|
+Artikolu 3 Definizzjonijiet |
Artikolu 3 DefinizzjonijietArtikolu 3 Definizzjonijiet Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)
“Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea” tfisser deċiżjoni li tordna l-produzzjoni ta’ evidenza elettronika, maħruġa jew ivvalidata minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru f’konformità mal-Artikolu 4 (1), (2), (4) u (5), u indirizzata lil stabbiliment deżinjat jew lil rappreżentant legali ta’ fornitur tas-servizzi li joffri servizzi fl-Unjoni, meta dak l-istabbiliment jew rappreżentant legali deżinjat ikun jinsab fi Stat Membru ieħor marbut b’dan ir-Regolament;
(2)
“Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea” tfisser deċiżjoni li tordna l-preservazzjoni ta’ evidenza elettronika għall-finijiet ta’ talba sussegwenti għall-produzzjoni, u li tkun maħruġa jew ivvalidata minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru f’konformità mal- Artikolu 4(3), (4) u (5), u indirizzata lil stabbiliment deżinjat jew lil rappreżentant legali ta’ fornitur tas-servizzi li joffri servizzi fl-Unjoni, meta dak l-istabbiliment jew rappreżentant legali deżinjat ikun jinsab fi Stat Membru ieħor marbut b’dan ir-Regolament;
(3)
“fornitur tas-servizzi” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi waħda jew aktar mill-kategoriji ta’ servizzi li ġejjin, bl-eċċezzjoni tas-servizzi finanzjarji kif imsemmi fl-Artikolu 2(2), il-punt (b), tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ):
(a)
servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (4), tad-Direttiva (UE) 2018/1972;
(b)
servizzi ta’ ismijiet ta’ dominji tal-internet u ta’ numerazzjoni tal-IP, bħall-assenjazzjoni ta’ indirizzi IP, reġistru ta’ ismijiet ta’ dominji, reġistratur ta’ ismijiet ta’ dominji u servizzi ta’ privatezza u ta’ proxy relatati ma’ ismijiet ta’ dominji;
(c)
servizzi oħrajn tas-soċjetà tal-informazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), tad-Direttiva (UE) 2015/1535 li:
(i)
jippermettu lill-utenti tagħhom jikkomunikaw ma’ xulxin; jew
(ii)
jagħmluha possibbli li d-data tiġi maħżuna jew ipproċesata mod ieħor f’isem l-utenti li lilhom jiġi pprovdut is-servizz, dment li l-ħażna tad-data tkun komponent essenzjali tas-servizz mogħti lill-utent;
(4)
“joffri servizzi fl-Unjoni” tfisser:
(a)
li jippermetti lil persuni ġuridiċi jew fiżiċi fi Stat Membru jużaw is-servizzi elenkati fil-punt (3); u
(b)
li jkollu konnessjoni sostanzjali, ibbażata fuq kriterji fattwali speċifiċi, mal-Istat Membru msemmi fil-punt (a); tali konnessjoni sostanzjali trid titqies li teżisti meta l-fornitur tas-servizzi jkollu stabbiliment fi Stat Membru, jew, fin-nuqqas ta’ tali stabbiliment, meta jkun hemm għadd sinifikanti ta’ utenti fi Stat Membru wieħed jew aktar, jew meta l-attivitajiet ikunu mmirati lejn Stat Membru wieħed jew aktar;
(5)
“stabbiliment” tfisser entità li fil-fatt twettaq attività ekonomika għal perjodu indefinit permezz ta’ infrastruttura stabbli minn fejn jitwettaq in-negozju tal-forniment tas-servizzi jew inkella jiġi mmaniġġjat in-negozju;
(6)
“stabbiliment deżinjat” tfisser stabbiliment b’personalità ġuridika deżinjat bil-miktub minn fornitur tas-servizzi stabbilit fi Stat Membru li jieħu sehem fi strument legali msemmi fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva (UE) 2023/1544, għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1), u fil-Artikolu 3(1) ta’ dik id-Direttiva;
(7)
“rappreżentant legali” tfisser persuna fiżika jew ġuridika maħtura bil-miktub minn fornitur tas-servizzi mhux stabbilit fi Stat Membru li tieħu sehem fi strument legali msemmi fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva (UE) 2023/1544, għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) u fl-Artikolu 3(1) ta’ dik id-Direttiva;
(8)
“evidenza elettronika” tfisser data dwar l-abbonati, data tat-traffiku jew data ta’ kontenut maħżuna minn fornitur tas-servizzi jew f’ismu, f’forma elettronika, fil-mument tal-wasla ta’ Ċertifikat ta’ Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea (EPOC) jew ta’ Ċertifikat ta’ Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea (EPOC-PR);
(9)
“data dwar l-abbonati” tfisser kwalunkwe data miżmuma minn fornitur tas-servizzi relatata mal-abbonament għas-servizzi tiegħu, li għandha x’taqsam ma’:
(a)
l-identità ta’ abbonat jew klijent bħall-isem, id-data tat-twelid, l-indirizz postali jew ġeografiku, id-data dwar il-kontijiet u l-ħlas, in-numru tat-telefown, jew l-indirizz elettroniku pprovduti;
