt il-Fond, għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u biex jiżguraw li l-użu tal-allokazzjonijiet finanzjarji b’rabta mal-miżuri u l-investimenti appoġġati mill-Fond, inkluż dawk imwettqa minn entitajiet pubbliċi jew privati li ma jkunux unitajiet domestiċi vulnerabbli, mikrointrapriżi vulnerabbli u utenti tat-trasport vulnerabbli f’konformità mal-Artikolu 9, ikun konformi mad-dritt tal-Unjoni u mal-liġi nazzjonali applikabbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni ta’ frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess. Għal dak l-għan, l-Istati Membri għandhom jipprovdu sistema effettiva u effiċjenti ta’ kontroll intern kif stipulat ulterjorment fl-Anness III u l-irkupru tal-ammonti mħallsa b’mod żbaljat jew użati b’mod skorrett. L-Istati Membri jistgħu jiddependu fuq is-sistemi ta’ ġestjoni tal-baġit nazzjonali regolari tagħhom.
Artikolu 21 2.

Il-ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 19 għandhom jipprevedu l-obbligi li ġejjin tal-Istati Membri:

(a) 

li jikkontrollaw regolarment li l-finanzjament ipprovdut ikun intuża kif suppost f’konformità mar-regoli applikabbli kollha u li kwalunkwe miżura jew investiment taħt il-Pjan ikunu ġew implimentati kif suppost f’konformità mar-regoli applikabbli kollha, b’mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni ta’ frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess;

(b) 

li jieħdu miżuri xierqa biex jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-frodi, il-korruzzjoni u l-kunflitti ta’ interess kif definiti fl-Artikolu 61 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u li jieħdu azzjoni legali biex jirkupraw fondi li jkunu ġew miżapproprjati, inkluż b’rabta ma’ kwalunkwe miżura jew investiment implimentati taħt il-Pjan;

(c) 

li jakkumpanjaw talba għal ħlas:

(i) 

b’dikjarazzjoni ta’ ġestjoni li l-allokazzjonijiet finanzjarji ntużaw għall-iskop maħsub tagħhom, li l-informazzjoni ppreżentata mat-talba għal ħlas hija kompluta, preċiża u affidabbli, u li s-sistemi ta’ kontroll intern stabbiliti jagħtu l-assigurazzjonijiet meħtieġa li l-allokazzjonijiet finanzjarji ġew ġestiti f’konformità mar-regoli applikabbli kollha, b’mod partikolari r-regoli dwar l-evitar ta’ kunflitti ta’ interess, il-prevenzjoni tal-frodi, il-korruzzjoni u l-finanzjament doppju mill-Fond u minn programmi oħra tal-Unjoni f’konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba; u

(ii) 

b’taqsira tal-awditi mwettqa f’konformità mal-istandards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment, inkluż il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk l-awditi f’termini tal-ammont ta’ nfiq kopert u l-perjodu ta’ żmien kopert u l-analiżi tad-dgħufijiet identifikati u kwalunkwe azzjoni korrettiva meħuda;

(d) 

għall-fini tal-awditjar u l-kontroll u biex tiġi prevista informazzjoni komparabbli dwar l-użu ta’ allokazzjonijiet finanzjarji b’rabta mal-miżuri u l-investimenti implimentati taħt il-Pjan, li jiġbru, jirreġistraw u jaħżnu f’sistema elettronika u jiżguraw l-aċċess għall-kategoriji standardizzati ta’ data li ġejjin:

(i) 

l-isem tar-riċevituri finali tal-allokazzjonijiet finanzjarji, in-numri tar-reġistrazzjoni tal-VAT tagħhom jew in-numri ta’ identifikazzjoni tat-taxxa u l-ammont tal-allokazzjoni finanzjarja mill-Fond;

(ii) 

l-isem tal-kuntrattur(i) u tas-sottokuntrattur(i) u n-numru/i tar-reġistrazzjoni tal-VAT jew in-numru/i ta’ identifikazzjoni tat-taxxa tagħhom u l-valur tal-kuntratt(i) fejn ir-riċevitur finali tal-allokazzjonijiet finanzjarji jkun awtorità kontraenti f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jew mal-liġi nazzjonali dwar l-akkwist pubbliku;

