|
+ANNESS VI Sistemi ta’ kontroll indipendenti għaċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija |
ANNESS VI Sistemi ta’ kontroll indipendenti għaċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija
ANNESS VI Sistemi ta’ kontroll indipendenti għaċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija 1. Definizzjoni ta’ ċertifikat validu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija L-Istati Membri għandhom jipprovdu definizzjoni ċara ta’ x’jitqies li huwa ċertifikat validu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija. Id-definizzjoni ta’ ċertifikat validu tar-rendiment tal-enerġija għandha tiżgura:
(a)
verifika tal-validità tad-data mogħtija (inkluż verifiki fuq il-post) dwar il-bini, użata biex jinħareġ iċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija u r-riżultati ddikjarati fiċ-ċertifikat;
(b)
il-validità tal-kalkoli;
(c)
devjazzjoni massima għar-rendiment tal-enerġija ta’ bini, preferibbilment espressa mill-indikatur numeriku tal-użu tal-enerġija primarja (kWh/(m2 sena));
(d)
numru minimu ta’ elementi li jvarjaw mill-valuri prestabbiliti jew standard. L-Istati Membri jistgħu jinkludu elementi addizzjonali fid-definizzjoni ta’ ċertifikat validu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, bħal devjazzjoni massima għal valuri speċifiċi ta’ data tal-input. 2. Il-kwalità tas-sistema ta’ kontroll indipendenti għaċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija L-Istati Membri għandhom jipprovdu definizzjoni ċara tal-għanijiet tal-kwalità u l-livell ta’ fiduċja statistika li l-qafas taċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jentħtieġ li jilħaq. Is-sistema ta’ kontroll indipendenti għandha tiżgura mill-inqas 90 % taċ-ċertifikati validi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija maħruġa b’fiduċja statistika ta’ 95 % għall-perjodu evalwat, li ma għandux jaqbeż sena. Il-livell ta’ kwalità u l-livell ta’ fiduċja tas-sistema ta’ kontroll indipendenti għaċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għandhom jitkejlu bl-użu ta’ kampjunar aleatorju u għandhom iqisu l-elementi kollha pprovduti fid-definizzjoni ta’ ċertifikat validu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu verifika minn parti terza għall-evalwazzjoni ta’ mill-inqas 25 % tal-kampjun aleatorju meta s-sistemi ta’ kontroll indipendenti jkunu ġew iddelegati lil korpi mhux governattivi. Il-validità tad-data tal-input għandha tiġi vverifikata b’informazzjoni pprovduta mill-espert indipendenti. Tali informazzjoni tista’ tinkludi ċertifikati tal-prodott, speċifikazzjonijiet jew pjanijiet tal-bini li jinkludu dettalji dwar ir-rendiment tal-elementi differenti inklużi fiċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija. Il-validità tad-data tal-input għandha tiġi vverifikata permezz ta’ żjarat fuq il-post, li jistgħu jiwettqu b’mezzi virtwali, fejn adatt, f’mill-inqas 10 % taċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija li huma parti mill-kampjunar aleatorju użat biex tiġi vvalutata l-kwalità ġenerali tal-iskema. Minbarra l-kampjunar aleatorju minimu biex jiġi ddeterminat il-livell ġenerali tal-kwalità, l-Istati Membri jistgħu jużaw strateġiji differenti biex jidentifikaw u jimmiraw b’mod speċifiku l-kwalità fqira fiċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija bil-għan li jtejbu l-kwalità ġenerali tal-iskema. Tali analiżi mmirata ma tistax tintuża bħala l-bażi biex titkejjel il-kwalità ġenerali tal-iskema. L-Istati Membri għandhom jużaw miżuri preventivi u reattivi biex jiżguraw il-kwalità tal-qafas ġenerali taċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija. Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu taħriġ addizzjonali għal esperti indipendenti, kampjunar immirat, obbligu li jerġgħu jiġu ppreżentati ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, multi proporzjonali u projbizzjonijiet temporanji jew permanenti għall-esperti. Fejn l-informazzjoni tiżdied f’bażi tad-data, l-awtoritajiet nazzjonali għandu jkollhom il-possibbiltà jidentifikaw l-oriġinatur ta’ din iż-żieda, għall-finijiet ta’ monitoraġġ u ta’ verifika. 3. Id-disponibbiltà ta’ ċertifikati dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija Is-sistema ta’ kontroll indipendenti għandha tivverifika d-disponibbiltà taċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għal xerrejja u inkwilini prospettivi sabiex jiġi żgurat li jkun possibbli li jitqies ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija fid-deċiżjoni tagħhom li jixtru jew jikru. Is-sistema ta’ kontroll indipendenti għandha tivverifika l-viżibbiltà tal-indikatur tar-rendiment fl-użu tal-enerġija u l-klassi fil-midja tar-reklamar. 4. Trattament ta’ tipoloġiji tal-bini Is-sistema ta’ kontroll indipendenti għandha tqis tipoloġiji differenti ta’ bini, b’mod partikolari għal dawk it-tipoloġiji tal-bini li huma l-aktar prevalenti fis-suq tal-proprjetà immobbli, bħal residenzi uniċi, uffiċċji jew bejgħ bl-imnut. 5. Divulgazzjoni pubblika L-Istati Membri għandhom jippubblikaw regolarment, fil-bażi tad-data nazzjonali dwar iċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, mill-inqas l-informazzjoni li ġejja dwar is-sistema tal-kwalità:
(a)
id-definizzjoni ta’ ċertifikat validu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija;
(b)
l-għanijiet tal-kwalità għall-iskema taċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija;
(c)
ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-kwalità, inkluż l-għadd ta’ ċertifikati evalwati u d-daqs relattiv għall-għadd totali ta’ ċertifikati maħruġa fil-perjodu partikolari (għal kull tipoloġija);
(d)
miżuri ta’ kontinġenza biex tittejjeb il-kwalità ġenerali taċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija. 1. Ħarsa ġenerali
1.1 Referenzi1.2 Rekwiżiti identifikati1.3 Standards relatati2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
|