+Artikolu 5 Infrastruttura tal-irriċarġjar
---+Artikolu 5 1.
---+Artikolu 5 2.
---+Artikolu 5 3.
---+Artikolu 5 4.
---+Artikolu 5 5.
---+Artikolu 5 6.
---+Artikolu 5 7.
---+Artikolu 5 8.
---+Artikolu 5 9.
---+Artikolu 5 10.
---+Artikolu 5 11.

Artikolu 5 Infrastruttura tal-irriċarġjar

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 5 1.
L-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar għandhom, fil-punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku mħaddma minnhom, jagħtu lill-utenti finali l-possibbiltà li jirriċarġjaw il-vettura elettrika tagħhom fuq bażi ad hoc.

Fil-punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku varati mit-13 ta’ April 2024, l-iċċarġjar fuq bażi ad hoc għandu jkun possibbli bl-użu ta’ strument ta’ pagament li jintuża b’mod wiesa’ fl-Unjoni. Għal dak il-għan, l-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar għandhom jaċċettaw pagamenti elettroniċi f’dawk il-punti permezz ta’ terminals u apparati użati għal servizzi ta’ pagament, inkluż mill-inqas wieħed minn dawn li ġejjin:

(a) 

tagħmir li jaqra l-kards tal-pagament;

(b) 

apparati b’funzjonalità mingħajr kuntatt li mill-inqas ikunu kapaċi jaqraw il-kards tal-pagament;

(c) 

għal punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku b’potenza tal-output ta’ inqas minn 50 kW, apparati li jużaw konnessjoni mal-internet u li jippermettu tranżazzjonijiet ta’ pagament siguri bħal dawk li jiġġeneraw kodiċi speċifiku ta’ Rispons Rapidu.

Mill-1 ta’ Jannar 2027, l-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar għandhom jiżguraw li l-punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku kollha mħaddma minnhom, b’potenza tal-output ta’ 50 kW jew aktar varati tul in-network tat-toroq TEN-T jew varati f’żona ta’ parkeġġ sikura u sigura, inklużi punti tal-irriċarġjar varati qabel it-13 ta’ April 2024, jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a) jew (b).

Terminal jew apparat ta’ pagament wieħed imsemmi fit-tieni subparagrafu jista’ jservi numru ta’ punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku fi grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar.

Ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-paragrafu ma għandhomx japplikaw għal punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku li ma jirrikjedux pagament għas-servizz tal-irriċarġjar.

Artikolu 5 2.
L-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar għandhom jiżguraw li meta joffru awtentikazzjoni awtomatika f’punt tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku mħaddem minnhom, l-utenti finali dejjem ikollhom id-dritt li ma jagħmlux użu mill-awtentikazzjoni awtomatika u minflokjew jirriċarġjaw il-vettura tagħhom fuq bażi ad hoc, kif previst fil-paragrafu 1, jew jużaw soluzzjoni oħra tal-irriċarġjar ibbażata fuq kuntratt offruta f’dak il-punt tal-irriċarġjar. L-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar għandhom juru b’mod ċar dik l-għażla lill-utenti finali u joffruhielhom b’mod konvenjenti f’kull punt tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku mħaddma minnhom, fejn jagħmlu disponibbli l-awtentikazzjoni awtomatika.
Artikolu 5 3.
Il-prezzijiet iċċarġjati mill-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku għandhom ikunu raġonevoli, jistgħu jitqabblu b’mod faċli u ċar, trasparenti u mhux diskriminatorji. L-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku ma għandhomx jiddiskriminaw, permezz tal-prezzijiet iċċarġjati, bejn l-utenti finali u l-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà jew bejn il-fornituri differenti ta’ servizzi ta’ mobbiltà. Madanakollu, il-livell tal-prezzijiet jista’ jiġi ddifferenzjat, iżda dan jista’ jsir biss b’mod proporzjonat, u skont ġustifikazzjoni oġġettiva.
Artikolu 5 4.
F’punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku b’potenza tal-output ta’ 50 kW jew aktar, il-prezz ad hoc iċċarġjat mill-operatur għandu jkun ibbażat fuq il-prezz għal kull kWh għall-elettriku fornut. Barra minn hekk, l-operaturi ta’ dawk il-punti tal-irriċarġjar jistgħu jiċċarġjaw tariffa tal-okkupanza fil-forma ta’ prezz għal kull minuta biex jiskoraġġixxu okkupanza twila fil-punt tal-irriċarġjar.