(iii) 

l-isem/ismijiet, il-kunjom(ijiet), id-data/dati tat-twelid u n-numru/i ta’ reġistrazzjoni tal-VAT jew in-numru/i ta’ identifikazzjoni tat-taxxa, tas-sid(ien) benefiċjarju/i tar-riċevitur tal-allokazzjonijiet finanzjarji jew tal-kuntrattur, kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (6), tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 10 );

(iv) 

lista ta’ kwalunkwe miżura u investiment implimentati taħt il-Fond bl-ammont totali ta’ finanzjament pubbliku ta’ dawk il-miżuri u l-investimenti u li tindika l-ammont ta’ fondi mħallsa taħt fondi oħra ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni;

(e) 

li jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti tal-Awdituri u, fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, lill-UPPE, biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom kif previst fl-Artikolu 129(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u biex jimponu obbligi fuq ir-riċevituri finali kollha tal-allokazzjonijiet finanzjarji mħallsa għall-implimentazzjoni tal-miżuri u l-investimenti inklużi fil-Pjan, jew lill-persuni jew l-entitajiet l-oħrajn kollha involuti fl-implimentazzjoni tagħhom biex jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti tal-Awdituri u, fejn applikabbli, lill-UPPE, biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom kif previst fl-Artikolu 129(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u biex jimponu obbligi simili fuq ir-riċevituri finali kollha tal-fondi żborżati;

(f) 

li jżommu rekords skont l-Artikolu 132 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, bil-punt ta’ referenza jkun it-tranżazzjoni tal-ħlas rilevanti għall-miżura jew investiment rispettivi.

L-informazzjoni msemmija fil-punt (d)(ii) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu għandha tkun meħtieġa biss meta l-valur tal-akkwist pubbliku jkun akbar mil-limiti tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 11 ). Fir-rigward ta’ sottokuntratturi, dik l-informazzjoni għandha tkun meħtieġa biss:

(a) 

għall-ewwel livell ta’ sottokuntrattar;

(b) 

meta dik l-informazzjoni tkun irreġistrata fir-rigward tal-kuntrattur rispettiv; u

(c) 

għal sottokuntratti b’valur totali ta’ aktar minn EUR 50 000 .

Artikolu 21 3.
Id-data personali msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (d), ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi pproċessata mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni għall-fini, u d-durata korrispondenti, tal-proċedimenti ta’ kwittanza, awditjar u kontroll, informazzjoni, komunikazzjoni u viżibilità relatati mal-użu ta’ allokazzjonijiet finanzjarji relatati mal-implimentazzjoni tal-ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 19. Id-data personali għandha tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 jew mar-Regolament (UE) 2018/1725, skont liema minnhom ikun applikabbli. Fil-qafas tal-proċedura ta’ kwittanza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 319 TFUE, il-Fond għandu jkun soġġett għal rapportar taħt ir-rapportar finanzjarju u ta’ akkontabbiltà integrat imsemmi fl-Artikolu 247 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u, b’mod partikolari, separatament fir-rapport annwali dwar il-ġestjoni u l-prestazzjoni.
Artikolu 21 4.
Il-ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 19 għandhom jipprevedu wkoll id-dritt tal-Kummissjoni li tnaqqas b’mod proporzjonat l-appoġġ taħt il-Fond u li tirkupra kwalunkwe ammont dovut lill-baġit tal-Unjoni, f’każijiet ta’ frodi, korruzzjoni u kunflitt ta’ interessi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li ma jkunux ġew ikkorreġuta mill-Istat Membru, jew ksur serju ta’ obbligu li jirriżulta minn tali ftehimiet.

Meta tkun qed tiddeċiedi fuq l-ammont tal-irkupru u t-tnaqqis, il-Kummissjoni għandha tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità u għandha tqis is-serjetà tal-frodi, tal-korruzzjoni u tal-kunflitti ta’ interess li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jew ta’ ksur ta’ obbligu. Il-Kummissjoni għandha tagħti lill-Istat Membru l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu qabel ma jsir it-tnaqqis.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 30.06.2024 00:00:00 -Doknr: CELEX:32023R0955
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.