(b)
it-tip ta’ servizz u t-tul ta’ żmien tiegħu, inkluża data teknika u data li tidentifika l-miżuri tekniċi relatati jew l-interfaċċji użati mill-abbonat jew mill-klijent jew provduti lilu fil-mument tar-reġistrazzjoni jew tal-attivazzjoni inizjali, u data relatata mal-validazzjoni tal-użu tas-servizz, esklużi l-passwords jew mezzi ta’ awtentikazzjoni oħrajn użati minflok password li jiġu pprovduti minn utent, jew jinħolqu fuq talba ta’ utent;
(10)
“data mitluba għall-iskop uniku li jiġi identifikat l-utent” tfisser l-indirizzi IP u, fejn meħtieġ, il-portijiet sors rilevanti u l-kronogramma, jiġifieri d-data u l-ħin, jew l-ekwivalenti tekniċi ta’ dawk l-identifikaturi u l-informazzjoni relatata, meta mitluba mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew mill-awtoritajiet ġudizzjarji għall-iskop uniku li jiġi identifikat l-utent f’investigazzjoni kriminali speċifika;
(11)
“data tat-traffiku” tfisser data relatata mal-forniment ta’ servizz offrut minn fornitur tas-servizzi li sservi sabiex tipprovdi kuntest jew informazzjoni addizzjonali dwar dak is-servizz u hija ġġenerata jew ipproċessata permezz ta’ sistema ta’ informazzjoni tal-fornitur tas-servizzi, bħas-sors u d-destinazzjoni ta’ messaġġ jew tip ieħor ta’ interazzjoni, il-lokalizzazzjoni tal-apparat, id-data, il-ħin, it-tul ta’ żmien, id-daqs, ir-rotta, il-format, il-protokoll użat u t-tip ta’ kompressjoni, u metadata tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u data oħra, minbarra data dwar l-abbonati, relatata mal-bidu u t-tmiem ta’ sessjoni ta’ aċċess tal-utent għal servizz, bħad-data u l-ħin tal-użu, u l-log-in u l-log-off mis-servizz;
(12)
“data ta’ kontenut” tfisser kwalunkwe data f’format diġitali bħal kitba, vuċi, vidjows, stampi, u ħoss għajr data dwar l-abbonati jew data tat-traffiku;
(13)
“sistema tal-informazzjoni” tfisser sistema tal-informazzjoni kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (a), tad-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 );
(14)
“Stat emittenti” tfisser l-Istat Membru li fih tinħareġ l-Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea jew l-Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea;
(15)
“awtorità emittenti” tfisser l-awtorità kompetenti fl-Istat emittenti, li, f’konformità mal-Artikolu 4, tista’ toħroġ Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea jew Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea;
(16)
“Stat tal-infurzar” tfisser l-Istat Membru li fih l-istabbiliment deżinjat ikun stabbilit jew ir-rappreżentat legali jkun jirrisjedi u li lilu jiġu trażmessi Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea u EPOC jew Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea u EPOC-PR mill-awtorità emittenti għan-notifika jew għall-infurzar b’mod konformi ma’ dan ir-Regolament;
(17)
“awtorità tal-infurzar” tfisser l-awtorità fl-Istat tal-infurzar, li, f’konformità mal-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat, hija kompetenti biex tirċievi Ordni ta’ Produzzjoni Ewropea u EPOC jew Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea u EPOC-PR trażmessi mill-awtorità emittenti għan-notifika jew għall-infurzar f’konformità ma’ dan ir-Regolament;
(18)
“każ ta’ emerġenza” tfisser sitwazzjoni li fiha jkun hemm theddida imminenti għall-ħajja, l-integrità fiżika jew is-sikurezza ta’ persuna, jew għal infrastruttura kritika, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (a), tad-Direttiva 2008/114/KE, fejn it-tfixkil jew il-qerda ta’ tali infrastruttura kritika jirriżultaw f’theddida imminenti għall-ħajja, l-integrità fiżika jew is-sikurezza ta’ persuna, inkluż permezz ta’ dannu serju għall-forniment tal-provvisti bażiċi lill-popolazzjoni jew għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet ewlenin tal-Istat;
(19)
“kontrollur” tfisser kontrollur kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (7), tar-Regolament (UE) 2016/679;
(20)
“proċessur” tfisser proċessur kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (8), tar-Regolament (UE) 2016/679;
(21)
“sistema tal-IT deċentralizzata” tfisser network ta’ sistemi tal-IT u punti ta’ aċċess interoperabbli, li joperaw taħt ir-responsabbiltà u l-ġestjoni individwali ta’ kull Stat Membru, aġenzija jew korp tal-Unjoni, li jippermetti li jseħħ skambju transfruntier ta’ informazzjoni b’mod sigur u affidabbli. 1. Ħarsa ġenerali
1.1 Referenzi1.2 Rekwiżiti identifikati1.3 Standards relatati2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
|