L-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku b’potenza tal-output ta’ 50 kW jew aktar għandhom, fl-istazzjonijiet tal-irriċarġjar, juru l-prezz ad hoc għal kull kWh u kwalunkwe tariffa għall-okkupanza possibbli espressa fi prezz kull minuta sabiex dik l-informazzjoni tkun magħrufa mill-utenti finali qabel ma jibdew sessjoni tal-irriċarġjar u jiġi ffaċilitat it-tqabbil tal-prezzijiet.

L-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku b’potenza tal-output ta’ inqas minn 50 kW għandhom, fl-istazzjonijiet tal-irriċarġjar operati minnhom, jagħmlu disponibbli b’mod ċar u faċli l-informazzjoni dwar il-prezz ad hoc, flimkien mal-komponenti kollha tal-prezz tiegħu, sabiex dik l-informazzjoni tkun magħrufa mill-utenti finali qabel ma jibdew sessjoni tal-irriċarġjar u sabiex jiġi ffaċilitat it-tqabbil tal-prezzijiet. Il-komponenti tal-prezz applikabbli għandhom jiġu ppreżentati fl-ordni li ġejja:

— 
il-prezz għal kull kWh;
— 
il-prezz għal kull minuta;
— 
il-prezz għal kull sessjoni; u
— 
kwalunkwe komponent ieħor tal-prezz li japplika.

L-ewwel u t-tieni subparagrafi għandhom japplikaw għall-punti tal-irriċarġjar kollha varati mit-13 ta’ April 2024.

Artikolu 5 5.
Il-prezzijiet iċċarġjati mill-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà lill-utenti finali għandhom ikunu raġonevoli, trasparenti u mhux diskriminatorji. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà għandhom jagħmlu disponibbli għall-utenti finali, qabel il-bidu tas-sessjoni tal-irriċarġjar prevista, l-informazzjoni applikabbli kollha dwar il-prezzijiet speċifika għal dik is-sessjoni tal-irriċarġjar, permezz ta’ mezzi elettroniċi disponibbli mingħajr ħlas u b’użu wiesa’, li tiddistingwi b’mod ċar l-komponenti kollha tal-prezz, inklużi l-kostijiet applikabbli tar-roaming elettroniku u tariffi jew ħlasijiet oħra applikati mill-fornitur tas-servizz tal-mobbiltà. It-tariffi għandhom ikunu raġonevoli, trasparenti u mhux diskriminatorji. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà ma għandhom japplikaw l-ebda tariffa żejda għar-roaming elettroniku transfruntier.
Artikolu 5 6.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet tagħhom jimmonitorjaw regolarment is-suq tal-infrastruttura tal-irriċarġjar, u b’mod partikolari, li jimmonitorjaw il-konformità tal-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar u tal-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà mal-paragrafi 3 u 5. L-Istati Membri għandhom iwettqu sforzi wkoll biex jiżguraw li l-awtoritajiet tagħhom jimmonitorjaw regolarment il-prattiki kummerċjali possibbilment żleali li jaffettwaw lill-konsumaturi.
Artikolu 5 7.
Sal-14 ta’ Ottubru 2024, l-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar għandhom jiżguraw li l-punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku kollha mħaddma minnhom ikunu punti tal-irriċarġjar konnessi b’mod diġitali.
Artikolu 5 8.
L-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar għandhom jiżguraw li l-punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku kollha mħaddma minnhom u mibnija wara t-13 ta’ April 2024 jew rinnovati wara l-14 ta’ Ottubru 2024 ikollhom il-kapaċità tal-irriċarġjar intelliġenti.
Artikolu 5 9.
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li f’żoni ta’ parkeġġ u mistrieħ tul in-network tat-toroq TEN-T fejn ġiet varata infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, jiġi ssinjalat il-post eżatt tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi.
Artikolu 5 10.
Sal-14 ta’ April 2025, l-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar disponibbli għall-pubbliku għandhom jiżguraw li l-punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku b’kurrent dirett (DC) kollha mħaddma minnhom ikollhom kejbil tal-irriċarġjar fiss installat.
Artikolu 5 11.
Meta l-operatur ta’ punt tal-irriċarġjar ma jkunx is-sid ta’ dak il-punt, is-sid għandu jagħmel disponibbli għall-operatur, f’konformità mal-arranġamenti bejniethom, punt tal-irriċarġjar bil-karatteristikti tekniċi li jippermettu lill-operatur jikkonforma mal-obbligu stabbilit fil-paragrafi 2, 7, 8 u 10.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 08.01.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32023R1804
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.